Għamel li ried u qered wied, spreġju ambjentali f' Għawdex
Sfreġju ambjentali f’ Wied Riħan li jinsab f'żona Natura 2000
Wied Riħan f’ Għawdex spiċċa vittma ta’ sfreġju ambjentali hekk kif bidwi żviluppa trejqa mdaqqsa għall-għalqa tiegħu mingħajr ma l-Kunsill Lokali tan-Nadur kien informat dwar u dan. Dan l-isfreġju wasal biex l-istess kunsill jilmenta mal- Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u jsejjaħ għal azzjoni u rimedji.
Mal-ILLUM, is-Sindku tan-Nadur Edward Said ikkonferma dan u qal li dan l-ilment sar din il-ġimgħa stess. Huwa wera t-tama li l-Awtorità tieħu azzjoni mill-aktar fis possibli.
Kif jixhdu r-ritratti li bagħtulna numru ta’ nies li jgħixu jew li jaħdmu l-art fil-viċinanzi, l-ħsara li saret hija konsiderovoli ħafna u jista’ jindika li x-xogħol sar minn makkinarju ta’ kostruzzjoni. Apparti minn hekk huwa ovvju li dan ix-xogħol impatta bl-ikrah id-dehra ta’ wieħed mill-isbaħ widien f’ Għawdex.
Ma’ dan il-ġurnal, Said kompla jgħid kif kunsilli preċedenti kienu oġġezzjonaw għal applikazzjonijiet simili biex ikun hemm żvilupp ta’ trejqa żgħira fl-inħawi. Barra minn hekk, persuni li tkellmu mal-ILLUM qalu li l-bidwi ilu japplika għal dan l-iżvilupp għal dawn tal-aħħar disa’ snin iżda dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda għal darba, darbtejn mill-MEPA.
Is-Sindku tan-Nadur qal li normalment, il-kunsill jiġi mgħarraf bi żvilupp fil-lokal, u li f’kwalunkwe każ il-kunsill ikun jista joġġezzjona għall-iżvilupp. Dwar l-iżvilupp f’Wied Riħan, Said qal li l-kunsill qatt ma kien infurmat b’ dan l-iżvilupp u kien biss wara bosta lmenti li hu, flimkien ma’ kunsilliera oħrajn, marru fuq il-post biex jaraw x’inhu jiġri. Sussegwentement, il-kunsill lokali għamel rapport lill-MEPA ħamest’ijiem ilu.
Said qal li għandu “suspett kredibbli” f’ persuna partikulari imma ma xtaqx jiżvela ismu ma’ dan il-ġurnal.