Santa Marija – Festa tal-Għawdxin u l-Maltin
Santa Marija t'Għawdex hi l-unika vara li toħroġ minn Kattidral
Iċ-ċelebrazzjoni tal-Festa ta’ Santa Marija fir-Rabat Għawdex mhix festa li tolqot biss lill-parruċjani tal-Katidral ta’ Għawdex, iżda hi festa tar-Rabtin, Għawdxin u Maltin. Dan jidher biċ-ċar kif ta’ kull sena, din il-festa tiġbed lejha ammonti kbar ta’ nies kemm Għawdxin, kif ukoll Maltin, hekk kif ikun hemm numru konsiderevoli kbir ta’ vetturi u passiggieri li jaqsmu f’Santa Marija ta’ kull sena bil-lukandi, appartamenti u farmhouses kollha fully booked. Tant li biex jirnexxilek torqod Għawdex għal din il-festa trid taħseb xhur qabel jekk mhux minn sena għal sena.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ barra huma ta’ livell għoli f’kull settur: armar, briju, nar u l-marċijiet li jindaqqew mill-baned. Dan kollu xhieda tal-livell għoli li s-Soċjeta’ Filarmonika Leone taħdem bis-sħiħ biex tilħaq ta’ kull sena. Is-Soċjeta’, li skont l-Iljuni Għawdxin hi l-ewwel banda stabbilita’ ġewwa Għawdex, laħqet ċert livell ta’ kwalita’ fil-Banda tagħha, bi programmi u mużika li ftit jew xejn kapaċi jesebixxu. Soċjeta’ li mexxiet il-ħajja soċjali tal-gżira għall-bosta snin u li dejjem kienet fuq quddiem u l-ewwel: Folk Group, Teatru, Opra, Kunċerti ta’ Mużika Pop... B’hekk is-Soċjeta’ Filarmonika Leone dejjem u f’kollox tħabrek biex iżżom l-istandards li hija stess ħolqot.
Iż-żgħażagħ ta’ Santa Marija
Is-Soċjeta’ Filarmonika Leone qed tagħti importanza liż-żgħażagħ fl-organizazzjoni tal-festa u dan mertu għall-Aurora Youth Movement, li minnu, lura fiż-żmien, ħarġu l-għaqdiet l-oħrajn li jieħdu ħsieb ukoll l-festa. Dan l-istess moviment ix-xahar li għadda organizza seminar bl-isem ta’ ‘Iż-Żgħażagħ: il-Qalb tas-Soċjetajiet Mużikali Għawdxin’ bil-parteċipazzjoni ta’ bosta żgħżagħ minn baned u għaqdiet tal-festi fl-irħula Għawdxin. Minn din l-Kampanja l-Aurora Youth Movement qed tipprova tagħti spinta lill-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ fis-Soċjetajiet u għaqdiet tal-festi, għaliex temmen li bid-determinazzjoni u l-enerġija tagħhom jagħtu futur sabiħ lis-settur tal-Baned u l-Festi. Kien diskuss b’mod speċjali t-tabu’ li jeżisti fost in-nies li fil-każini issib kumpanija ħażina u taħli l-ħin.
L-armar, il-briju u n-nar
L-Armar tat-toroq jibda madwar xahar qabel il-jum tal-festa, fejn bosta żgħażagħ jqattgħu l-ħin tagħhom iżejnu t-toroq tal-belt t’Ghawdex kuljum. Kull sena joħroġ armar ġdid frott il-ħidma tal-Għaqda Armar Santa Marija matul is-sena. Din is-sena saret l-induratura bid-deheb tal-istatwa ta’ Santa Marija Assunta tad-Dimostrazzjoni; rinovazzjoni, restawr, induratura u rħamar tal-pedestall ta’ San Ġużepp fi pjazza indipendenza, ukoll b’erba brazzi godda; pedestall ġdid ta’ San Pawl, tkomplija fuq ix-xoghol fi Pjazza Savina, Pitturi u sfumaturi tal-pavaljuni ta’ Triq Palma, fost armar u manutenzjoni oħra.
Il-briju bħal kull festa oħra ma naqasx u min kien hawn din il-ġimgħa tal-festa seta’ jara l-birju taż-żgħażagħ waqt il-marċijiet popolari fejn kważi kull ġurnata għal ħmistax il-ġurnata qabel il-festa jkun hemm xi skuża għal xi marċ fejn iż-żgħażagħ jiddevertu fil-briju tagħhom. Il-festeġġjamenti fil-fatt bdew eżatt mal-ħruġ tal-vara żewġt iħdud qabel il-Festa. Ħelwa wkoll it-tradizzjoni ta’ lejlet il-festa, dak li sar nhar il-Ġimgħa fejn kien hemm marċ tat-tfal f’forma ta’ parata mill-Kattidral għal Każin. Għalkemm il-marċ trijonafali hu dak antik u tradizzjonali li sar filgħodu l-bieraħ li jgħaddi mit-toroq dojoq tal-mandraġġ, Pjazza San Ġorġ u pjazza Indipendenza. Il-baned li kellhom din is-sena barra dik Leone, kienu 8, il-Beland taż-Żejtun, La Vallette, 12th May ta’ ħaż-Żebbuġ, Banda Victory tax-xagħra, San Girgor ta’ Kerċem, Banda Santa Marija Żebbuġ, Banda San Ġużepp Għajnsielem u l-banda Viżitazzjoni tal-Għarb.
In-nar f’Santa Marija hu msemmi ħafna u bla dubju huma ewlenin fost l-irħla kollha Għawdxin sew bħala kwantita kif ukoll bhala kwalita.
Informazzjoni mogħtija minn Thomas Bajada
Żewġ paġni sħaħ fuq il-festa ta' Santa Marija t'Għawdex fil-ħarġa tal-ILLUM