240 panella fuq il-bjut ta' appartamenti f'Taċ-Ċawla f'Għawdex
Il-Ministru Refalo qal li dan il-proġett barra li se jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawn ir-residenti
‘Il-viżjoni ta’ gzira ekologika tħares ’il quddiem lejn futur sostenibbli’. Hekk tenna l-Ministru Refalo meta dalgħodu żar il-housing estate taċ-Ċawla fejn ġew installati aktar minn 240 panella fuq il-bjut tal-appartamenti. B’kollox dawn il-panelli huma stmati li se jiġġeneraw madwar 104,000 unit tal-elettriku f’sena, li huma ekwivalenti għall-konsum annwali medju ta’ 28 familja. Dan il-proġett se jikkontribwixxi bi sħiħ għall-viżjoni ta’ Eko-Għawdex għax se jkun qed jagħti kontribut ambjentali f’ dimensjoni soċjali. Dan għaliex numru ta’ familji se jibbenefikaw minn din l-enerġija rinnovabbli.
Il-Ministru tenna li dan il-proġett barra li se jkompli jtejjeb il-kwalita’ tal-ħajja ta’ dawn ir-residenti, se jkun ukoll mezz ta’ edukazzjoni fuq l-użu bil-għalaq tal-enerġija.
Dan il-proġett juża s-sistema ta’ micro-inverter li jikkontrolla kull pannella individwali. Dan jassigura li meta jkun hemm xi ħsara fis-sistema ta’ xi pannella, din il-ħsara ma taffettwax is-sistema kollha.
Il-Ministru Anton Refalo stqarr li l-kwalità tal-ħajja f’Għawdex tkompli titjieb permezz ta’ investiment kontinwu fl-edukazzjoni, l-ambjent, l-iżvilupp ekonomiku, u l-progress soċjali. Huwa fakkar fil-wegħda tal-gvern li jtejjeb u jgħolli l-livell tal-għajxien tar-residenti li jgħixu fil-housing estates. Dan huwa progett ieħor li jissodisfa l-kriterji ta’ sostenibilita’ ambjentali filwaqt li jindirizza l-bżonnijiet soċio-ekonomiċi tar-residenti ta’ dawn il-housing estate.
Anton Refalo qal ukoll li dan il-proġett jgħin biex jintlaħqu l-miri tal-gvern li sas-sena 2020, 10% tal-ġenerazzjoni ta’ elettriku ikkonsumata tkun iġġenerata minn sorsi li jiġġeddu bħalma huma x-xemx u r-riħ.