‘Se nistenna u nara l-ewwel’

Il-kandidat Nazzjonalista Ryan Mercieca ma tantx jidher entużjast għal proġett ta' mina bejn il-gżejjer

Il-Kandidat tal-PN Ryan Mercieca
Il-Kandidat tal-PN Ryan Mercieca

Il-kandidat Nazzjonalista għat-tlettax-il distrett Ryan Mercieca ma tantx jidher entużjast bl-idea ta’ mina bejn il-gżejjer tant li meta mistoqsi minn l-ILLUM jekk jaqbilx mal-proposta għall-proġett, li għandha l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-Partit Laburista, huwa qal li, “se nkun qed nistenna proposta u studju konkret, aktar milli l-idea, biex inkun nista’ nagħmel analiżi b’reqqa.”  Aktar minn hekk, Mercieca sostna kif jibża li “l-kwistjoni kollha tal-mina hija aljenazzjoni iktar milli realtà.”

Mistoqsi minn dan il-ġurnal jekk jaqbilx mal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija li dan il-proġett jista’ jkun ta’ detriment għat-turiżmu domestiku lejn il-gżira, Mercieca qal li anke hawn, qabel wieħed jiddeċiedi “huwa importanti li jsir studju dettaljat u konkret, mhux biss fuq l-impatt ambjentali, imma anke dak soċjali. Huwa għalhekk li huwa studju li jista’ jiddetermina dan, u mhux l-opinjoni ta’ Għawdxi jew Għawdxija.” 

Mistoqsi jekk jaħsibx li ċ-ċifra ta’ €250 miljun bħala l-ispiża totali tal-proġett, ikkwotata mill-president tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Michael Grech hix realistika Mercieca saħaq li lilhinn miċ-ċifra  l-awtoritajiet għandhom jispjegaw b’mod ċar kif u minn fejn se jinstabu l-fondi biex ikun iffinanzjat proġett ta’ dan it-tip. Il-kandidat Nazzjonalista temm jgħid li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet fl-immedjat, fosthom ‘fast boat service’ u ‘guaranteed boarding’ fuq il-Gozo Channel. 

More in G?awdex