San Ġorġ Għawdex - Festa ta’ Poplu

Festa li ppakkjat Għawdex bil-Maltin u r-Rabat bil-Ġorġjani

Iltqajt ma’ Michael Formosa li hu s-segretarju amministrattiv tas-soċjetà La Stella, awditur żagħżugħ li ħajtu f’kull tielet ġimgħa ta’ Lulju ddur kollha madwar il-festa ta’ San Ġorġ Magalomartri li tiġi festeġġjata fir-Rabat Għawdex bħal-lum.

Festa li għaliha jitilgħu ħafna Maltin, speċjalment Qriema Ġorġjani li għal ġimgħa sħiħa joħonqu kull rokna ta’ Għawdex u kull filgħaxija jiffesteġġjaw mal-Ġorġjani Għawdxin din il-festa mill-kbar li hemm f’Għawdex. Festa li skont huma hi festa ta’ poplu għax hi festa mimlija dimostrazzjonijiet tal-poplu, bi briju mill-aqwa, fejn kull pjazza fir-Rabat tkun mimlija b’mod li ma jkunx hemm fejn toqgħod labra.

Michael Formosa qalilna li l-festa ta’ San Ġorġ hi l-unika waħda f’Għawdex li jiġu organizzati erba’ dimostrazzjonijiet, li huma marċi kbar tal-massa kollha briju. Jagħmlu dimostrazzjoni, it-Tlieta, l-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa. Matul il-ġimgħa ta’ festa jkun hemm ħames baned Maltin mistiedna li huma ż-żewġ baned ta’ Ħal Qormi, Anici u San Ġorġ, ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq, ta’ San Mikiel, ta’ Ħaż-Żabbar u l-King’s Own tal-Belt, li huma ħames baned li magħhom iġorru  ħafna partitarji u jkomplu jimlew it-toroq tar-Rabat f’din il-ġimgħa hekk imsejħa ta’ San Ġorġ.

Is-soċjetà La Stella ma toqgħodx tħares minn sena għall-oħra u dejjem toħlom bi proġetti ġodda għal festa  fejn din id-darba min se jmur il-festa se jkun jista’ jara sett ta’ bandalori quddiem il-każin u dekorazzjonijiet ġodda. Formosa qalli wkoll li anke n-nar ta’ San Ġorġ hu mill-aħjar u jinġieb mill-aqwa kmamar tan-nar f’Malta. “Il-festa ta’ San Ġorġ hi spettaklu sħiħ.”

Innutajt li l-Ġorġjani jsejħu lil San Ġorġ bħala megalomartri fejn Michael qalli li din tfisser li hu l-prinċep tal-martri. “Din mhix xi unur li tajnieh aħna iżda msejjaħ hekk mill-Knisja.”

Kull festa f’Għawdex hemm tradizzjoni li ssir dimostrazzjoni li tkun normalment tliet ijiem qabel il-festa. Iżda l-festa ta’ San Ġorġ għandha erba’ dimostrazzjonijiet li jibdew bl-innu l-kbir. Mistoqsi xi tfisser innu l-kbir Formosa qalli li hi kompożizzjoni klassika mill-banda bit-tenur u l-kor tat-tfal.

Iżda bla dubju li l-akbar marċ hu dak tal-lum (il-Ħadd) fil-11am li hu meqjus bħala street party enormi li skont is-segretarju amministrattiv qalli li l-briju jkun wieħed enormi u li qalli li kważi jħalltu mal-marċ tal-Ħamrun.

Interessanti wkoll f’din il-festa hu l-ħruġ tal-vara ta’ San Ġorġ mill-Bażilika fejn waqt l-innu l-Kbir jiġi milqugħ bil-palm. Xena spettakolari li ma ssir imkien fil-gżejjer Maltin. Min iħobb il-festi żgur li m’għandux jitlef il-ħruġ ta’ San Ġorġ mill-bażilika.

 

L-Istorja tal-Bażilika

Komunità Kristjana fil-qalba tar-Rabat fejn illum hemm il-parroċċa ta’ San Ġorġ kienet diġà teżisti madwar 500 sena WK. Għal ħafna snin il-knisja ta’ San Ġorġ tal-Ħaġar kienet l-uniku parroċċa li sservi l-gżira ta’ Għawdex.

Għalkemm ftit hu magħruf dwar l-għeruq antiki tal-parroċċa minħabba nuqqas ta’ dokumentazzjoni, fl-1456 l-arċipriet kien Don Filippo Guevara.

Minn evidenza arkeoloġika hu magħruf l-ewwel darba li nbniet knisja ddedikata lil San Ġorġ probabbilment kienet inbniet flok tempju pagan. Wara dan kienet inbniet diversi drabi oħra. Iżda l-istruttura tal-lum ilha hemm mill-1678 u kienet l-ewwel knisja mibnija f’forma ta’ salib li nbniet f’Għawdex. Il-ġnub ġew miżjuda fl-1930.

Dawn huma l-avvenimenti importanti fl-istorja tal-Bażilika -

  • Fl-1450 kienet fost il-ftit parroċċi li ġew mogħtija indulġenza speċjali matul is-sena Qaddisa proklamata mill-Papa Nikola V.
  • Fl-1678, Mattia Preti ġie kkummissjonat li jagħmel l-pittura titolari ta’ fuq l-artal li turi lil San Ġorġ fuq iż-żiemel.
  • Fl-1839 l-istatwa tal-injam ta’ San Ġorġ kienet ikkummissjonata lil Pietro Paolo Azzopardi, u kienet l-ewwel statwa titulari fil-gżira.
  • Fl-1955 kienet separata bħala parroċċa awtonoma wara aktar minn 250 sena magħquda mal-matriċi Għawdxija

L-istorja tal-Festa

It-23 ta’ April hija l-ġurnata li fiha jitfakkar il-Martirju ta’ San Ġorġ bil-qtugħ ir-ras fuq ordni tal-Imperatur ta’ Ruma Djoklezjanu. Sa minn meta l-qima lejn San Ġorġ daħlet f’Għawdex, jum it-23 ta’ April baqa’ jiġi miżmum bħala l-festa tal-Qaddis Protettur ta’ din il-gżira. Il-festa f’din il-ġurnata baqgħet tiġi ċċelebrata u mill-qedem kienet meqjusa bħala l-festa prinċipali tal-gżira. Fix-xahar ta’ April, ġeneralment, jaħkem temp ikrah, fejn mhux l-ewwel darba li tagħmel ix-xita u jaħkem ħafna riħ. Dan it-tip ta’ temp, meta kien jaħkem, kien itellef ħafna mill-atmosfera brijuża tal-festa fost il-parruċċani. Ħafna drabi l-festa ta’ San Ġorġ kienet tisfratta u titħassar. Fit-23 ta’ April 1869 saret l-aħħar ċelebrazzjoni tal-festa ta’ dan il-qaddis. Is-sena 1870 rat din il-festa tiġi ttrasferita għal data oħra, għax bdiet tiġi ċċelebrata fir-raba’ Ħadd fuq l-Għid għax f’dak iż-żmien il-probabbiltà li jinzerta temp sabiħ kienet akbar milli f’April. It-trasferiment tal-festa għal żmien is-sajf ġie fis-snin ħamsin.

Fuq talba tal-Kumitat lil Mons. Isqof, kien propost li l-Festa tibda ssir flok dik ta’ Santa Margerita fit-tielet Ħadd ta’ Lulju. L-Arċipriet u l-poplu ta’ Ta’ Sannat minn qalbhom qablu li San Ġorġ jibda jsir flok Santa Margerita u l-festa tagħhom issir il-Ħadd ta’ wara. Dan kien il-mument li l-Festa ta’ San Ġorġ daħlet fix-xahar ta’ Lulju. Dan il-ġest mir-raħal ta’ Ta Sannat u mill-poplu tiegħu, li minn dejjem kienu jħobbu lil San Ġorġ, kien apprezzat ħafna mill-Ġorġjani kollha. Ma kinitx deċiżjoni faċli għan-nies ta’ Ta’ Sannat, u ta’ dan il-parruċċani Ġorġjani kienu, għadhom u jibqgħu grati lejhom. Mhux ta’ b’xejn li bejn iż-żewġ parroċċi minn dejjem kien hemm affinità qawwija.

(Meħuda minn artiklu tas-Sur George Borg, ippubblikat fil-ktieb Festi San Ġorġ 2012)

 

More in G?awdex