Bdew it-tħejjijiet għal ‘Milied f’Għawdex’
L-Għawdxin qed jaħdmu biex id-destinazzjoni tal-Milied tal-Maltin terġa’ tkun Għawdex.
Waqt li l-Għawdxin u l-Maltin ikunu qed igawdu l-baħar u l-festi Għawdxin, grupp ta’ nies iqattgħu ġranet jaħdmu biex wara l-istaġun tas-sajf, Għawdex jibqa’ għaddej anke fix-xitwa. In-negozju f’Għawdex jiddependi ħafna mit-turiżmu lokali, jiġifieri dak Malti, u għalhekk l-Għawdxin jaraw kif jagħmlu biex joħolqu attivitajiet li jiġbdu l-eluf lejn il-gżira Għawdxija anke fl-istaġun hekk meqjus ‘baxx’.
Bla dubju li l-Milied hu l-aktar żmien li jattira turiżmu qawwi lejn Għawdex, fejn il-presepju ħaj ta’ Għajnsielem li tinbidel f’Betlehem għal madwar tliet ġimgħat f’dawn l-aħħar snin, ġibed madwar 100,000 turist Malti lejn Għawdex. Iżda l-Milied f’Għawdex mhux Bethlehem f’Għajnsielem biss. Il-kumitat orgnizzativ qed jaħdem biex dawk li jżuru Betlehem jew li diġà żaru Betlehem ikunu jistgħu jgawdu minn attivitajiet madwar il-maġġoranza ta’ villaġġi Għawdxin.
Barra l-presepju ħaj prinċipali ta’ Għajnsielem, sew in-Nadur kif ukoll ix-Xagħra jorganizzaw ukoll presepji ħajjin fejn jieħdu sehem nies mil-lokalità bħala karattri ħajjin fil-presepju.
Il-programm tal-Milied se jsir bejn il-5 ta’ Diċembru u t-3 ta’ Jannar billi jiftaħ bil-mixgħela tad-dawl fejn il-Ministru għal Għawdex jixgħel is-siġra tal-Milied li għandha tasal mill-Italja u titpoġġa fil-pjazza tat-Tokk waqt attività bil-korijiet tat-tfal.
F’dawn l-aħħar snin kien hemm xi tgergir li ċ-ċentru tar-Rabat jew aħjar it-triq prinċipali tar-Rabat ma kinitx qed tkun mixgħula biżżejjed, iżda din is-sena jidher li dan l-ilment intlaqa’, fejn il-mixgħela tal-Milied se tkun matul triq ir-Repubblika kollha li twassal sa ħdejn ir-roundabout fil-bidu tar-Rabat. Xi toroq oħra fir-Rabat ukoll se jkunu mixgħulin u anke matul it-triq mill-Imġarr sar-Rabat.
Delegazzjoni minn Betlehem se żżur Għawdex
Fil-Kunċizzjoni, jiġifieri fit-8 ta’ Diċembru delegazzjoni minn Betlehem, fosthom il-Ministru tat-Turiżmu ta’ Betlehem u s-sindku ta’ Betlehem se jżur Għawdex speċjalment fejn jidħol turiżmu reliġjuż.
Tmiem il-ġimgħa ta’ bejn il-11 u t-13 ta’ Diċembru se tkun dedikata lid-dinja tat-tfal u villaġġ agrikolu. Se jkun hemm attività fil-Gozo Sports Complex li se tkun dedikata lit-tifla ċkejkna Għawdxija li tilfet il-battalja mal-kanċer Leah, u kollox se jkun b’xejn, jiġifieri rides, face painting, bouncy castles eċċ. Fl-istess żmien, fil-Gozitano se jerġa’ jittella’ villaġġ agrikolu b’attivitajiet għall-familja kollha li tikkonsisti f’ikel, xorb u artiġġjanat. Wara li din l-attività ftit irnexxiet is-sena li għaddiet, se jkun hemm xi novitajiet li għandha tiġbed aktar pubbliku li jridu jduqu prodotti Għawdxin.
Parata tal-Milied fi Triq ir-Repubblika
Novità assoluta se tkun parata ta’ żfin, kostumi relatati mal-Milied u animazzjoni fi Triq ir-Repubblika f’Għawdex fid-19 ta’ Diċembru li għandha tagħti ħajja lill-aktar triq kummerċjali u ħajja ta’ Għawdex.
Bħas-sena l-oħra se jkun hemm brochure bl-attivitajiet kollha li jkunu qed isiru madwar Għawdex kollu fejn min hu interessat li jipparteċipa jew għandu xi idea, għadu fil-ħin biex jagħmel dan u jitniżżel fil-brochure billi jikteb lil [email protected].
L-Għawdxin qed jaħdmu bis-sħiħ biex jerġgħu jpoġġu fuq il-kalendarju ta’ kull Malti li d-destinazzjoni tal-Milied tagħhom terġa’ tkun Għawdex.