‘Il-PN ma jistax jitkellem dwar ħela ta’ żmien’ – Anton Refalo

“Qatt mhu se nħalli u nippermetti li tittieħed xi deċiżjoni li fil-fond ta’ qalbi nkun naf li se tkun ta’ detriment jew sfreġju għall-gżira Għawdxija”

 “Naqbel ma kwalunkwe ħaġa li tagħmel lil Għawdex aċċessibbli għal Malta” beda biex iwieġeb il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, dwar dak li kien inkiteb fuqu f’The Times ta’ 4 snin ilu u li kkwota Said. “Nemmen li l-Għawdxin għandhom ikollhom l-istess faċilitajiet u opportunitajiet bħal ħuthom il-Maltin.”

Qed nippruvaw inwaqqfu monopolju

Refalo, qabel tkellem fuq il-pont, xtaq iwieġeb dak li qed isir ‘short term’ u l-ewwel beda  jitkellem dwar il-fast ferry service li spjega kif għadu ma sarx għax irid jkun hemm reviżjoni tal-Public Service Obligation (PSO), li hu ftehim mal-UE  dwar il-liġi tat-trasport. F’dan il-ftehim li sar minn Gvern Nazzjonalista, l-UE tat permess biex il-Gozo Channel ikollha monopolju. Dan il-PSO jagħlaq sentejn oħra, iżda Refalo aċċertana li hu qed jaħdem biex issir reviżjoni tiegħu issa stess. “Mexjin sew fuq dan il-punt imma ta’ min jirrimarka li kien ikun immatur li ndaħħlu l-fast ferry jekk ma nirrevedux il-PSO. Tinsiex li fid-deċiżjonijiet tagħna, aħna rridu nħarsu lejn il-ħaddiema tal-Gozo Channel li jgħajxu lill-familji tagħhom minn hemmhekk.”

Il-problema għall-air strip hija art ODZ...u Busuttil

Tkellem ukoll dwar l-airstrip fejn Refalo qal li l-istudji dwaru se jkomplu, “anke jekk m’għadux prijorità.” Għalkemm diġà sar ħafna xogħol f’dan ir-rigward, huwa fakkar kif il-problma li qed twaqqaf il-proġett kollu huwa l-użu tal-art barra ż-żona ta’ żvilupp (ODŻ) biex isir l-airstrip. “Li jinkwetani hu, x’inhi eżattament il-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward. Qed jeskludi kull tip ta’ żvilupp? Għax biex issir airstrip trid tintuża l-art fejn illum hemm il-heliport. Sal-lum għadni ma nafx x’inhi l-pożizzjoni tiegħu.”

Naqbel mal-mina basta...

Refalo qal li jaqbel li issa jibda l-istudju dwar il-mina, iżda fuq żewġ kundizzjonijiet: “Li ma tittieħed l-ebda deċiżjoni qabel inkunu ċerti li dak li se jsir ma jkunx għad-detriment tal-gżira Għawdxija u li jkollna studji u l-fatti kollha quddiemna. It-tieni kundizzjoni hi, li jekk u meta, jiġi deċiż li ssir mina, id-‘diskriminazzjoni pożittiva’ favur Għawdex u l-Għawdxin trid titkompla għax Għawdex qatt ma jista jiġi kkunsidrat bħala distrett kwalunkwe. Għawdex irid jibqa’ rikonoxxut li għandu dawk il-problemi uniċi tiegħu, sew kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi li jimmeritaw li kwalunkwe gvern jibqa’ jwettaq miżuri ta’ benefiċċju għall-Għawdxin.

“Aħna bħala Ministeru ta Għawdex il-ħin kollu naħdmu biex din id-‘diskriminazzjoni pożittiva’ tibqa’, kif fil-fatt qiegħed iseħħ.”

Il-benefiċċji jibqgħu, mina jew le

Refalo jiftaħ il-kunċett ta’ aċċessibbiltà għal Għawdex  u jfakkar li jeħtieġ nikkunsidraw dik fiżika u anke dik diġitali. “Fil-fatt lestejna l-istudji kollha neċessarji dwar it-tieni fibre optic cable u jinsabu f’idejn il-Malta Enterprise biex naraw it-triq ’il quddiem. Issa naraw jekk immorrux għall-fondi Ewropej, jew fondi nazzjonali, inkella permezz ta’ Public Private Partnership (PPP).

Refalo jagħmilha ċara li l-€1,500 ewro fis-sena, mogħtija bħala għotja lill-istudenti Għawdxin, “trid tibqa’, bil-mina jew mingħajrha. Wieħed irid jifhem li triq taħt il-baħar xorta tħallina gżira bil-problemi uniċi tagħna.”

L-inkwiet ta’ Refalo huwa l-PN, u mhux x’qal hu

Mistoqsi dwar l-akkuża ta’ Chris Said li hu kien irredikola l-idea tal-mina meta Gvern Nazzjonalista ħareġ biha erba’ snin ilu, Refalo qal, “Qatt ma rridikolajt lil ħadd u lil Chris nirispettah bħala kollega. Jien l-inkwiet tiegħi hu li f’dan il-pajjiż m’għandekx Gvern alternattiv. Ninkwieta għax l-Oppożizzjoni qatt ma ħarġet b’miżuri konkreti dwar x’inhi l-viżjoni tagħha għal Għawdex. F’sagħtejn ta’ diskors dwar il-baġit, Simon Busuttil ma semma’ xejn dwar il-viżjoni tiegħu fuq Għawdex. Stennejtu jgħid almenu jekk jaqbilx li f’Għawdex nibnu identità ekonomika ġdida li tagħmel sens għal Għawdex, jiġifieri li jkollok tliet ‘hubs’ ekonomiċi dak mediku, dak diġitali u dak kreattiv, li lkoll joperaw mill-gżira. Jekk nitkellem biss fuq il-kreattiv, il-film ‘By The Sea’ fetaħ orizzonti ġodda għal Għawdex, li kienu traskurati għal kwart ta’ seklu.

“Jinkwetani ħafna li Busuttil qed jiżra biża’ fost it-800 ħaddiem tal-isptar Ġenerali f’Għawdex. Il-biża’ hi l-għadu ta’ kull inizjattiva u ta’ kull opportunità, għax din tifred flok tgħaqqad. Il-ħaddiem Għawdxi għandu jingħata t-tama u l-kuraġġ. Għandu jingħata s-serħan biex jiffaċċja l-isfidi, għax quddiemu hemm orizzonti sbieħ. Dan jinkwetani biss, għax f’dinja globalizzata ma nistgħux nippretendu li t-tibdil joqgħod jistenniena. Aħna  rridu ninbidlu maż-żminijiet u hekk qed nagħmlu f’Għawdex aħna.”

Il-Gvern ma ħeliex ħin

Tlabnieh iwieġeb għall-akkuża li l-Gvern ħela tliet snin fi studju ta’ pont biex reġa’ mar  għal dak li ppropona Gvern Nazzjonalista, “Ma naqbilx li ħlejna tliet snin, għax trid tara l-għażliet kollha u l-istudji kollha. Iżda fuq dewmien, il-PN żgur li m’għandu l-ebda kredenzjali biex jagħtina l-lezzjonijiet, speċjalment meta tiftakar li biex inbena Mater Dei ħadu 17-il sena u bnewh bil-konkos tal-bankini. Biex inbena it-terminal taċ-Ċirkewwa dam ’il fuq minn 12-il sena, Villa Rundle ħadet tliet snin u ċ-Ċittadella wara ħames snin ħarġet tender waħda. Aħjar tistudja ħafna, u taqta’ darba,” qal Refalo.

Nimxu b’kawtela dwar il-mina

Sadanittant, xorta baqa’ jisħaq li hu se jara li l-istudji kollha juru li ma jkunx hemm problemi jew Għawdex titnaqqaslu xi ħaġa minn dak li qed jieħu, “Nerġa’ ntenni li qatt mhu se nħalli u nippermetti li tittieħed xi deċiżjoni li fil-fond ta’ qalbi nkun naf li se tkun ta’ detriment jew sfreġju għal gżira Għawdxija. Għawdex irrid inħallih ġojjell għal uliedna u għat-tfal tal-familji Għawdxin. Għalhekk, qabel tittieħed kull deċiżjoni irridu naraw l-opinjoni ta’ kulħadd, pero l-opinjoni tal-Għawdxin trid tingħata importanza akbar fl-eventwalità ta’ deċiżjoni. L-akbar żball ikun jekk din il-kwistjoni tiġi politiċizzata. Irridu naraw x’inhu l-aħjar interess ta’ Għawdex. Għalhekk irridu nimxu b’ċerta kawtela u serenità. L-ewwel iridu jsiru l-istudji kollha neċessarji mbagħad jibda l-proċess tal-konsultazzjoni,” temm jgħid il-Ministru għal Għawdex.

 

 

More in G?awdex