Każ Gozo Channel - L-allegat ammont ta’ frodi hu ta’ €355
- 22 biljett ta’ passiġġieri bl-€4.65 il-wieħed
- 16-il biljett tal-karozzi bil-passiġġier b’€15.70 il-wieħed, xufier bil-kartanzjan €11.05
John Busuttil
L-ILLUM hi infurmata li l-allegat każ ta’ frodi fil-biljetti tal-Gozo Channel minn żewġ ħaddiema tal-kumpanija jammonta għal €355. Fil-fatt minn informazzjoni li għandha l-ILLUM, minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom, l-allegat frodi tela’ għal €355 hekk kif kienu reġgħu ġew użati 22 biljett ta’ passiġġieri Maltin li jiswew €4.65 il-wieħed u 14-il biljett ta’ karozzi ta’ Maltin, inkluż ix-xufier, li jiswew €15.70 il-wieħed. Għalkemm fosthom kien hemm min ix-xufier kien bil-kartanzjan allura jħallas €11.05. L-ammont kollu wassal għal €355. L-ILLUM huwa infurmat li dan l-allegat frodi seħħ fil-15 ta’ Settembru ta’ din is-sena.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin
Iż-żewġ ħaddiema akkużati b’dan l-allegat frodi huma Raymond Borg, magħruf bħala x-Xitan u George Zammit, li l-każ tagħhom fil-Qorti mistenni jkompli nhar il-Ħamis li ġej. L-akkużi kontrihom huma li bejniethom dawn allegatament ħadu €355, b’Borg jieħu €200 u Zammit, li hu bejjiegħ tal-biljetti mal-Gozo Channel, jieħu €155. Sadanittant meta l-Ministeru għal Għawdex ġie mgħarraf bil-każ, il-Ministru Anton Refalo ta l-ordni biex iż-żewġ ħaddiema jiġu sospiżi u l-każ ikompli jitmexxa mill-Pulizija.
L-informazzjoni mgħoddija ta’ kif allegatament seħħ il-każ kienet tgħid li wieħed mill-ħaddiema ġabar xi biljetti għax ma ħadmitlux l-iscanner, bl-istess biljetti jingħataw lil min ibiegħhom. Dawn il-biljetti reġgħu ġew mibjugħa lil klijenti oħrajn. Huwa mifhum li meta ġie rrappurtat il-każ, il-Pulizija ħadu f’idejhom il-filmati tas-CCTV cameras li hemm fil-viċinanzi.
Mal-ILLUM iċ-ċermen tal-kumpanija Joe Cordina, stqarr li l-każ jinsab f’idejn il-Pulizija għalkemm żied jgħid ukoll li l-każ għadu mhux magħluq u li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.