Eric Mercieca: Minn Disinjatur għal Imprenditur

“Hemm bżonn li l-Gvern jissusidja lill-imprendituri Għawdxin billi ma jħallsux tal-merkanzija biex iwassluha f’Għawdex minn Malta”

Eric Mercieca hu żagħżugħ Għawdxi ta’ 35 sena minn Għajnsielem li hu ta’ eżempju għal dawk iż-żgħażagħ Għawdxin li ma jemmnux li fil-gżira ċkejkna tagħhom hemm lok ta’ futur. Dejjem jekk temmen fik innifsek, ma taqtax qalbek u ma tisma’ minn ħadd ħlief mill-istint tiegħek. Eric, minn disinjatur fi żmien meta s-servizz ftit kien jintalab f’Għawdex, irnexxilu jikber b’tali mod li llum sar imprenditur u aġent ta’ kumpanija kbira Taljana, Orsolini.

 

Ħassejt li l-istorja ta’ suċċess ta’ Eric naqsamha ma’ żgħażagħ Għawdxin li forsi jaħsbu li m’hemmx futur fil-gżira tagħhom. Eric hu eżempju ħaj ta’ ‘Where there is a will, there is a way’.

 

Eric studja u ggradwa fl-Interior Design fl-Art & Design Centre il-Belt Valletta. Suġġett li għal Għawdex dak iż-żmien kien kapriċċ għax ma kienx hemm għarfien ta’ dan is-servizz. Fil-fatt biex seta’ jaqla xi ħaġa tal-flus ġieli ħadem bħala waiter jew barman. Fl-istess ħin beda jmur jagħmel xi disinji f’Malta darbtejn fil-ġimgħa.

 

“Kien avviċinani perit u kien qabbadni xi xogħol” Fil-fatt Eric kien iddisinja s-sala tan-nisa fl-Isptar Sant’Anna u bdiet timxi l-kelma, fejn minn hemm beda jiġi mqabbad minn diversi Kunsilli Lokali biex jiddisinjalhom il-bini tal-Kunsilli, bħal dak tan-Nadur, Qala, Kerċem, Għarb u każini tal-banda u futbol, u ħwienet oħra barra l-mużew tal-marine tad-Dwejra. Ix-xogħol beda jikber u ħafna kienu jitolbuh biex jixtrilhom il-gypsum u l-coving, fejn kien imur jixtrihom minn ħwienet u dawn, skont Eric ma kienu jagħtuh xejn bħala kummissjoni. “Dan wassalni biex iddeċidejt li nibda nixtri minn Malta gypsum u coving u npoġġih fid-dar ta’ ziti u fil-garaxx ta’ missieri. Fl-istess waqt ftaħt ħanut ir-Rabat fi żmien meta splodiet il-moda tal-coving u l-gypsum.

 

“Niftakar li xi kuntratturi daħku bija meta għidtilhom li bdejt inġib il-gypsum u nbigħhom minn Għawdex. Qaluli li ma kellix ċans nikkompeti mal-Maltin, iżda jien imxejt mal-istint tiegħi u għamilt ta’ rasi. Kont ordnajt żewġ containers coving u begħthom kollha, u minn hemm bdejt inġib il-gypsum. Ġie kollox katina għax jien bdejt niddisinja, u mid-disinn tiegħi bdejt inbigħ il-gypsum u l-coving.”

 

“Irnexxili wkoll nagħmel kuntatt ma’ kumpanija tal-gypsum Taljana, ‘Lafarge’ li kienet waħda mill-aqwa. Biex irnexxieli nagħmel dan, għidtilhom li Għawdex hu reġjun għalih u b’hekk irnexxieli. Il-kuntratturi Għawdxin ħadu r-ruħ għax issa ma kellhomx għalfejn imorru Malta għax-xogħol, għax bdew isibu kollox hawn. Kumdità u inqas flus tat-traġitt.”

 

Eric qalli li hu persuna persistenti, “Jekk ngħid li ngħaddi minn bieb, ngħaddi. Ma naqta’ qalbi b’xejn.”

 

Però ma kinitx faċli għax f’Għawdex sab problema fejn ipoġġi l-gypsum. Garaxxijiet hemm limitu tad-daqs kemm jistgħu jinbnew, u garaxxijiet industrijali m’hemmx, “Ma kellix fejn inpoġġi l-gypsum minħabba d-daqs tiegħu, u kont fortunat meta sibt fabbrika tal-għalf tal-annimali u krieli l-post.”

 

Eric għandu storja għaliex ta l-isem ta’ Meric lill-kumpanija tiegħu. Niftakar kien għadu dieħel l-internet u kelli ħabiba tiegħi tipprova tgħinni nagħmel email u talbitni isem u jien kont għidtila Meric, għal Eric Mercieca. Għoġbitni u żammjetu meta ġejt biex nagħżel isem għall-kumpanija.”

 

Eric qalli wkoll li biex jikkompeti u jirbaħ kuntrati ta’ tikħil u kostruzzjoni, kien iwaqqa’ l-prezzijiet kemm jiflaħ biex jirbaħ il-kompetizzjoni ma’ Malta, anke jekk gerger li n-negozjant Għawdxi għandu diffikultà fil-kompetizzjoni tiegħu. “Aħna biex inġibu x-xogħol f’Għawdex irridu nħallsu madwar €400, u l-Malti dawn ma jħallashomx. Ma nafx meta l-Gvernijiet se jgħinuna u jissusidjawna fit-trasport tax-xogħol biex inkunu nistgħu nikkompetu ‘at equal level’.”

 

Iżda Eric ma waqafx hawn fin-negozju tiegħu għax kompla jikber. “Darba irċevejt telefonata b’numru Taljan u ħsibtha telefonata minn dawk li jiffrodawk, u meta weġibtu kellmitni waħda bil-Malti fejn talbitni biex insib xi disinjaturi biex nitilgħu l-Italja, kollox imħallas. Ma ridtx nemminha iżda meta bagħtitli l-biljetti tal-ajru, kont tlabt lit-tfajla biex tiġi miegħi u morna tlett ijiem fil-fabbriki u warehouses tal-kumpanija Orsolini. Niftakar li meta wasalt Ruma kien hemm maltemp kbir u għargħar, u spiċċajna noqogħdu f’dar f’foresta. Impressjonajt ruħi bl-imħażen enormi tagħhom u ddeċidejt li nerġa nitla’ ma’ missieri u tawni xi stimi.

 

“Kien ġie wieħed mill-kumpanija f’Għawdex jara x-xogħol tiegħi, u meta rani l-ħin kollu nwieġeb it-telefon qalli li nidher li jien bniedem li għandi ħafna xogħol u ddeċidew li jagħtuni l-kumpanija u qalli biex niftaħ ħanut f’Għajnsielem. Irnexxieli nakkwista ħanut enormi li niftakru jinbena, u dejjem kont noħlom li jkun tiegħi. Mort l-Italja ninnegozja biex inġib ix-xogħol tal-madum u kmamar tal-banju ta’ din id-ditta enormi, li għandha 30 ħanut f’Ruma u issa kienu bdew jiftħu fl-Ewropa. Jien kont l-ewwel wieħed li ħriġt din il-kumpanija barra Ruma.”

 

Illum fix-showroom ta’ Eric wieħed isib kmamar tal-banju Versace u mixers Nobili. “Il-kumpanija Taljana għandha kull kwalità minn kmamar u madum ta’ prezz normali sa kmamar għoljin ħafna bħal Versace.”

 

Eric qalli li anke jekk f’dan in-negozju għadu jibda, qed iħoss li qed jikber u jitgħallem fl-istess waqt f’dan in-negozju li hu ġdid għal kollox għalih. Qalli wkoll li hu kien deċiż mill-ewwel li qatt ma jġib xogħol Ċiniż, għax l-Għawdxin ma jkunux iridu xogħol miċ-Ċina, “u kif jidħlu fil-ħanut jistaqsuk jekk iġġibx taċ-Ċina għax inkella jitilqu ’l barra.”

 

Storja ta’ żagħżugħ li ma jiqafx joħlom, tant li għandu ħolma oħra, “Mhux se nieqaf hawn u se nkompli noħlom. Irrid inkompli nkabbar u issa moħħni li niftaħ f’Malta wkoll.”

Iż-żagħżugħ Għawdxi temm jgħid ukoll li m’għandux għalfejn jaqta’ qalbu. “Jien dejjem tlajt tarġa tarġa u dejjem trid tħares ’il quddiem, ikunu xi jkunu l-ostakli tal-ħajja. Is-suq Għawdxi hu limitat u żgħir iżda xorta ma ħaristx lura. Dejjem tgħallimt waħdi mill-iżbalji għax jien fil-familja m’għandix negozjanti. Kont jien li ddeċidejt li nsir imprenditur anke jekk ommi u missieri dejjem inkwetaw għalija li nieħu riskji kbar fix-xogħol.”

 

 

 

More in G?awdex