Alvin Scicluna: ix-Xandar tas-sabiħ

  • Iffilmja f’ħames kontinenti u siefer mal-kamera tiegħu ’l fuq minn 200 darba
  • Rebaħ 30 award u ngħata Ġieħ ir-Repubblika għax-Xandir

Kull meta fuq it-televiżjoni tal-istat tinzerta xi programm fuq Għawdex, sew kultura inkella sport, jew attivitajiet tal-gvern, dejjem ikun hemm it-timbru tal-produzzjoni CVC (Citadel Video Communication). L-unika dar tal-produzzjoni televiżiva Għawdxija mmexxija minn Alvin Scicluna u l-familja tiegħu, uliedu James, George u Katya bis-sostenn dejjem tal-omm li ma tidhirx iżda li hi dejjem hemm wara l-kwinti.

Alvin hu fil-fatt Salvinu fil-qosor fejn fil-gżira Għawdxija hu isem komuni, iżda Alvin Scicluna hu l-ixjeħ wieħed minnhom ta’ 63 sena.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Alvin fl-istudio tiegħu fir-Rabat biex naraw eżatt kif bdiet din l-imħabba lejn il-kamera u l-filming u minn meta bdiet. Fil-fatt qalilna li l-karriera tiegħu bdiet bħala għalliem tat-Taljan fejn kellu n-namra li jiġbed ir-ritratti u fil-bidu tat-tmeninijiet kien xtara video camera u kien jiffilmja tiġijiet u dak kollu li jogħġbu.

Fl-istess żmien beda jaħdem max-Xandir fi żmien meta klikka ta’ għalliema bdew jinvolvu ruħhom fix-xandir, bħal Charles Xuereb, John Demanuele, Charles Saliba eċċ. Il-forte tiegħu dejjem kien l-iskript, iżda fl-istess ħin tgħallem jiffilmja sew u l-għajn ta’ dak li għandu jiffilmja ddistingwietu minn oħrajn.

Sadattant Joe Borg Ghigo beda programm fuq Għawdex u Alvin beda jiffilmja wara li xtara apparat professjonali.

“F’Ottubru 1988 ċempilli Mannie Spiteri l-iskola biex nagħmlu laqgħa fejn talabni nagħmel programm dwar Għawdex. U minn hawn bdejt il-programm ‘Għawdex ILLUM’ li hu l-aktar programm antik li ilu għaddej 28 sena.”

Dan il-programm hu l-aktar wieħed li rebaħ unuri fix-Xandir b’20 unur. Fil-fatt il-kumpanija CVC rebħet 30 unur fil-kamp tat-trasmissjonijiet f’Malta. Għalkemm l-aktar unur li hu tant kburi bih u bir-raġun, hu l-midalja li ngħata għall-Qadi tar-Repubblika bħala rikonoxximent għall-kontribut li ta lis-settur tax-xandir b’mod partikolari lill-gżira t’Għawdex.

Għawdex ILLUM kien l-ewwel programm ‘farmed out’ meta sar l-istruttutar tal-PBS. “L-ewwel 4 snin kont il-produttur tal-programm fejn kont niffilmja u neditja. Meta beda l-pluraliżmu fix-xandir, Mannie Spiteri kien talabni biex niftaħ kumpanija għal rasi u ħadt il-pariri tiegħu fejn isselift mill-bank Lm35,000 u semmejtha Citadel Communications.”

Iżda Alvin Scicluna rrakuntali storja li kienet l-imbutattura importanti fil-karriera tiegħu u tal-kumpanija. “Kont ferm fortunat. Xandir Malta kien ġab konsulent mill-BBC, Gordon Croton u dan kellu dar f’Għawdex. Inċidentalment mingħajr ma kien jafni, kien għażel ‘Għawdex ILLUM’ bħala l-programm li jipprometti.

“Kelli ziju li jbigħ l-għamara f’Għawdex u dan Gordon kien mar jixtri xi għamara minn hemm, u kien tah card li fuqha kien hemm miktub li hu l-‘Head BBC TV training’ u z-ziju qallu li n-neputi tiegħu jaħdem mat-televiżjoni u meta qallu min jien, Gordon talbu biex jiltaqa’ miegħi. Kien ‘my lucky break’ kif jgħidu. Wara laqgħa ta’ sagħtejn flimkien, sirna ħbieb u bagħtni żewġ korsijiet mal-BBC dwar scripting u screen, u kien bagħtni kors b’xejn dwar ‘internal single camera production’ li kien jiswa Lm42,000 u ma ħallast xejn. Barra hekk bqajna ħbieb u dejjem baqa’ konsulent tiegħi sa ma miet ftit ilu.”

Il-familja kollha tas-CVC: James, il-mara, Alvin, Katya u George
Il-familja kollha tas-CVC: James, il-mara, Alvin, Katya u George

Is-CVC ma pproduċiex biss ‘Għawdex ILLUM’ iżda ‘Ix-Xogħol waħdu jurik’ dwar snajja’ qodma, ‘Żmeraldi’, ‘Malta Ġrajjietna’. ‘Kenn il-Baħħara’ dwar il-Port il-Kbir u l-madwar, li kien preżentat minn Joe Dimech, ‘Malta u Lil Hinn Minnha’ għal dawn l-aħħar ħames snin u l-filmati kollha ta’ attivitajiet tal-Gvern għad-DOI.

Il-programmi tiegħu huma ambjentati fuq kultura, ambjent, ikel tradizzjonali u l-Malti barra mill-pajjiż. Fil-fatt Alvin iffilmja fil-ħames kontinenti u siefer lejn aktar minn 200 lokalità. “Iffilmjajt 5 darbiet fl-Awstralja, 3 darbiet il-Gwatemala, darbtejn il-Brażil u ħames darbiet fl-Amerka fost pajjiżi oħra. L-aktar pajjiżi mbiegħda li mort huma t-terra del Fuego fil-ponta t’isfel fiċ-Ċili u s-South Island tan-New Zealand. Jien il-kultura ġġennini u dak kollu li jinteressani niġbdu kollu.”

Alvin beda jsemmili l-estremi kollha li ltaqa’ magħhom bħal meta ffilmja fir-Russja f’teperatura ta’ -25ºC f’nofsinhar u fis-sħana enormi tal-Amerka t’Isfel.

“Il-kultura Sud Amerikana taffaxinani meta tara kif il-kultura Spanjola ġiet integrata mal-indiġeni. Pajjiżi inkredibbli.

Iżda l-aktar li affaxinjat ruħi hu biċ-Ċili fejn hemm kuntrasti kbar tan-natura. Fejn fin-naħa ta’ fuq hemm id-deżert Atacama li hu wieħed mill-aktar deżerti estremi fid-dinja u fin-naħa t’isfel hemm l-icebergs u glaciers.”

Din id-dar tal-produzzjoni hi l-vuċi u l-lenti ta’ Għawdex li llum għandha apparat HD superjuri għal kulħadd. Għandhom anke kamera ‘full blown cinema camera’ li f’Malta hi unika. Għandhom 7 kameras u ma’ din il-kumpanija hemm jaħdmu 20 part timer u erba’ full time.

Alvin jinsab kuntent ukoll li rnexxielu jiġbor lill-uliedu miegħu fix-xogħol għax kieku ftit kien ikollu ħin igawdihom minħabba l-ħin twil li jeħodlu l-filming u l-produzzjoni. Hu qal li s-suċċess tiegħu hu dovut, “għax għadni kapaċi li l-passatemp tiegħi nagħmlu b’ċerta sempliċità imma b’suċċess, bi ftit filmat, bi storja li nikteb jien stess, u ftit mużika li nagħżel jien u noħloq storja jew servizz li jirnexxili nemozzjona lit-telespettatur. Inħoss li kapaċi indaħħak, inbikki u ninforma mingħajr ma nkun pedantiku.”

Alvin, l-eks għalliem qal li hu jħossu li għadu bħal għalliem fejn il-klassijiet tal-istudenti jinbidlu mas-salotti, kmamar tal-ikel u l-kmamar tas-sodda ta’ Malta u Għawdex kollha.

Min isegwi l-programmi mtella’ mis-CVC jinnota li kollha huma pożittivi, kważi ma jikkritika xejn. Alvin Scicluna hu l-cameraman u x-xandar tas-sabiħ, “Ħafna jikkritikawni b’dan u r-risposta tiegħi hi li hawn programmi speċifiċi li jikkritikaw oġġettiv. Jien inwassal programmi fejn għal ftit ħin, naraw is-sabiħ u l-pożittiv għax hawn ħafna sabiħ madwarna. Nemmen li n-negattività tkaxkar u tħalli r-riperkussjonijiet” temm Alvin Scicluna.

 

       

 

More in G?awdex