Fl-aħħar ħmistax saru l-mirakli fin-Nadur – is-sindku
Is-sindku żagħżugħ imidd idu għax-xogħol li kien hemm bżonn isir biex titlesta l-pjazza u ssir il-festa
Għal dawn l-aħħar xhur il-pjazza tan-Nadur kienet qisha sfat attakkata b’xi bomba. Grazzi għall-fondi Ewropej, il-Kunsill tan-Nadur iddeċieda li jagħti dehra ġdida lil din il-pjazza pittoreska ta’ dan ir-raħal sabiħ Għawdxi.
Kienu ħafna n-Nadurin li kienu qatgħu qalbhom li l-pjazza tkun lesta sal-festa u ħafna ħasbu li l-vara hekk imsejħa ‘Taż-Żewġ’ - San Pietru u San Pawl, din is-sena ma kinitx se toħroġ. Iżda permezz tal-ħidma kbira tas-sindku żagħżugħ Edward Said, din il-pjazza tlestiet u ġiet imnaddfa biex tilqa il-vara ta’ San Pietru u San Pawl.
“Jien wegħedthom li l-pjazza se tkun lesta sal-festa. Kien hemm ħin li l-poplu Naduri ippanikja u kien hemm żmien li anke jien kont se nippanikja, iżda fl-aħħar ħmistax saru l-mirakli. Il-kuntrattur ħadem bla waqfien u jien kont anke megħjun minn ħuti Chris, Charles u Ruben li ntfajna b’ruħna u ġisimna flimkien maż-żgħażagħ oħra naħdmu fil-pjaxxa biex tkun lesta.
“Li ġara kien li minħabba li din il-pjazza saret mill-fondi Ewropej hemm time frames li ma tistax twaqqaf ix-xogħol għax ma titħallasx allura ried ikun hemm bilanċ. Jien sibt quddiemi festa bla pjazza meta ħadt il-kariga ta’ sindku iżda emmint li titlesta bil-ħiqma ta’ kulħadd u tlestiet. Jonqos biss erba’ blokki li fihom irid isir pavimentar li kien għadu ma wasalx minn barra u wasal nhar il-Ġimgħa. Xorta ħadt deċiżjoni li flok il-pavimentar issir qoxra konkos u wara l-festa tinqala u jeħel il-pavimentar li m’għandux jieħu aktar minn tliet ġimgħat.
“Ikolli nammetti li meta nara l-vara ħierġa mill-pjazza se nkun l-aktar Naduri kburi u l-ħsieb biss qed jemmozzjonani.”
Edward hu persuna maħbub ħafna fin-Nadur u fil-fatt qalli li hu wiegħed li se jaħdem bil-għaqal għar-Raħal kollu fejn jaħdem id f’id mal-membri tal-kunsill kollu anke dawk laburisti u fil-kunsill hemm trasparenza sħiħa u kulħadd jiġbed ħabel wieħed, “dan jgħini li kulmeta nfittex in-nies għall-għajnuna qatt ma sibt ħajt li jwaqqafni.”
Għal din il-festa is-sindku Naduri uża ħafna l-facebook b’ritratti ta’ kuljum juri lilu u Nadurin oħra jaħdmu fuq il-porġett tal-pjazza u l-armar tagħha. “Indunajt li dak li jien kont naħseb, li l-poplu Naduri jaf kollox, ma kinx korrett. Il-poplu ma kinx ikun jaf x’qed isir u permezz ta’ Facebook qed inwasslu dak li qed isir kuljum - fejn bqajt skantat li anke l-anzjani jiġu jgħiduli li raw ir-ritratti tax-xogħol li qed isir.”