Xogħol fuq 10 Km ta’ toroq għaddej b’ritmu tajjeb

Iżda....Żball fil-kuntratt iħalli lis-Sannatin fit-trab  

qed jintuża l-makkinarju kollu biex ix-xogħol ikompli jimxi b'ritmu tajjeb
qed jintuża l-makkinarju kollu biex ix-xogħol ikompli jimxi b'ritmu tajjeb

Sena ilu ngħata tender lil GTE Joint Venture li tifforma parti minn Gatt Group of Companies, mingħand il-Water Services biex isiru mill-ġdid it-toroq li jibdew minn Ħondoq ir-Rummien u jwasslu sa Ta’ Ċenċ. 10 kilometri ta’ toroq ġodda li żgur għandhom jagħtu dehra ġdida jew aħjar wiċċ ġdid lill-Għawdex.

Iżda dan ix-xogħol ħoloq diversi kontroversji bir-residenti Għawdxin jilmentaw li għal ħafna xhur, farrku l-karrozza biex waslu l-Qala, Nadur u Għajnsielem u dan apparti li r-residenti ta’ Sannat ma jifilħux iżjed jgħixu qalb tifrik ta’ toroq. Ta’ min ifakkar li wieħed irid jgħaddi minn Ta’ Sannat biex jasal fil-parti msejħa ‘Ta’ Ċenċ’ li hi żona kollha vilel u lukanda ta’ ċertu portata.

L-ewwel parti mill-Qala għall-Imġarr lesta
L-ewwel parti mill-Qala għall-Imġarr lesta

Għalhekk l-ILLUM għamel kuntatt mal-kuntrattur Mario Gatt u staqsa għaliex kien hemm dan id-dewmien u meta dan ix-xogħol se jkun qed jitlesta. “Il-kumpanija ħadmet bla waqfien minkejja l-bosta diffikultajiet u affarijet oħra li nstabu fit-toroq, fosthom servizzi ta’ kull dipartiment li jissuplixxu lil Għawdex. Dan ix-xogħol min-naħa tagħna sar bi pjanar, strateġija u effiċjenza. Fil-fatt, oriġinarjament, kellu jitlesta fi żmien 55 ġimgħa imma kien lest 22 ġimgħa qabel iż-żmien stipulat. Dan apparti li saru ħafna mains oħra ġodda li kienu bżonnjużi qabel isir ix-xogħol ta’ kisi ta’ wiċċ it-triq, anke jekk dan ix-xogħol ma kienx fil-kuntratt.”

Mario Gatt kompla jgħid li fil-każ tal-crossing ta’ Triq l-Imġarr, minn Triq tal-Ħniena għal Triq San Bert ix-xogħol ġie mwaqqaf mill-awtoritajiet sakemm ittieħdet deċiżjoni.

Huwa kompla jispjega kif, “ftit tal-ġranet ilu ngħatajt struzzjonijiet biex inkompli din l-parti tat-trinka tal-main tal-ilma. F’din il-parti tat-triq għaddejin numru kbir ta’ cables li Għawdex kollu jiddependi fuqhom, fosthom fibre optic tat-telefon, il-main eżistenti tal-ilma u diversi cables oħra. B’hekk kelli biċċa xogħol iebsa biex ngħaddi dan il-main il-ġdid, pero b’attenzjoni stretta u ppjanar kontinwu, ix-xogħol fuq din il-parti tlestiet ukoll. U minkejja dan kollu, Triq l-Imġarr ma ngħalqet fl-ebda ħin għat-traffiku.”

Dan il-proġett kien jinvolvi wkoll ir-resurfacing tat-toroq ta’ kull fejn għaddiet it-trinka tal-main tal-ilma u għal dawn l-aħħar seba’ xhur, ma setax jitkompla xogħol fuqhom. “Dan peress li meta bdew ix-xogħlijiet tar-resurfacing, irriżulta li l-bażi tat-triq kienet tikkonsisti f’ħamrija. Għaldaqstant inqalgħu problemi tekniċi u finanzjarji li ma kinux previsti fit-tender oriġinali,” spjega Gatt, li kompla jgħid li b’impenn sħiħ minn naħa tal-Gvern kif ukoll minn membri tat-Transport Malta, ġie determinat kif għandha tinbena l-bażi tat-triq mill-ġdid kif ukoll il-finanzjament neċċessarju. “Wara li dawn il-miri intlaħqu, ġejna ordnati nkomplu x-xogħlijiet. Dan b’mod organizzat u bl-utilizzar ta’ ammont sostanzjali ta’ makkinarju u ħaddiema beda jitqiegħed it-tarmak neċessarju biex Triq l-Imġarr kienet lesta għal festa ta’ San Ġuzepp tal-Qala.”

 

Toroq tal-biki f'Ta' sannat  - ritratti John Busuttil
Toroq tal-biki f'Ta' sannat - ritratti John Busuttil
Is-Sannatin ilhom hekk aktar minn sitt xhur - Ritratt: John Busuttil
Is-Sannatin ilhom hekk aktar minn sitt xhur - Ritratt: John Busuttil
Is-servizzi għaddew, it-trinek infetħu iżda dawn baqgħu ma ngħalqux - Ritratt: John Busuttil
Is-servizzi għaddew, it-trinek infetħu iżda dawn baqgħu ma ngħalqux - Ritratt: John Busuttil

Sadanittant l-ILLUM tkellem ukoll ma’ Gatt dwar is-sitwazzjoni ħażina fis-Sannat. Hu spjega kif “li ġara hu li fil-kuntratt ma tniżżilx il-bżonn li jsir tarmak temporanju fuq it-trinka.”

“Aħna ħlisna l-pipeline madwar sitt xhur ilu u għattejnih bis-siment, imma dan jitħaffer, u minnu joħroġ ħafna għabra u r-residenti f’ Ta’ Sannat qed ibatu ħafna minn dan. Xbajt nagħmel pressjoni fuq il-Water Services biex tal-inqas isir resurfacing temporanju sa ma naslu bix-xogħol hemmhekk, ħalli r-residenti ta’ Sannat ma jibqgħux ibatu. Wara kollox, resurfacing temporanju sar fi rħula oħra bħal Qala u Xewkija, allura għaliex f’Ta’ Sannat le? Nispera li fl-aħħar jieħdu ħsieb dawn it-toroq f’ Ta’ Sannat ħalli fl-aħħar ntemmu dan il-proġett li żgur li jsebbaħ mhux ftit lill-gżira tagħna. Kulma rridu huwa inqas burokrazija u ftit sens komun u ma jbati ħadd. Forsi jekk il-Ministeru għal Għawdex jgħin ftit fil-pressjoni tiegħu dwar dan, żgur li jnaqqas ħafna t-tgergir mis-Sannatin.”

Fuq dan l-ILLUM tkellmet ukoll mas-Sindku ta’ Sannat Philip Vella li qalilna li huma bħala Kunsill, ilhom żmien jagħmlu pressjoni biex isir tarmak temporanju għax ma jistax jkun li s-Sannatin jibqgħu ibatu minn dawn it-tip ta’ toroq. “Jien ma nistax nifhem kif aħna għamilna pjazza u triq bis-servizzi kollha fi tliet xhur, u dawn it-toroq li għandhom xogħol inqas minn dawk li għamilna aħna ilhom daqshekk biex jitlestew” qalilna Vella.

Meta tlabnih jgħidilna x’raġuni ngħata għas-sitwazzjoni, hu spjega kif infurmawh li ma kienx hemm flus biżżejjed, “U bħala kunsill għidnielhom li allura jmissu nbeda x-xogħol minn Ta’ Sannat flok mill-Qala.”

Vella qal li l-Kunsill ġie mwiegħed li fil-bidu ta’ Settembru suppost li għandu jinbeda x-xogħol fis-Sannat.

 

More in G?awdex