Skema biex il-batteriji jibdew jinġabru mill-privat

Wasteserv jippremjaw lir-rebbieħa fil-kampanja Batterina f'Għawdex

Meta kien qed jippreżenta l-premji lill-istudenti rebbieħa fil-kampanja ta’ Batterina mħaddma mill-kumpanija Wasteserv, fl-iskola St Francis fir-Rabat Għawdex, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat ħabbar li l-miżura fil-Budget 2016, li tipprovdi għal skema biex il-batteriji jibdew jinġabru mill-privat, hija sfida ġdida u obbligu li ilu fuq l-ixkaffa u jingħata l-ġenb.

 

Filwaqt li radd ħajr lil kull min kien involut fit-tħaddim tal-kampanja Batterina, li issa ilha mwaqqfa ħames snin u li għenet bil-kbir biex tqajjem kuxjenza ambjentali mal-pajjiż kollu, speċjalment fost it-tfal tal-iskejjel primarji u sekondarji dwar kif għandhom jiddisponu mill-batteriji użati u li aktar tard kienu qed jinġabru mill-Wasteserv minn diversi postijiet bħal kunsilli lokali, skejjel u postijiet oħrajn, innota li xorta għad baqa’ xi jsir biex nilħqu l-livell meħtieġ fil-ġbir tal-batteriji, liema livell sal-lum huwa biss dak ta’ kwint tal-batteriji kkunsmati mill-Maltin u l-Għawdxin.

 

Skont Direttiva tal-Unjoni Ewropea (UE), minkejja x-xogħol siewi tal-Wasteserv, dan ix-xogħol ma jistax jibqa’ jsir minn kumpanija tal-Gvern iżda għandu jkun imħaddem mill-privat skont dak li jissejjaħ il-prinċipju tal-extended producer responsibility.

 

Teknikament, minkejja li pajjiżna jinsab riesaq lejn il-livell minimu xieraq f’dan il-ġbir, Malta u Għawdex għandhom rata ta’ ġbir ineżistenti għax ma kinitx konformi mal-liġijiet Ewropej.

 

Taħt iż-żewġ gvernijiet dejjem kien hemm qbil li l-Wasteserv għandha tidħol biss fejn ma jistax jasal il-privat. Fil-fatt, hemm qbil bejn iż-żewġ naħat li l-Wasteserv għandha tkun dak li jissejjaħ operator of last resort. Il-pjan nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-iskart jipprovdi għal dan kollu wkoll.

 

“Il-ħsieb tal-Gvern huwa li kull tibdil isir b’konsultazzjoni wiesgħa u bi trasparenza sħiħa mal-istakeholders kollha ħalli nkunu f’qagħda ferm aħjar li nilħqu l-miri ta’ pajjiżna fl-immaniġġjar tal-iskart,” temm jgħid il-Ministru Brincat.

 

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo faħħar lill-iskejjel tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kampanja Batterina. Hu faħħar ukoll lil Wasteserv u lill-parteċipanti kollha għall-istorja ta’ suċċess li għamlu bil-kampanja, li qajmet kuxjenza akbar dwar il-ġbir responsabbli tal-batteriji.

Il-Ministru Refalo tenna l-importanza li minn età żgħira tinħoloq aktar kuxjenza favur l-ambjent.  Il-Ministru tenna li l-mira tal-Ministeru għal Għawdex hija li sas-sena 2020 Għawdex isir gżira ekoloġika, bl-għajnuna ta’ komunità  ħerqana u deċiża li tilħaq il-miri ta’ soċjetà sostenibbli.

 

Il-viżjoni ta’ gżira ekoloġika tħares ’il quddiem lejn futur sostenibbli, gżira aktar sabiħa, ispiranti, akkoljenti, b’saħħitha, inklużiva u ta’ suċċess; fi ftit kliem post tajjeb biex tgħix fih, f’bilanċ mal-ambjent. Il-Ministru Refalo tenna l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex li qed  jaħdem biex ir-residenti jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, filwaqt li jgħin ukoll biex Għawdex ikun ta’ attrazzjoni għall-barrani biex dan iżur, jgħix u jinvesti fil-gżira. 

 

More in G?awdex