Iż-Żebbuġ: Bl-ewwel statwa ta’ Santa Marija f’Għawdex
Hemm ‘lumin’ taħt il-madonna li ilu jixgħel 325 sena
Iż-Żebbuġ t’Għawdex ħa l-isem tiegħu minħabba l-ammont kbir ta’ siġar taż-żebbuġ. Fil-fatt taħt dan ir-raħal, hemm ir-raħal tal-Għasri li kien il-post fejn kienu jgħasru ż-żebbuġ. Dan ir-raħal hu l-ogħla raħal f’Għawdex u hu espost ħafna għar-riħ u maltemp. Iż-Żebbuġ hu raħal ferm panoramiku fejn minnu tista’ tara lil Għawdex kollu taħtek, anke ċ-Ċittadella u mill-pjazza stess, wieħed jista’ jara l-baħar. Fir-raħal jgħixu madwar 1,500 persuna fejn fosthom hemm ħafna barranin u anke professjonisti Maltin, għax dan ir-raħal minħabba x-xenarju naturali tiegħu hu mfittex sew mill-barranin biex jixtru proprjetà hemm.
Hu raħal antik u r-raba’ parroċċa f’Għawdex wara l-Kattidral, ix-Xewkija u l-Għarb. Fl-1688 sar parroċċa flimkien ma’ Ta’ Sannat, ix-Xagħra u n-Nadur.
Fir-raħal kien hemm kappella żgħira tal-Madonna tal-Virtù fejn il-kappillan ta’ dak iż-żmien iddeċieda li jibdilha fi Knisja bil-kappella tkun inkorporata fl-istess knisja. Il-patruna taż-Żebbuġ saret l-Assunzjoni għalkemm l-inkwatru tal-kappella kien tal-Kunċizzjoni, li xorta nżamm fl-istess knisja fejn hu meqjus bħala mirakoluż.
Tradizzjonijiet u leġġendi
Hemm diversi leġġendi li juru għaliex l-inkwatru hu wieħed mirakoluż. Jingħad li fl-antik l-inkwatru kien jisfar biex juri li ġejja xi ħaġa xejn sabiħa fuq ir-raħal u hekk kien jiġri. Jingħad ukoll li t-Torok qatt m’attakkaw ir-raħal taż-Żebbuġ għax kull meta kienu jippruvaw jitilgħu, kienu jaraw mara liebsa l-abjad tħaġġarhom bil-ġebel.
Tradizzjoni oħra li għadha għaddejja sal-lum hi li quddiem l-inkwatru tal-Madonna hemm ‘lumin’ li hu fjamma li tixgħel biż-żejt taż-żebbuġa li ilha tixgħel 325 sena u ma ntfiet qatt. Fil-fatt l-arċipriet tal-Parroċċa Dun Reuben Micallef qalilna li jmorru nies minn kullimkien anke minn Malta biex jieħdu ftit żejt għal xi fejqan. “Niġbdu ż-żejt b’siringa u nagħtuhom, u ż-żejt dejjem nieħdu ħsieb li nimlewh” qal l-arċipriet.
Il-leġġenda għal dan il-lumin ilu ġej minn meta kienet qed tinbena l-knisja fejn bhima li kienet iġġorr il-ġebel, kisret saqajha waqt il-ġarr u sidha nkwieta li jkollu joqtolha. Għalhekk xi ħadd ħareġ bl-idea li jittieħed ftit miż-żejt minn ta’ quddiem l-inkwatru tal-Madonna u jidilku sieq iż-żiemel bih u saqajh għaddietlu, u baqa’ jġorr il-ġebel sa ma nbniet il-Knisja. U minn dakinhar ’il quddiem, dan il-lumin ma ntefa’ qatt.
Fl-1863, Dun Ġwann Camilleri għamel kuntatt ma’ fabbrika f’Marsilja u ordna l-ewwel statwa ta’ Santa Marija u minn dak iż-żmien bdiet il-festa li waslet sal-lum ta’ Santa Marija taż-Żebbuġ. L-istess Dun Ġwann li kien min-Nadur kien ġab il-vari ta’ San Pawl u San Pietru tan-Nadur u tal-Bambina tax-Xagħra. Malli waslet il-vara fir-raħal, din ġiet milqugħa minn salut tal-kaċċaturi, tradizzjoni li kienet baqgħet issir, iżda waqfet fl-aħħar snin għax kienet qed tirredikola ruħha meta l-kaċċaturi kienu jisparaw mhux salut iżda kontinwament minn fuq il-bjut. Il-festa ta’ Santa Marija saret ġimgħa wara l-15 t’Awwissu għax dik tal-knisja Matriċi tar-Rabat tirbaħ fuq kulħadd.
L-Għażżiel
It-tradizzjonijiet f’dan ir-raħal ċkejken huma ħafna u ferm oriġinali. Waħda minnhom hi l-GĦAŻŻIEL li hi forma tal-ewwel ittra tal-Madonna-M li ssir bl-għaġina u għal żmien il-festa jinħmew 6,000 minnhom. Dawn jitpoġġew fil-ħoġor tat-tieqa biex jipproteġuk mis-sajjetti billi dan ir-raħal hu espost ħafna għas-sajjetti. Jitpoġġew f’riġel il-vara ta’ Santa Marija u jitbierku. Huma l-ħafna devoti minn irħula oħra u anke minn Malta li jmorru għall-għażżiel kull sena. Dawn isiru min-nisa tar-raħal.
L-Irħam tal-Knisja
Jekk wieħed jidħol sal-knisja taż-Żebbuġ jibqa mmeraviljat bir-rikkezza ta’ rħam li hi mżejna bih din il-knisja. Irħam li lill-knisja ma swielha xejn għax dan hu rħam tal-kwalità ‘Onyx’ li ma ssibu mkien f’Malta jew Għawdex ħlief fiż-Żebbuġ. Dan l-irħam li kien jinstab biss f’dan ir-raħal f’Taċ-Ċaqra kienu jużaw ħafna minnu l-Kavallieri fejn anke wżaw minnu fil-katidral t’Għawdex u anke l-katidral tal-Imdina. Iżda blokok kbar li kien baqa’, ġew mirduma f’għelieqi meta ġew il-Franċiżi biex ma jisirquhomx. Kien hemm anke teżori oħra mirduma x’imkien, fejn sal-lum għadhom ma nstabux fosthom diversi kalċijiet u anke qanpiena.
Ċertu Salvu Cefai kien iddeċieda li jħalli l-għelieqi tiegħu lill-knisja b’dak kollu li kien hemm midfun fihom u ħalla bil-miktub li dak kollu li jinstab, hu proprjetà tal-knisja taż-Żebbuġ u jintuża biss għar-raħal taż-Żebbuġ. Fl-1980 instabu blokok kbar tal-irħam u tqabbad l-iskultur Malti, Ronald Pisani li għamel bl-irħam l-artal, l-ambone, il-battisteru u anke l-konfessinarji, filwaqt li l-knisja nksiet bl-irħam.
Din il-knisja msemmija wkoll għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fejn il-vari huma sett wieħed ta’ Wistin Camilleri u huma mlibbsa bin-newl maħdum bl-idejn hemmhekk stess. Fiha jieħdu sehem madwar 500 persuna li tista’ tgħid li r-raħal kollu ikollu parti. Imsemmija wkoll iċ-ċena, li hi unika f’Għawdex li jerfgħuha 12-il persuna.
Il-Festa
- IN-NAR taż-Żebbuġ hu spettaklu għax hu maħdum flimkien mal-kamra tan-nar Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba u ta’ din id-darba hi l-ħames edizzjoni ta’ koreografija mużikali ma’ spettaklu li din id-darba qed jissemma bħala SKY Concert
- Il-BANDA Santa Marija hi waħda prattikament ġdida għax ilha biss 20 sena li twaqqfet u l-każin ilu li nbena 3 snin, fejn l-art ingħatat mill-knisja bla ħlas biex jinbena l-każin fuqha.
- L-ARMAR tieħu ħsiebu għaqda mwaqqfa mill-istess arċipriet li hemm fil-preżent fl-2006 u dis-sena żanżnet statwa ġdida ta’ Ġwanni Pawlu II
“Festa li tgħaqqad raħal sħiħ” - l-Arċipriet
Dun Reuben Micallef, ilu arċipriet taż-Żebbuġ għal dawn l-aħħar 9 snin, u hu propja minn Ta’ Kerċem, iżda skont hu stess illum iħossu Żebbuġi. “Inħobb ħafna l-festa u kollox hu ko-ordinat minni. Iżda għandi rispett kbir mill-parruċċani u jien persuna li ma nħassarx festi. Għal dawn il-ġranet tal-festa nixtieq nirringrazzja lill-poplu kollu tar-raħal għax din hi festa li tgħaqqad raħal sħiħ, fejn kulħadd jaħdem għal għan wieħed. Ikollna ikla fil-pjazza li għaliha jattendu 700 persuna u n-nisa tar-raħal jieħdu ħsieb li jsajru għal kulħadd.
“Nixtieq ukoll niddedika din il-festa ta’ din is-sena lil żewġ persuni speċjali, lid-djaknu ġdid Żebbuġi li tant aħna ferħanin bih, Joseph Attard u lil Ġorġ Spiteri li għadu kif għalaq 100 sena. Fl-istess waqt nixtieq nistieden lil kulħadd jiġi jgawdi l-festa tagħna.”
Grazzi lill-arċipriet Micallef għal informazzjoni kollha dwar iż-Żebbuġ.