Ta’ Kerċem, raħal qadim b’żewġ festi titulari

Illum jiċċelebraw il-Madonna tas-Sokkors

 

Ma nistax ma nirringrazzjax lill-eks sindku Joseph Grima għal ħafna informazzjoni li għaddieli fuq dan ir-raħal qadim Għawdxi li għandu żewġ festi titulari, għalkemm illum qed jiċċelebra l-festa tas-Sokkors.

Ir-raħal pittoresk ta’ Kerċem jinsab fix-xaqliba tal-Lbiċ tar-Rabat u qrib ħafna tal-istess belt tal-gżira Għawdxija. L-ewwel darba li jissemma’ Ta’ Kerċem hu fis-sena 1587. Qabel dan il-post kien riferut bħala Santa Katarina tal-Qabbieża, u dan minn kappella qadima dedikata lil din il-qaddisa.

Hemm diversi interpretazzjonijiet dwar l-isem “Ta’ Kerċem.” Hemm min jaħseb li hu isem ta’ nies qodma, oħrajn qatgħu li l-kelma tnisslet mill-Puniku u tfisser post ta’ turufnament barra mill-belt. Hemm min jgħid li l-kelma “Ta’ Kerċem” ġejja mill-kelma Latina “quercus” li tfisser “balluta,” għax jgħidu li fl-imgħoddi dan il-post kien miżgħud bis-siġar tal-ballut. L-istoriku Għawdxi Rev. Dr. Joseph Bezzina jidher li jaqbel mal-fehma ta’ De Soldanis li jgħid li hu laqam ta’ familja li xi darba fl-imgħoddi mbiegħed, għexet fl-inħawi. Madanakollu t-tifsir tal-isem ta’ dan ir-raħal jibqa’ mistur u ma nafux min hu l-aktar eżatt.

Li nafu żgur hu li l-post kien mgħammar mill-bniedem sa mill-ibgħad żminijiet. Xhieda ta’ dan huma l-fdalijiet tal-fażi Għar Dalam (5000-4500 Q.K.) li nstabu fl-għerien tal-Mixta. Fdalijiet oħra huma l-oqbra preistoriċi mħaffra fil-franka, misjuba fl-2008 maġenb is-Santwarju Parrokkjali ta’ Kerċem, meqjusa bħala monumenti funerarji fost l-eqdem fil-Mediterran.  Aktar fdalijiet huma kumpless ta’ żmien il-Feniċi li nstabu fis-sena 1906, Santwarju Puniku misjub f’Ras il-Wardija minn Missjoni Militari Taljana fl-1964-65 u Banjijiet Rumani li nstabu fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Għar Għerduf.

Imbagħad żgur ma niżbaljawx jekk ngħidu li l-Katakombi ta’ Għar Għerduf u l-kappelli antiki f’dawn l-inħawi, li llum ħafna minnhom inqerdu għal kollox (fosthom dik magħrufa ħafna ta’ San Girgor, huma xhieda li minn żminijiet bikrin l-insara tal-gżira fittxew dawn l-inħawi għal skopijiet reliġjużi.)

L-oriġini tal-festa ta’ San Girgor fir-raħal ta’ Kerċem m’hemmx dubju li hija l-Purċissjoni votiva li sa minn żminijiet ferm antiki kienet issir mill-Matriċi (illum il-Katidral t’Għawdex) għall-Kappella ta’ San Girgor f’jum il-festa ta’ dan il-qaddis nhar it-12 ta’ Marzu. Daħlet bħala purċissjoni ħalli Alla jġib l-għaqda bejn is-slaten insara. Hi wegħda li għamlu missirijietna fl-istess okkażjoni li saret din il-purċissjoni tal-istess qaddis fiż-Żejtun Malta.

F’Ta’ Kerċem id-devozzjoni lejn San Girgor il-Kbir Papa ixxettlet u trawmet sew fil-kappella meqjuma lilu li nbniet fil-kontrada ta’ Għar Għerduf, fuq ir-riħ ta’ Wied il-Lunzjata, lejn is-sena 1580, fi żmien meta l-gżira ta’ Għawdex kienet għaddejja minn mument l-aktar diffiċli. Mal-medda taż-żmien, il-festa ta’ San Girgor kompliet dejjem issir aktar popolari fost l-Għawdxin. Saret festa folkloristika mimlija movimenti, kuluri u kummerċ. It-tiżwiq tal-kuluri tal-fratelli, l-ilwien tal-istandardi tal-fratellanzi, l-ilbies tal-kanoniċi u tal-kleru, kienu jagħtu lil din il-purċissjoni tal-festa ta’ San Girgor, xejra ferriħija ta’ ġmiel u poeżija.

Aktar ma beda jikber ir-raħal, aktar inħasset il-ħtieġa ta’ knisja akbar. Kien hawn li ċertu negozjant Franġisk Camilleri u martu Roża, iddeċidew li jidħlu għall-ispjejjeż ta’ Knisja ġdida. Fuq pjanta tal-Kan. Salvu Bondi, l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida tqiegħdet fit-12 ta’ Marzu 1846. Din tlestiet fit-23 ta’ Novembru 1851 u ġiet imbierka mill-Pro Vigarju Dun Tumas Pace.

Fl-1 ta’ Settembru 1848, waqt żjara li l-Isqof Publju Marija Sant għamel lill-bini tal-knisja l-ġdida ta’ San Girgor, mar iwaqqaf il-lokalità ta’ Kerċem bħala Viċi Parroċċa. Mat-tlestija tal-bini tal-Knisja, bdiet tiġi mgħammra b’opri l-aktar meħtieġa. Iżda bla dubju ta’ xejn l-akbar opra li saret kienet il-kwadru titulari, kapolavur tal-arti tal-artist Salvatore Busuttil. F’dan il-kwadru nsibu lill-Madonna tas-Sokkors fil-għoli mdawra b’għadd kbir ta’ anġli, u San Girgor mixħut għarkupptejh jitlobha. Ħdejh jidhru nies għarkupptejhom u oħrajn mixħutin fl-art mejtin bil-pesta. Tidher ukoll iċ-Cittadella t’Għawdex u l-purċissjoni ta’ San Girgor.

Permezz ta’ dan il-kwadru, issaħħet ferm id-devozzjoni tal-Kerċmin lejn il-Madonna tas-Sokkors. Dan wassal biex issir talba biex fil-Knisja ta’ San Girgor f’Ta’ Kerċem tibda’ tiġi ċċelebrata wkoll festa lill-Madonna tas-Sokkors. Id-digriet tal-Vatikan wasal fil-5 ta’ Mejju 1855, iffirmat mill-Kardinal G. Ferretti.

Iżda bla dubju ta’ xejn, l-akbar xewqa tal-Kerċmin seħħet fl-10 ta’ Marzu 1885. Dakinhar, il-Papa Leone XIII permezz tal-bolla apostolika “Nostro Pastoralis” mar jgħolli għad-dinjità ta’ parroċċa lill-Knisja ta’ San Girgor f’Ta’ Kerċem bl-ewwel kappillan ikun Dun Ġużepp Cachia. Fl-istess sena, b’digriet ieħor tal-Vatikan, il-Kongregazzjoni tar-Riti ddikjarat lill-Madonna tas-Sokkors bħala Kon-Titular flimkien ma’ San Girgor, u ffissat iċ-ċelebrazzjoni tal-festa għat-tieni Ħadd ta’ Lulju, u b’hekk fisser li Ta’ Kerċem sar l-unika lokalità li tiċċelebra żewġ festi titulari, San Girgor f’Marzu u l-Madonna tas-Sokkors f’Lulju, kif għadu jsir sal-ġurnata tal-lum.  

Fl-10 ta’ Jannar 1891 waslet l-ewwel statwa titulari tal-Madonna tas-Sokkors, minquxa fl-injam mill-istatwarju Sqalli Lo Turco. Ftit snin wara, fl-1897, il-Kerċmin ordnaw statwa oħra, din id-darba mid-ditta “Gallard et Fils” ta’ Marsilja. Din għadha titgawda sal-ġurnata tal-lum u hija l-għaxqa tal-Kerċmin kollha. Fl-1904 saret l-istatwa artistika ta’ San Girgor il-Kbir, ukoll mill-istess ditta Franċiża. Fl-1906 beda l-proġett tat-tkabbir tal-Knisja fi żmien il-Kappillan Franġisk Portelli. Inbnew il-kappelluni, il-kor kif ukoll il-koppla u l-kampnari fil-faċċata, peress li oriġinarjament il-Knisja kellha kampnar wieħed li kien fuq wara tagħha.

 

 

More in G?awdex