Għodda għall-avukati mill-avukat Grazio Mercieca
l-ewwel volum ta’ Massimarju tal-Imħallef Philip Sciberras
L-avukat Grazio Mercieca hu Malti iżda ilu jgħix Għawdex mill-1985, minn meta żżewweġ. Fil-fatt twieled u tgħammed Bormla u trabba Ħaż-Żabbar, illum missier Deborah, Caroline u Anton u nannu ta’ Leah u din tal-aħħar qalhieli b’ċerta kburija. Għal dawn l-aħħar 10 snin, Grezzju, kif jafu kulħadd, ġabar is-sentenzi kollha tal-imħallef Philip Sciberras u lesta l-ewwel volum mit-tlieta li għad iridu joħorġu għal bejgħ bl-isem ta’ Massimarji tal-imħallef Philip Sciberras ‘Proċeduri Ċivili’
Ktieb li ma jgħoddx għal kulħadd, iżda hu għodda għall-avukati u għall-istudenti li jinsabu fil-ħames sena tal-istudji tagħhom li jwassalhom għall-avukati. “Dan il-ktieb hu għodda għall-avukati u studenti tal-liġi,” beda biex jgħidli l-avukat Mercieca. Hu speċi ta’ dizzjunarju dwar il-liġi u s-sentenzi. Anke jekk f’Malta m’hawnx duttrina tal-preċedent, jiġifieri sentenza ma torbotx l-oħra, jibqa’ fatt li dak li mħallef jiddeċiedi, xorta jġorr influwenza fuq imħallfin ta’ warajh. Tant li ħafna mill-avukati jikkwotaw sentenzi tal-passat,” qal l-avukat Mercieca.
Fil-fatt, matul iż-żminijiet ġieli nkitbu xi kotba dwar sentenzi iżda l-aħħar ġabra kienet tal-imħallef Cremona 70 sena ilu, “Qatt ma nkiteb ktieb li jiġbor is-sentenzi b’mod sistematiku.” Grazio Mercieca qalilna li Philip Sciberras hu l-aktar avukat li għandu għarfien tal-ġurisprudenza (sentenzi), “Meta wieħed jara s-senetnzi tiegħu, għandu enċiklopedija.”
Dan il-ktieb li fih madwar elf paġna u li għalih intużat karta rqiqa apposta biex ma jkunx oħxon wisq, hu speċi ta’ dizzjunarju fejn is-sentenzi huma miġbura skont l-alfabett, u hu analitiku fejn fl-aħħar tal-ktieb hemm 5 indiċi. Il-ktieb hu mitbugħ mill-Università ta’ Malta u se jintuża għall-istudenti meta jaslu għat-teorija legali fl-aħħar sena tagħhom tal-kors tal-liġi.
Mistoqsi kif tħajjar jidħol għal din il-biċċa xogħol, l-avukat Mercieca qal li kien jiġbor dawn is-sentenzi bħala sottomissjonijiet u kien l-imħallef Sciberras li meta ltaqa’ miegħu qallu biex jiġborhom fi ktieb. It-tieni volum mistenni jitlesta s-sena li ġejja.
Għall-din l-intervista kien hemm preżenti d-disinjatur tal-qoxra Stefan Attard ta’ 32 sena li qalilna li hu ried joħloq qoxra li ma tagħmilx għajb lill-portrait tal-imħallef Sciberras tal-pittur Għawdxi, Manuel Farrugia, “Anzi ridt nikkumplimenta l-pittura u fl-istess ħin, għalkemm is-suġġett hu tqil ridt noħroġ disinn li meta persuna jarah f’librerija, jħajru jmur jarah u jiftħu.”