Trasport pubbliku f’Malta aħjar għall-Istudenti Għawdxin
Ftehim bejn il-GUG, il-KSU u l-Ministeru għal Għawdex biex l-istudenti jkollhom servizz pubbliku adekwat meta jkunu jivjaġġaw Malta
Kmieni din il-ġimgħa, rappreżentanti mill-GUG u l-KSU flimkien ma’ Anthony Briffa il-kordinatur taż-żgħażagħ fil-ministeru ta’ Għawdex kellhom laqgħa ferm produttiva ma’ Trasport Malta dwar it-trasport għall-istudenti Għawdxin f’Malta. Din il-laqgħa saret wara li l-bord laqa l-kummenti ta’ diversi studenti li jużaw it-trasport pubbliku regolari.
L-istudenti f’din il-laqgħa kienu nkwetati fuq dawn l-affarijiet li kienu qed jolqtuhom fin-negattiv:
- X1A kienet biss taħdem darbtejn fil-ġimgħa, it-Tnejn u l-Ġimgħa filgħodu
- Ma kienx hemm rotta diretta għal MCAST ta’ Raħal Ġdid
- Studenti kienu qed jaslu tard biex jilħqu l-vapur
- l-X1 li tmur l-Universita kienet qed titlaq miċ-Ċirkewwa ftit minuti qabel jasal il-vapur
Wara din il-laqgħa ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet li ntlaqgħu ferm tajjeb mill-organizazzjonijiet tal-istudenti għax Trasport Malta laqgħet l-ilmenti tagħhom. Dan it-titjib se jibda min-nofs Diċembru fejn l-istess studenti jemmnu li b’dan it-titjib fejn issa anke l-X1 se tibda tagħmel waqfa ħdejn l-MCAST ta’ Raħal Ġdid żgur li dan se jħajjar aktar studenti jużaw il-mezzi pubbliċi fl-ivjaġġar tagħhom.
Ir-riformi huma dawn:
- X1A se tkun operata darbtejn kuljum bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa
- X1A se tikkonsisti fi tliet waqfiet, Skatepark, Materdei u MCAST Paola
- X1se tkun skjedata li tasal iċ-Ċirkewwa kwarta qabel jitlaq il-vapur b’hekk l-istudenti u l-ħaddiema ma jitilfux il-vapur. Il-ħaddiema tat-Trasport pubbliku ġew infurmati biex ma jitilqux mill-istazzjon taċ-Ċirkewwa jekk jaraw li l-vapur ikun wasal biex jitrakka
- X1A se jopera anke f’żewġ ħinijiet nhar ta’ Ġimgħa filgħaxija biex jieħdu l-istudenti mill-Imsida saċ-Ċirkewwa.