Rabja mill-Għajnselmiżi li tal-linja ma tgħaddix miċ-ċentru tar-Raħal
Trasport Malta jgħidu li x-xufiera ma jistgħux jgħaddu minn tal-Ħamri għax it-toroq dojoq...Din ir-rotta ilha 80 sena u kienet l-unika rotta li twassal għaċ-ċentru ta' Għajnsielem qalilna s-sindku
Meta Trasport Malta ħabbret ir-rotot ġodda ta' diversi lokalitajiet n-nies ta' Għajnsielem ħarġu jiktbu fuq is-siti soċjali dwar ir-rabja kbira li hemm għax tal-linja ma jgħaddux miċ-ċentru u stennew li mat-taħbira tar-rotot il-ġodda tal-linja jerġgħu jibdew jgħaddu miċ-ċentru. Iżda baqgħu b'xiber imnieħer.
L-Illum tkellem mal-Minsitru Anton Refalo li wriena korrispondenza li saret bejnu u bejn James Piscopo l-kap eżekuttiv ta' Trasport Malta fejn qallu li x-xufiera ma jridux jgħaddu mill-parti ċentrali tar-Raħal, msemmija bħala tal-Ħamri għax it-toroq huma dojoq. Triq il-Ħamri hi dik it-triq li mill-Belveder ġdid ta' Għajnsielem tagħti għal-żewġ pjazez prinċipali, tad-Dehra u l-pjazza l-kbira. Anke is-sindku Franco Ciangura qalilna li sal-aħħar jiem baqgħet għaddejja korrispondenza ma' Trasport Malta biex din taqdi lin-nies ta' Għajnsielem. Iżda irċevew l-istess tweġiba.
Is-sindku Franco Ciangura qal li huma lesti li jpoġġu bil-qiegħdha u jiddiskutu din ir-rotta li kienet l-ewwel rotta li kien hemm għal Għajnsielem, rotta li ilha taħdem 80 sena. Il-Kunsill qed jipproponi li flok tgħaddi kull siegħa tgħaddi kull sagħtejn ħalli x-xufiera jbatu inqas.
Tkellimna anke ma' persuni li jgħixu f'dawn in-naħat fejn hemm diversi anzjani li biex imorru għal tal-linja għandhom mixja twila u jbatu ħafna fil-qilla tax-xemx u fix-xitwa fil-kesħa u xita.
Huma qalulna li l-iskuża li qed tinġieb ma treġix sal-aħħar għax qalulna li għamlu ġimgħat sħaħ tal-linja jgħaddu mit-triq tal-Ħamri meta t-toroq prinċipali kienu magħluqa u dik kienet l-unika triq li wieħed seta jgħaddi minnha u l-ebda karrozza tal-linja ma weħlet fit-toroq dojoq. Allura jekk għaddew dak in-nhar għaliex issa le? Sadattant iċ-ċentru tan-naħa tal-pjazza hu moqdi sew.