Pitter il-portraits tat-tliet ministri li kien hemm Għawdex

  • Żagħżugħ Għawdxi li joħroġ il-karattru ta' kull personalita li jpitter....jgħidilna l-karattru ta' Anton, Giovanna u Refalo

ritratt John Busuttil
ritratt John Busuttil

Il-pittur u skultur żagħżugħ Għawdxi ta’ 26 sena Manuel Farrugia li għalkemm ta’ età ferm żagħżugħa, diġà hu famuż immens fejn jidħlu l-portraits u l-arti barokka b’diversi xogħlijiet tiegħu jinsabu fil-knejjes Maltin u Għawdxin u għamel il-portraits tal-Arċisqof Cremona li tinsab fil-Katidral tal-Imdina, tal-Arċisqof Scicluna, tal-imħallef Sciberras u għadu kif lesta l-portraits tat-tliet ministri li kien hemm f’Għawdex u li se jitwaħħlu fil-Ministeru ta’ Għawdex.

Interessanti l-fatt li meta Manuel jiddeċiedi jew iqabbduh jagħmel portrait, l-ewwel jiltaqa’ mas-suġġett u joqgħod jitkellem miegħu biex jistudjah, fejn minn għajnejh u l-body language joħroġ il-karattru. Imbagħad jeħodlu ritratt li fih joħroġ il-karattru tiegħu. Għalhekk staqsejtu jgħidli x’karattru ried joħroġ mit-tliet ministri għal Għawdex u mill-Imħallef Sciberras li l-portrait tiegħu filwaqt li se jingħata lill-istess eks imħallef, intuża għall-qoxra tal-ktieb.

“Iltqajt mal-imħallef l-Imsida u wara għidtlu jippużali quddiem il-kotba li tant iħobb, iżda meta ġejt biex inpinġih iddeċidejt li nneħħi l-kotba mill-isfond għax jien ridt pittura u mhux ritratt fotografiku. Lill-imħallef ħriġtlu dak il-karattru ta’ nofs tbissima għax iħobb jiċċajta b’linji fini u satiriċi u fl-istess ħin ta’ ħassieb kbir.”

Dwar il-ministri, Manuel qalli dan: “Anton Refalo naf li hu persuna li jħobb ħafna, anzi akkanit għal Għawdex u fil-ħarsa ħriġt il-karattru ta’ kemm hu akkanit għall-gżira Għawdxija u li hu persuna li jisimgħek.”

“Anton Tabone hu bniedem smart, twajjeb u jisma’ ħafna u anke jekk illum hu barra mill-politika, għadu determinat li jara lil Għawdex aħjar.”

“Giovanna Debono tidher li hi mara eleganti b’ħarsa enigmatika b’poża li nxebbaħħha mal-istil tal-Mona Lisa.”

Dwar il-karriera tiegħu, Manuel qalilna li hu studja fl-iskola tal-arti f’Malta u ħadem mal-artisti Pawlu Carbonaro u ma’ Austin Camilleri. Iħoss ukoll li l-arti ħierġa mit-tieni Medju Evu. Ammetta li hu anke jekk minn meta kien tifel kien dejjem ipinġi u jagħmel annimali bil-plastisin qatt ma basar li se jispiċċa jgħix bl-arti u jaqla x’jiekol bl-arti. Iżda xorta għandu ħolma li malli jiżżewweġ lill-għarusa tiegħu li hi avukat, Renata qed jaħseb biex ikompli l-istudju tiegħu fl-Italja.

 

More in G?awdex