Matul il-ġimgħa jbigħ il-frott... il-Ħadd jiżfen il-folklor
Mexa wara l-passi ta' missieru:- ibiegħ il-frott, jiżfen u jżomm ma' Manchester Utd
Noel Teuma mix-Xagħra hu persuna li wieħed jiltaqa’ miegħu fil-parkeġġ tar-Rabat jbiegħ il-frott, ħaxix, ġbejniet u bajd mit-trakk tiegħu u nhar ta’ Ħadd wieħed jista’ jsibu madwar Malta jiżfen u jmexxi l-grupp folkloristiku tiegħu l-Kummittiva.
Noel għandu 41 sena miżżewweġ lil Isabelle mix-Xagħra u missier Owen ta’ 16-il sena u Hayden ta’ 9 snin.
“Twelidt u trabbejt bejjiegħ tal-frott,” beda jgħidli Noel. “Missieri kien itella’ l-frott, ħaxix, ġbejniet u bajd mixtrija mill-bdiewa Għawdxin lejn Malta u jien kont dejjem immur miegħu wara l-iskola jew meta ma kienx ikolli skola. Maż-żmien beda jixtri l-frott ta’ barra u jtellgħu Għawdex u jien kont immur miegħu nqassmu dan il-frott.”
Fattur interessanti hu li għalkemm Noel u missieru dejjem ħadmu fil-frott u ħaxix qatt ma kienu bdiewa jew raħħala, iżda kienu jixtru l-frott u l-ġbejniet mingħand bdiewa u raħħala Għawdxin.
“22 sena ilu tħajjart li niftaħ għal rasi u missieri ħajjarni billi tani t-trakk biex nibda nbigħ fil-parkeġġ tar-Rabat. Kienet deċiżjoni tiegħi li nagħmel it-trakk hawn u nibda nbigħ minn hawn. Dak iż-żmien ma kien hemm bżonn l-ebda permessi u fil-fatt għaddew 22 sena u għadni hawn fl-istess pjazza. Issa qegħdin tlieta hawn u tnejn oħra qegħdin qabel tidħol.”
“Kien l-ewwel darba li f’Għawdex kien hawn trakk kbir li jbigħ il-frott u l-ħaxix u ngħid il-verità x-xogħol kien tajjeb ħafna. Iżda issa x-xogħol naqas, waħda għax inqasam bejn ħamsa. Barra minn hekk is-supermarkets illum ibigħu l-frott u l-ħaxix – fejn qabel l-ħwienet kienu żgħar u ma kinux ibigħu frott u ħxejjex.”
Mistoqsi min huma l-klijenti tiegħu, Noel qal li matul il-ġimgħa l-akbar klijenti huma l-Għawdxin fejn hemm dawk li jaħdmu r-Rabat u qabel imorru d-dar jgħaddu jixtru mingħandu u hemm oħrajn li jiġu mil-irħula għax draw jixtru mingħandu. Matul il-weekends l-akbar negozju jagħmlu mal-Maltin, “u hawn turisti li jiġu kull sena Għawdex li jiġu jixtru mingħandi minn sena għal sena.”
Mistoqsi jekk kull trakk li hemm fil-parkeġġ għandux il-klijenti tiegħu, Noel qal li l-maġġoranza huma klijenti regolari, “iżda hawn nies li jduru minn trakk għall-ieħor jagħżlu dak li jixtiequ.”
Noel qal ukoll li n-negozju tiegħu jimxi bli staġuni fejn fix-Xitwa jbiegħ ħafna aktar ħxejjex u fis-sajf jbigħ ħafna aktar frott. Qalli wkoll li hu jagħfas ħafna fuq il-frott lokali u ħafna jmorru jfittxuh għax magħruf għalih.
Noel issibu fil-parkeġġ kuljum bejn it-Tnejn u s-Sibt mill-5.30am sas-2.30pm, imbagħad imur jarma x-Xagħra n-naħa tan-Nazzarenu bejn l-4pm u s-7pm.
Il-Ħadd imbagħad wieħed jista’ jara Noel differenti, Noel bħala żeffien u president tal-Kummittiva tax-Xagħra, li hi għaqda ta’ żeffiena folkloristiċi li jduru diversi postijiet f’Malta u Għawdex.
Il-Kummittiva hi żifna folkloristika li ħadet il-popolarita tagħha fil-Karnival u kien għalhekk li grupp ta’ żeffiena jduru ma’ lasta li minnha joħorġu speċi ta’ żigarelli li ż-żeffiena jduru bihom madwar il-lasta. Fl-antik iż-żeffiena kienu kollha jkunu rġiel fejn nofshom kienu jilbsu ta’ mara u jkunu ġejjin minn kull livell tas-soċjetà biex b’hekk il-fqir kien ikollu ċans jitħallat mas-sinjur.
Illum il-ġurnata fil-kummittiva daħlu jiżfnu n-nisa flok irġiel jilbsu ta’ mara u fil-grupp fejn Noel hu president tiegħu hemm 32 żeffien u żeffiena jieħdu sehem.
“Bħalma ma jien writt ix-xogħol ta’ missieri, writt il-Kummittiva, għax missieri wkoll kien żeffien u jmexxi din l-għaqda. Illum barra li jien żeffien, għamilt 9 snin bħala kaxxier, fejn issa jien il-president tal-għaqda. Dejjem imxejt fil-passi ta’ missieri anke fil-futbol inżomm mal-Manchester United bħalma kien hu. Issa ilu 11-il sena li miet missieri. Niftakru li l-hena tiegħu kien li kulfejn imur dejjem jiġri bit-tfal miegħu - tant li anke ħija ħa x-xogħol tiegħu li jġib il-ħxejjex u l-frott minn barra. Jien fil-fatt il-frott ta’ barra mingħandu nixtrih.
“Fil-kummittiva, l-familja kollha tiegħi niżfnu u anke oħti tiżfen magħna bil-familja kollha tagħha. Il-grupp illum hu ffurmat minn familji u koppji miżżewġa barra xi żgħażagħ. ”
Mistoqsi kif isib ħin jiżfen, Noel qalli li l-kummittiva fiha 7 taqsimiet u ladarba tkun tafhom m’għandekx għalfejn titħarreġ iżjed. “Nippruvawha biss meta jkollna l-ġodda. Iż-żeffiena huma kważi kollha mix-Xagħra għalkemm issa ġew xi tnejn mix-Xewkija magħna. Aħna niżfnu biss il-Ħadd - jiġifieri lili ma jtellifni xejn mix-xogħol tiegħi.”
Il-kummittiva jiġu mistiedna minn diversi kunsilli lokali Maltin meta jorganizzaw xi ljieli Maltin u f’Għawdex jiżfnu biss fil-Karnival. Għall-ewwel darba se jmorru jiżfnu Barċellona f’festival taż-żfin f’Ottubru li ġej.
Il-grupp jitħallas meta jkunu mistiedna, iżda dan ma jgħoddx għaż-żeffiena - “Ħadd miż-żeffiena ma jieħu ċenteżmu, l-flus li nitħallsu mill-kunsilli jmur għal grupp għax ikollna bżonn fondi biex jinħadmu kostumi u sandlijiet apposta. Barra hekk norganizzaw xi parties u BBQs fejn iż-żeffiena ma jħallsux u għalhekk nagħmlu attivitajiet biex nakkwistaw fondi biex inkunu nistgħu nagħmlu dan kollu. L-akbar attività hi BBQ kbir li jsir ir-Ramla u li għalih jattendu ħafna Xagħrin.”
Waqt din l-intervista li għamiltielu ħdejn it-trakk li minnu jbigħ frott, ħaxix, ġbejniet tal-bżar, bajd, ilma, kappar u bosta ħxejjex u ikel ieħor, u kelli nwaqqafha kemm-il darba meta diversi turisti bdew ġejjin wieħed, wieħed min jixtri tadama waħda, min flixkun ilma u min xi banana jew għanqud għeneb u hu b’dik it-tbissima tiegħu jaqdihom u jkompli jkellimni. Qabel tlaqt staqsejtu jekk uliedu jitħajrux jagħmlu bħalu jiġifieri li jimxu fuq il-passi ta’ missierhom, “uliedi ħsiebhom biss fl-iskola ma jridux xogħli.”