Cruise ship iħassar iż-żjara f'Għawdex minħabba r-riħ
Dan kellu jkun l-ewwel wieħed minn tmienja li għandhom isorġu barra l-port tal-Imġarr f'dawn ix-xahrejn
Dalgħodu fil-port tal-Imġarr f'Għawdex kellu jkun hemm wieħed mit-tmien cruise ships li hemm ippjanati li jsorġu barra l-port Għawdxi dan ix-xahar ta' Settembru. Iżda minħabba l-irjiħat qawwija li laħqu għal forza 7 mill-Majjistral li minħabba l-mewġ li jtella' vapur tal-kobor ta' cruise ship ma jkunx jista jsorġi barra l-port.
Dan tellef lill-industrija tat-turiżmu f'Għawdex eluf kbar ta' ewro. L-ILLUM tkellem mal-ministru għal Għawdex Anton Refalo li qalilna li jħossu ferm dispjaċut meta sal-bidu ta' din il-ġimgħa kien tant kuntent li f'dawn il-ġimgħat li ġejjin kienu ppjanati li jsorġu tmien cruise ships barra l-port Għawdxi u wieħed minnhom intilef diġa.
"Dan juri kemm hemm bżonn urġenti li jsir il-cruise liner terminal. Aħna nafu u ppjanajna li jekk ikollna dan it-terminal indaħħlu f'Għawdex 100 cruise liner fis-sena. U b'daqshekk ma nkunux sraqnihom minn Malta għax Malta u Gġħawdex huma żewġ gżejjer differenti minn xulxin u għalhekk dawn ikompli jkabbru l-industrija tat-turiżmu fil-gżejjer tagħna." qal il-Ministru Refalo