Anthony Grech: Vjaġġ mal-kosta Għawdxija mil-lenti ta’ kamera

“Ridt nuri li Għawdex hu iżjed mit-tieqa tad-Dwejra.”

It-tieqa tad-dwejra…minn angolatura mhux tas-soltu
It-tieqa tad-dwejra…minn angolatura mhux tas-soltu

Anthony Grech twieled fl-1986. Trabba x-Xewkija Għawdex fejn attenda l-iskola primarja tal-post u ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fis-Seminarju ta’ Għawdex. Kompla l-Università, fejn fl-2008 iggradwa bħala għalliem tal-Malti u l-Istorja u fil-preżent, jgħallem fl-iskola sekondarja tal-Mosta.

Ta’ 18-il sena, fl-2004 beda jiżviluppa l-passjoni tiegħu għall-fotografija meta xtara digital camera u beda jiġbed kulma jara quddiem għajnejh. Passjoni li għenitu jara ħafna aktar milli qabel kien jara, għax beda jinnota xeni li s-soltu kien jibqa’ għaddej u ma jagħtix kashom. Maż-żmien beda jesperimenta waħdu fil-fotografija fejn innota li d-dawl hu li jagħmel id-differenza fil-fotografija. Din l-imħabba fil-fotografija u xi korsijiet li għamel, għenu biex jiżviluppa talent kbir li wassluh biex ta’ 29 sena diġà ppublika 6 kotba fotografiċi bl-aħħar wieħed ikun kapulavur.

GOZO: THE ENCHANTING COASTLINE huwa l-aħħar ktieb ta’ Grech, li għadu kif ħareġ għall-bejgħ fil-ġimgħa li għaddiet. Grech hu ko-fundatur tal-Gozo Photographic Society fejn f’dawn l-aħħar snin ħa sehem f’diversi wirjiet lokali u Internazzjonali tal-fotografija. Barra li ħafna mir-ritratti tiegħu jiġu wżati f’pubblikazzjonijiet varji u siti tal-internet.

 

Ta’ 29 sena diġà ppubblika 6 kotba fotografiċi:

1. A walk through the districts of il-Munxar and ix-Xlendi and their history, heritage and folklore (2011) (Photography)

2. Ġrajjiet is-Soċjeta Mużikali u Filarmonika Leone - Għawdex (2012) (Photography & Design)

3. Il-purċissjoni tal-Ġimgha l-Kbira Xagħra- Għawdex (2013) (Photography)

4. L-Għammiedi - 170 Sena l-Għaxqa tax-Xewkin (2015) (Concept & Design & Photography)

5. VITAE - A sacred sculpture exhibition by Mario Agius (2015) (Concept & Design & Photography)

6. GOZO - The Enchanting Coastline (2015) (Concept & Design & Photography) 

 

Anthony Grech li offrielna vjaġġ matul kosta ta' Għawdex mil-lenti tal-camera tiegħu
Anthony Grech li offrielna vjaġġ matul kosta ta' Għawdex mil-lenti tal-camera tiegħu

Għawdex mil-lenti ta’ Anthony Grech

Mort niltaqa’ ma’ Anthony fejn qed jgħix fid-dar tan-nanna flimkien ma’ martu Olivia mir-Rabat li barra li hi għalliema, tkanta fil-korijiet tal-opra. Qalli li qed jgħix hemm sa ma qed jibni post ir-Rabat, fejn ikolli nammetti li ma qbiltx miegħu, għax id-dar tan-nanna hi unika.

Meta titkellem ma’ Anthony fuq il-fotografija tinnota li qed titkellem ma’ artist, għax il-fotografija hi forma ta’ arti fejn anke skont hu, wara kull ritratt hemm storja. “Bil-fotografija tara lid-dinja tinbidel, u f’dawn l-aħħar 11-il sena rajt mhux biss lil Għawdex jinbidel iżda anke t-teknika tal-fotografija.” Mistoqsi jekk ir-ritratti li uża għall-ktieb li ppubblika dwar il-kosta Għawdxija, użax il-Photoshop biex bidel xi ħaġa, u kien pront weġibni li żgur li le. “Irranġajt biss xi dawl biex ħriġt aktar ir-ritratt iżda l-ebda ritratt ma hu mbagħbas. Huma meħudin f’ħinijiet differenti biex noħroġ l-effett tad-dawl jew tax-xemx u anke fi staġuni differenti. Kien hemm fejn mort filgħodu kmieni meta x-xemx tkun tielgħa u dan għamiltu l-aktar meta kont in-naħa tal-Qala u fl-inżul ix-xemx mort in-naħa tad-Dwejra biex toħroġ l-isbaħ effett.

Ta Ċenċ miġbud minn ġo Għar
Ta Ċenċ miġbud minn ġo Għar

“Ridt nuri wkoll li r-ritratti huma ħajjin għalhekk dejjem fittixt jew xi persuna qed tgħum, jew xi dgħajsa u anke karozzi pparkjati f’xi bajja, bħal fi Mġarr ix-Xini.”

Fil-fatt beda biex jgħidli l-istorja wara l-ewwel ritratt, dak tal-Gozo Channel ħiereġ mill-port tal-Imġarr, fejn qalli li mar eżatt fi tlugħ ix-xemx ħalli din tħalli effett ta’ kulur dehbi fuq il-ġebel. Irrakuntali wkoll ir-ritratt li ħa tal-Blue Lagoon minn ġo għar li kellu riħa kbira ta’ urina li jħallu n-nies warajhom, “Mort fil-bidu tas-sajf fit-8 ta’ filgħodu meta ma kien hemm ħadd biex ġbidt dak ir-ritratt.”

Il-Vapur dieħel waqt li tiela x-xemx
Il-Vapur dieħel waqt li tiela x-xemx

Anthony qalli wkoll li hu meta kien żgħir, kien persuna avventuruża fejn kien iħobb jixxabbat ma’ blat u l-kosta ta’ Għawdex darha xi tliet darbiet qabel iddeċieda li jistampaha fuq il-ktieb li ħareġ. “Indunajt li r-ritratti li jidhru ta’ Għawdex huma dejjem l-istess, it-tieqa tad-Dwejra, ix-Xatt l-aħmar, ix-Xlendi min-naħa ta’ fejn hemm in-nies joqogħdu eċċ eċċ. Għalhekk iddeċidejt li nuri l-kosta minn angolu ieħor. Fejn ix-Xlendi domt siegħa tielgħa fuq l-irdumijiet u ġbidt il-bajja u l-kantra minn hemm fuq.”

Il-ktieb li fih madwar 83 ritratt magħżula mill-eluf ta’ ritratti li ħa, u tliet snin ta’ ġbid juri l-kosta kollha fejn jibda mil-Lvant ta’ Għawdex bil-vapur dieħel fil-port u jispiċċa bil-vapur ta’ Għawdex ħiereġ mill-port. Bla dubju kapulavur li għandu jkun parti mil-librerija ta’ kull persuna Għawdxija iżda anke ta’ dawk Maltin. Ikun interessanti li dawk li jħobbu jimxu, jistgħu jimxu mal-vjaġġ li Anthony Grech offra fil-ktieb tiegħu madwar il-kosta Għawdxija.

Il-Blue lagoon minn Għar f'Kemmuna
Il-Blue lagoon minn Għar f'Kemmuna

Grech fil-fatt uża l-parti tal-aħħar tal-ktieb billi wkoll dar mal-kosta ta’ Kemmuna, “għax Kemmuna hi parti minn Għawdex” qalilna Anthony.

Hu kompla jgħidli li Għawdex hu ħaj, “hemm postijiet li jinbidlu b’mud slides minn sena għall-oħra” Qalli wkoll li biex ġibed ir-ritratt ta’ Mġarr ix-Xini kellu jistenna lil Brad Pitt u Angelina Jolie jitilqu. “Hu vjaġġ viżwali,” kif isejjaħlu Anthony, “fejn trid tisraq il-mument għax la darba jitlaq il-mument ma jerġa jiġi qatt.”

Ix-Xlendi u l-Kantra
Ix-Xlendi u l-Kantra

Qalli wkoll li huma l-ħafna li qed jixtrul-ktieb, sew Għawdxin u anke barranin li jgħixu Għawdex fejn jeħduh barra l-pajjiż biex juru lil qrabathom fejn qed jgħixu u xi ġmiel hemm Għawdex.

Biex wieħed jakkwista dan il-ktieb li jiswa €35 kulma jrid jagħmel hu li jibgħat email lil Anthony Grech fuq:g[email protected]

 

More in G?awdex