Ta’ Sannat:- Rabta speċjali ma’ Marsilja
Santa Margerita festa ta’ arti u mużika li tagħlaq b'marċ kbir wara d-dħul tal-vara
Ta’ Sannat, raħal ta’ madwar 2,200 abitant illum jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Margerita. Festa li dis-sena hi speċjali għax fiha żanżnu arċipriet ġdid meta inħatar Dun Michael Curmi wara 27 sena taħt il-ħarsien tal-maħbub Dun Tarcisio Camilleri li ngħata promozzjoni meta nħatar bħala vigarju tal-Isqof.
Il-festa Ta’ Sannat hi waħda unika għax hi bażata fuq il-mużika, l-arti u r-rikezzi tal-knisja fejn il-ħwejjeġ li jintużaw mill-qassisin għal festa li huma kollha ġawhar huma spettaklu fihom infushom. U dan barra l-ventartal artistiku u l-mużika li tindaqq matul il-festa kollha. Fejn il-quddiesa tal-pontifikal għandha mużika kummissjonata apposta miktuba fl-2002 minn Charles Camilleri u hi l-unika quddiesa fil-liturġija li tindaqq biss f’Ta’ Sannat. Il-mużika għal festa ta’ Sannat għandha bidu fis-seklu 20 meta l-Malti Vincenzo Caruana Spiteri li kien kap tal-iskola Ta’ Sannat dak iż-żmien kiteb il-mużika għat-tridu u tal-Innu l-Kbir. L-informazzjoni għaddihielna Josef Debrincat li ilu Maestro di Cappella mis-sena 2000 u li hu l-kittieb tal-innu li jindaqq u jitkanta waqt il-pontifikal ‘Margerita Martyrum’. Il-festi fl-irħula Għawdxin huma bażati ħafna fuq il-mużika tal-festa interna iżda bla dubju li l-aktar festi msemmija għal mużika tagħhom huma San Ġorġ u Santa Marija tar-Rabat u warajhom bla dubju hi l-festa Ta’ Sannat.
Storja ta’ Festa
Kull sena fir-raba Ħadd ta’ Lulju ssir il-festa ta Santa Margerita Verġni u Martri fir-raħal ta’ Sannat. Il-festa tagħha f’dan ir-raħal tmur lura minn tal-anqas 500 sena ilu. L-ewwel ħjiel dwar il-festa jinsab fiż- Żjara pastorali li l-Apostoliku Pietru Duzina kien għamel fi Frar tal-1575 meta jgħid li l-prokuratur tal-kappella ta’ dak iż-żmien Mikiel Fantinu kien obbligat li kull sena nhar l-20 ta’ Lulju iġib qassis biex jiċċelebra l-festa. Isemmi wkoll li fil-jum tal-festa kien hemm id-drawwa li jitqassam il-hobż lil foqra. Miż-żjara pastorali tal-Isqof Tumas Gargallo li saret f’Ghawdex fis-sena 1608 sar magħruf li din l-offerta lil foqra kienet tikkonsisti fi tmint itmiem dqiq. Kien ammont konsiderevoli għal dak iż-żmien u l-ħobż kien tal-qamħ u mhux tal-maħlut(xgħir) kif ħafna drabi kienu jieklu l-foqra. Din kienet tissejjaħ iż-żerda.
Minn dak inhar ‘l hawn il-festa kompliet dejjem tikber u tiġi ċelebrata b’modi diversi, b’mod speċjali mis-sena 1688 ‘l hawn, is-sena li fiha ir-raħal ta’ Sannat inqata bħala parroċċa għalih mill-knisja Matriċi tar-Rabat. Mas-snin kull sena kienu jinxtraw oġġetti biex jiżżanżnu dak inhar tal-festa. Fil-festa tas-sena 1749 nafu li kienu ġa qed jagħmlu n-nar għal festa ta’ Santa Margerita. Dak inhar il-prokuratur tal-festa Dun Mikielang Grima ħallas 10 irbgħajja u 5 ħabbiet biex jiġu sparati salut lejlet u nhar il-festa bil-maskli. Kif jixhdu r-reġistri tal-ispejjeż kulma jmur kull sena n-nar kien qed jiżdied. Fl-1838 għall-ewwel darba ġew sparati l-murtali mill-kanna li ħadu post il-maskli.
L-istess reġistri juru li fl-1750 il-festa kienet ġa qed issir bil-mużika u għal dan l-għan il-prokuratur f’dik is-sena kien nefaq 7 skuti. Fil-festa tal-1838 kienet inġabet banda Maltija biex tkompli tkabbar il-festa u fis-sena 1848 tissemma għall-ewwel darba s-sehem ta’ banda Għawdxija, il-banda ta’ Dirjanu. Fl-1846 inġabet għall-ewwel darba l-mużika ta’ Maestro Dirjanu Lanzon.
Fl-1850 il-faċċata tal-knisja iżżejnet bit-tazzi taż-żejt. Dik is-sena wkoll saru sitt arki trijonfali ħalli tiżżejjen il-pjazza. Kien x’aktarx ukoll f’din is-sena li għall-ewwel darba ħarġet il-purċissjoni nhar il-festa. L-ewwel statwa titulari saret minn Karlu Darmanin u żżanżnet fil-festa tas-sena 1863 u damet tinħareġ sas-sena 1890 meta saret it-tieni statwa titular li nġabet minn Marsilja.
Tiġrijiet taż-żwiemel li ilhom isiru 160 sena
Kien ukoll x’aktarx f’dawn iż-żminijiet li għal festa bdew isiru t-tiġrijiet taż-żwiemel. Minħabba l-popolarita ta’ dawn it-tiġrijiet ta’ kull sena l-Gran Mastru kien jagħmel donazzjoni biex jinxtraw il-paljijiet li jitqassmu lir-rebbieħa. Din it-tradizzjoni baqgħet ħajja u għada ssir sal-lum u nżammet ukoll it-tradizzjoni l-gvern jagħti donazzjoni għal-premjijiet tar-rebbieħa. Fil-fatt din it-tiġrija u dik ta’ Santa Marija f’Għawdex hi kollha kemm hi organizzata u mħallsa mill-Gvern. Din issir fil-ġurnata tal-festa jiġifieri llum fis-2 p.m għal paljijiet li ilha ssir 160 sena. Li anke jekk fiż-żminijiet tal-lum ma tantx tinżel tajjeb minħabba s-sħana qawwija li jkun hemm li fiha l-bhejjem ibatu, xorta ssir għax hi tradizzjoni kbira għas-Sannatin u hi parti mill-istorja.
Statwa Titulari mħallsa minn Sannatin li kienu jgħixu Marsilja
Din l-istatwa kienet mħallsa min-nies Ta’ Sannat li kienu jgħixu Marsilja għax f’dan il-port Franċiż kien hemm ħafna Għawdxin minn Ta’ Sannat li kienu emigraw biex jaħdmu Marsilja fejn għad hemm rabta ma’ din il-belt u għad hemm kommunita Għawdxija.
Tant hu hekk li f’Ta’ Sannat hemm Triq Marsilja, hemm anke ħanut li jismu Marsilja Store u l-laqam tal-Franċiża hu wieħed popolari fir-raħal. Anke djar imsemmijin għal Marsilja wieħed jista jsib f’Ta’ Sannat.
Il-festa ta’ Santa Margerita kienet magħrufa għan-nar tagħha iżda meta splodiet il-kamra tan-nar ta’ kappuna u mietu l-missier u l-iben kien ġie deċiż li flok jintefqu l-flus fin-nar jinbena każin għal banda u l-flus tan-nar intefqu fil-mużika li għas-Sannatin hi xi ħaġa li taqlagħhom minn kull festa oħra f’Għawdex.
Tliet min-nies jaħdmu n-Nar għal festa
Dan ma jfissirx li għal festa ta’ Santa Margerita ma jkunx hemm nar. Għax għal dan jaħsbulu Joe Bajada magħruf bħala ‘Il-Malti’, Jason Mifsud u Ġużeppi l-Maws. Dawn it-tlieta huma liċenzjati u jaħdmu n-nar għal festa fil-fabbrika tal-Virtu fl-Għarb u fil-Kamra 15 t’Awwissu Ta’ Kerċem. Il-Ħadd fil-fatt ikun hemm logħob tan-nar u beraq pront u anke Xokkijiet mingħajr mużika. Joe Bajada qalilna li jiżvoga u jgawdi l-festa eżatt malli tidħol il-vara u jmorru jiċċelebraw fil-marċ hekk imsejjaħ tan-Nar għax isir apposta għal dawk li l-festa jgawduha mill-egħlieqi fejn jittella’ n-nar biex jitgawda minn ħaddieħor.
Fejn kull raħal jorganizza l-marċ il-kbir filgħodu jew wara nofs in-nhar, is-sannatin jorganizzaw l-akbar marċ wara li tidħol il-vara fejn għal dan il-marċ popolari li jintemm bi street party kbir jmorru għalih nies minn kull parti ta’ Għawdex.
Nixtieq nirringrazzja lil Maria Cassar Sultana, lil Dun Joseph Calleja, lil Joseph Debrincat u lil Joe Bajada tal-għajnuna u informazzjoni li tawna biex seta jittella dan l-artiklu.