(RITRATTI) Artiklu qarrieqi fil-media tal-PN – Anton Refalo

Ritratti meħuda matul il-ġimgħa li għaddew juru li il-Menqa f'Marsalforn kien hemm business as usual

Il-menqa nhar il-ĠImgħa filgħaxija
Il-menqa nhar il-ĠImgħa filgħaxija

Il-media tal-PN ħarġet tikkritika x-xogħol li qed isir fil-Menqa ta’ Marsalforn li ma tlestiex fil-ħin li kien imwiegħed li kellu jkun lest sa nhar l-Erbgħa li għaddew. Sadanittant l-istess media kkritikat il-fatt ukoll li l-MEPA kienet ħabbret waqfien minn kull xogħol ristrutturali ġdid f’żoni turistiċi bejn il-15 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru madwar Malta u Għawdex.

Għalhekk l-ILLUM tkellem mal-Ministeru ta’ Għawdex dwar din il-kritika u dwar ix-xogħol li qed isir fil-Menqa, bil-Ministeru għal Għawdex isejjaħ r-rapport tal-media Nazzjonalista bħala wieħed qarrieqi bl-uniku għan ikun biex jagħmel il-ħsara.

Il-Ministeru għal Għawdex qalilna li għal Gvern Laburista ż-żona tal-Menqa f’Marsalforn hi prijorità turistika. “Kien għalhekk li akkwista  fondi Ewropej biex issebbaħ aktar lill-Menqa kif ukoll lil Għawdex li  taħt amministrazzjoni Nazzjonalista kien spiċċa abbandunat” qalilna l-Ministru għal Għawdex.

Il-Ministeru għal Għawdex huwa eżenti mill-MTA biex iwettaq ix-xogħol, kif imħabbar fl-istqarrija 142466 li ħarġet fl-24 t'Ottubru 2014, anke peress li dan il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u, jekk ma jinżammx it-timeframe, Għawdex jirriskja li jitlef eluf t'ewro minn fondi importanti mill-allokazzjoni tal-Fondi Ewropej għas-Sajd 2007-2013.

Il-Ministeru għal Għawdex qalilna wkoll li apparti x-xogħol fuq il-ħajt tal-Menqa li mhux se jkun ta’ inkonvenjent għall-istabbilimenti kummerċjali, ix-xogħol fuq it-trinka tlesta l- Erbgħa filgħodu kif imwiegħed u fil-fatt bagħatilna ritratti li ttieħdu l-Ħamis filgħaxija u l-Ġimgħa filgħodu fejn jidher li t-triq u l-Menqa hi aċċessibbli sew għad-dgħajjes li jridu jiġu varati, għall-pubbliku u anke għal dawk it-trakkijiet li jridu jgħabbu jew iħottu.

“Il-Ministeru għal Għawdex qed jieħu l-miżuri kollha meħtiega biex jinħoloq l-inqas impatt possibbli fuq il-lukanda u r-ristoranti tal-inħawi. Kif jixhdu dawn ir-ritratti.  Mhux vera hemm diffikultajiet la  ghan-numru ta’ Għawdxin li jħobbu jgħumu hemm u lanqas m'hemm problema tal-parkeġġ u n-nuqqas ta’ aċċessibbiltà għall-persuni li jridu jgħaddu minn hemm bil-mixi.”

 

Dan il-proġett li se jiswa mijiet ta’ eluf, fejn 75% minnu hu finanzjat minn fondi Ewropej, jikkonsisti f’titjib estensiv tal-faċilitajiet tal-port ta’ Marsalforn u se jassigura li s-sajjieda ser ikunu jistgħu joperaw f’ambjent aħjar.

 

Ix-xogħol kollu jikkonsisti, f’xogħlijiet fuq il-ħajt tal-menqa biex id-dgħajjes tas-sajjieda ikunu iktar protetti; rikostruzzjoni tas-Slipway; ftuħ tal-landing office; bini mill-ġdid ta’ dry standing area; installazzjoni ta’ service pillars; u tibdil tal-winch eżistenti ma’ ieħor li hu iktar effiċjenti. Ix-xogħol se jkun finalizzat għal kollox lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

 

 

 

 

More in G?awdex