L-Għawdxin mhux triq fil-baħar iridu iżda serħan il-moħħ
Forsi l-Għawdxi kultant jingħad li jippretendi wisq mill-Ministru u mill-Gvern. Iżda wieħed irid jiftakar li kull ministru u gvern ippretenda wisq mill-Għawdxi
Lejliet kull elezzjoni, inkella fil-baġit ta’ kull sena, il-politiċi Maltin joħolmu b’Għawdex u l-Għawdxin. Jibdew il-ħrejjef jew kif isejħulha missirjietna l-kastelli fl-arja.
Il-Poplu Għawdxi jiġi mwiegħed air links, sptarijiet ‘state of the art’, mini u pontijiet, xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin, djar tax-xjuħ, toroq, servizzi aktar mgħaġġla bil-baħar, cables taħt l-art għall-internet, cruise liner terminals, xogħol għall-bidwi u r-raħħal, pixxina, qorti….insomma f’kelma waħda dak il-qrid li jisimgħu matul is-sena minn kull qasam tal-poplu Għawdxi, inwegħduh f’dawn iż-żminijiet. Qrid li ilu sejjer għal dawn l-aħħar 30 sena u sal-lum għadna fi stadju ta’ studju.
Li jiskantani hu li ħafna drabi l-wegħdiet jinbidlu minn sena għall-oħra. Jew biex inkun aktar preċiżi, il-‘prijoritajiet’ jinbidlu. Dak li kien prijorità f’sena, isir inqas ta’ prijorità s-sena ta’ wara.
Il-politiċi Maltin hemm bżonn li jisimgħu minn dawk il-politiċi Għawdxin, għax dawn jafu eżatt il-mentalità Għawdxija x’inhi. Dawn twieldu u għexu fil-kultura Għawdxija u jafu li l-Għawdxi ma tixtrihx bil-kastelli fl-arja, iżda billi toffrilu serħan il-moħħ.
Billi sserraħlu moħħu li wliedu se jibqa’ jgawdihom fil-gżira tiegħu. U dan trid tagħmlu billi toħloq sistemi u xogħol ta’ kwalità. S’issa jidher li dawk il-ħaddiema tal-id u tas-sengħa qed jitkattar xogħalhom f’Għawdex, għax hemm boom ta’ proprjetà u ta’ turiżmu fejn aktar Maltin qed jersqu lejn Għawdex u l-Għawdxin tan-negozju qed igawdu minn dan l-influss qawwi. Hu minnu li mill-ġid tal-ftit igawdu l-ħafna għax hemm id-‘domino effect’. Iżda dawk li studjaw għal għalliema, għal avukati, l-IT, periti u mħuħ oħra, mhux qed isibu xogħol f’Għawdex. Iż-żgħażagħ tal-moħħ qed jitilqu lejn Malta jew anke barra x-xtut ta’ Malta u ma jirritornaw qatt lejn Għawdex ħlief biex iżuru lil qrabathom, dik l-hekk imsejħa ‘brain drain’.
L-Għawdxi jrid iserraħ moħħu li meta l-isptar isir privatizzat, mhux biss ikun hemm garanzija għall-impjiegi li nemmen li se jkun u forsi anke b’kundizzjonijiet aħjar, iżda li l-pazjent Għawdxi jkun stmat daqs dak li jkun qed iħallas il-belli liri u jkun qiegħed fl-istess sala miegħu. Tgħid dak li jħallas il-belli liri se jiġi trattat aħjar? Tgħid il-pazjent Għawdxi jekk ikun hemm xi ħadd jistenna sodda, se jintbagħat id-dar kmieni biex is-sodda tiegħu jeħodha l-ieħor li se jħallas? Dan hu s-serħan tal-moħħ tal-Għawdxi li l-politiku Malti jrid jigarantixxi.
Qed insemmi l-politiku Malti għax dak Għawdxi, dawn l-affarijiet jaħsibhom. Għax il-politiku Għawdxi jaf eżatt x’inhi l-mentalità u l-kultura oriġinali tiegħu. Għalhekk il-politiku Għawdxi wkoll irid li dawk Maltin jaħsbu bis-serjetà fl-Għawdxin. U mhux jarawhom biss voti li jistgħu jakkwistawhom meta jiġu bżonnhom billi jwegħduhom il-kastelli fl-arja.
Il-politiku Għawdxi għandu bżonn iżjed finanzi biex jaqdi lill-Għawdxi li tant għandu bżonn għajnuna minħabba l-insularita doppja li jgħix fiha.
Li forsi ħafna ma jafux hu li l-Għawdxin anke jekk ma jkunux jaqblu politikament, parrokkjalment jew idealment, xorta kapaċi jieħdu front wieħed fejn jidħol Għawdex u l-Għawdxin. U dan esperjenzajtu jien stess, fejn fuq iż-żewġ naħat hemm politiċi li moħħhom biss kif se jirranġaw Għawdex għall-Għawdxin.
U l-Għawdxi jaf jagħżel bejn il-politiċi li jħobbu lil Għawdex kollu minn dawk li jħobbu biss ammont ta’ Għawdxin li jassiguralhom siġġu fil-parlament. L-Għawdxi jaf jagħżel u dan tah prova matul iż-żminijiet u l-elezzjonijiet. Hawn tgħallimt li Għawdex la hu ta’ partit u lanqas ta ieħor. Għawdex hu biss tal-Għawdxin u l-bilanċ tal-voti tmur lejn dawk li joffrulhom bis-serjetà serħan il-moħħ, xogħol u flus fil-but.
Forsi l-Għawdxi kultant jingħad li jippretendi wisq mill-Ministru u mill-Gvern, iżda wieħed irid jiftakar li kull ministru u gvern ippretenda wisq mill-Għawdxi, tant li ż-żewġ partiti fetħu l-kampanji tagħhom minn Għawdex. Naħseb li għamlu dan għax raw il-potenzjal tal-Għawdxin .
Bħalissa f’Għawdex teżisti arja ta’ ‘feel good factor’, għax in-negozju sejjer tajjeb, għax it-turiżmu żdied, għax l-industrija tal-kostruzzjoni qed tifjorixxi. Iżda biex dan ikompli sejjer b’mod sostenibbli trid taħseb ukoll għall-futur u għal dawk l-imħuħ taż-żgħażagħ li qed jitbiegħdu minn din il-gżira djamant, għax l-ebda triq fil-baħar mhu se ġġibhom lura.