Bil-mina jispiċċaw d-differenza fin-nollijiet

3 konsorzji Għawdxin urew interess li jibnu l-mina li se tiswa €300 miljun u l-gvern ma joħroġ ċenteżmu għaliha

Bil-mina il-Maltin u l-Għawdxin iħallsu l-istess

 

Fir-rapport taGordon Cordina dwar il-mina bejn Malta u Għawdex joħroġ ċar li f’każ li din il-mina ssir , in-noll bażiku għal dawk li jaqsmu bejn il-gżejjer se jkun l-istess għal kulħadd. Dan ifisser li mhux se jkun hemm differenza bejn dak li jħallas Malti u Għawdxi. Minkejja dan, meta mistoqsi minn l-ILLUM dwar l-ħaddiema li jkollhom bżonn jaqsmu kuljum, L-iLLUM tkellem ukoll ma' Michael Grech il-president tal-GBC li qal li se jkun hemm skemi partikolari li jkunu jfissru nollijiet inqas għal min jużaha frekwenti.

Fid-dawl ta’ rapporti li ħarġu matul il-jum tal-bieraħ dwar noll ta’ €10 kull darba li tuża l-mina, Cordina ippreċiża li dan huwa biss il-medju u jirrifletti biss it-total meħtieġ biex il-privat ikun jista jagħmel qliegħ.  Intant il-President tal-Gozo Business Chamber Michael Grech  sostna mal-ILLUM illi l-ħlas tan-noll se jkun ta’ darba, int u dieħel Għawdex u mhux darbtejn, kif kien irraportat lbieraħ f’xi mezzi tax-xandir.

Ħadd preżenti mill-Ministeru għal Għawdex

F’lukanda ewlenija f’Għawdex ilbieraħ ħareġ għall-pubbliku, ir-rapport ta’ Dr Gordon Cordina dwar studju ta’ aċċess permanenti bejn iż-żewġ gżejjer. L-aktar fattur li laqat l-għajn, fejn anke kien hemm min staqsa lil min kien qed imexxi l-laqgħa dwar dan, kien li l-ebda rappreżentant mill-Ministeru ta’ Għawdex ma kien preżenti. Fl-istess ħin tal-laqgħa kienet għaddejja sessjoni fil-Parlament iżda sadanittant il-kelliem għall-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, l-avukat Chris Said kien preżenti u ta l-opinjoni tiegħu bħala Għawdxi u anke bħala kelliem għall-Partit. Kien iċ-chairman tal-Gozo Channel u sindku tax-Xagħra, Joe Cordina li wieġeb għal xi kritika li għamel Chris Said fil-konfront tal-Gvern preżenti.

Sadattant sorsi mill-kamra tal-kummerċ Għawdxija qalu lil dil-gazzetta li l-proġett se jkun jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Uffiċju tal-Prim Ministru nnifsu u mhux tal-Ministeru għal Għawdex.

Il-laqgħa bdiet meta Dr Gordon Cordina beda r-rapport tiegħu billi qal li ġew studjati tliet metodi, dik li hemm bħalissa jiġifieri bil-vapuri, pont u mina taħt il-baħar. Fit-tliet studji ġie studjat l-impatt ekonomiku, dak soċjali u ambjentali. Dan barra min se jħallas il-bini u l-manutenzjoni tagħhom. Wara dan l-istudju kollu, ħareġ li mina hi l-inqas li tkun piż fuq il-Gvern għax il-mina hi sostenibbli u għalhekk, għaliha hemm interess qawwi minn diversi konsorzji li lesti jieħdu l-bini taghha f’idejhom. Skont ir-rapport, meta tiġi kkunsidrata kull problema li tista’ tiltaqa’ magħha waqt il-bini, il-mina għandha tiġi tiswa mat-€300 miljun. Barra minn hekk, ikollha bżonn mad-€9 miljuni oħra fis-sena għall- manutenzjoni, bl-ikbar spiża tkun l-elettriku sew ta ġo fiha kif ukoll biex jitħaddem l-apparat li jħaddem il-pompi li jarmu l-ilma u dawk li jnaddfu l-arja.

Il-vapuri jiswew lill-Gvern diversi miljuni ta’ ewro, u l-pont, minbarra l-impatt ambjentali, jiswa aktar biex tibnih għaliex jiswa mat-€800 miljun, u bħala manutenzjoni jkollu bżonn €4.5 miljun fis-sena. Għalhekk, il-mina hi l-aktar vijabbli, għax il-Gvern u l-poplu ma joħroġx ċenteżmu wieħed la għall-bini u lanqas għall-manutenzjoni tiegħu. Il-Gvern ikun irid biss joħroġ il-flus biex jibni vapuri iżgħar biex ikompli jagħti s-servizz tal-vapuri li jaqsmu l-fliegu. Iżda xorta ikun se jiffranka l-flus għax flok tliet vapuri jkollu bżonn tnejn, iżgħar u li jaħlu inqas fuel.

Barra minn hekk, Gordon Cordina mill-istudju dettaljat li għamel, ħareġ ukoll li bis-saħħa ta’ mina bejn iż-żewġ gżejjer titjieb ukoll l-eknomija tagħhom, speċjalment jekk Għawdex u l-Għawdxin jagħrfu jieħdu l-opportunità ta’ din l-aċċessibilità l-ġdida billi joħolqu niċeċ ta’ negozji u servizzi li jkunu mogħtija f’Għawdex biss. Eżempji ta’ dawn huwa l-isptar il-ġdid, bħal edukazzjoni speċjalizzata u turiżmu speċjalizzat. L-impjiegi wkoll għandhom jiżdiedu u l-ħaddiema ma jibqgħux jibbażaw fuq impjiegi mas-settur pubbliku. Dan għaliex skont studji madwar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, kull fejn saru mini bejn pajjizi fl-Ewropa, ix-xogħol kiber b’35% u naqsu l-ħaddiema fis-settur pubbliku. Dan jgħin ukoll fl-ekonomija, fejn jitkabbar il-GDP tal-pajjiż. Skont ir-rapport ta’ Cordina, il-mina se tgħin fl-ekonomija Maltija. B’hekk, Għawdex ma jibqax piż fuq Malta iżda jkun hu li jmexxi l-mutur tal-ekonomija Maltija.

Fir-rapport jingħad li mill-istudji li saru fin-Norveġja, jidher li l-ebda waħda minnhom ma qabżet l-ispiża ta’ €164 miljun biex inbniet, iżda qal li huma qed jaħsbu li jekk l-affarijiet imorru ħażin ikunu ħasbu għalihom minn qabel, u għalhekk qed jirduppjaw il-prezz tagħha. Fejn anke qal li biex il-prezz ikun aktar minn hekk, iċ-ċans hu ta’ 1 fuq 200.

Dwar il-biża’ li jista’ jikber it-traffiku f’Għawdex, l-estimi li ġew studjati juru li t-traffiku jista’ jikber b’1.6%. Però vjaġġ li s-soltu l-Għawdxi jeħodlu total ta’ madwar siegħa biex jagħmlu, sa ma jistenna l-vapur, sa ma jaqsam u sa ma jinżel, bil-mina għandu jeħodlu 12-il minuta.

Chris Said jgħid li meta titlesta l-mina, jkunu għaddew żewġ elezzjonijiet oħra

Ir-rapport jgħid li hemm bżonn sentejn ta’ studju ġeoloġiku u preparamenti, u tliet snin biex tinbena. Meta l-ILLUM staqsa meta se jibdew l-istudji, Michael Grech, il-president tal-GBC qalilna li sa ma joħorġu l-offerti għall-istudji li jridu jsiru u jibdew il-preparamenti, l-istudju jkun jista’ jibda minn Settembru tal-2016. Dan ifisser li jridu jgħaddu sentejn u suppost il-mina titlesta fl-2021. Iżda meta tkellem ix-shadow minister għal Għawdex tal-Oppożizzjoni Chris Said, qal li bħala Partit Nazzjonalista jaqbel mija fil-mija li għandha ssir il-mina għax kienu huma li ħarġu bl-idea tliet snin ilu, iżda qal li jinsabu inkwetati li din biex titlesta jridu jgħaddu żewġ elezzjonijiet oħra (jiġifieri madwar 10 snin). Qal li din hi soluzzjoni tat-tul, iżda sadattant, l-Għawdxi għandu bżonn li jkollu hemm soluzzjoni aktar malajr b’aċċessibilità aktar veloċi bħal dik tal-fast ferry u tal-fixed link li l-Gvern tal-mument jidher li mhux qed juri iżjed interess fihom.

L-istħarriġ tal-GTA ma jreġix

Mistoqsi dwar l-istħarriġ li sar mill-Gozo Tourism Association dwar il-fatt li l-maġġoranza tal-lukandiera ma jabqlux mal-mina, Michael Grech qal li lukandi f’Għawdex hemm biss nofs tużżana, u dawn mhux vera ġew mistoqsija kollha jaqblux jew le. Grech, li jirrapreżenta lill-komunità tal-kummerċ f’Għawdex, qal li biex tara jriduhiex jew le ma tistaqsix lill-managers tal-lukandi iżda lill-proprjetarji u dawn fil-maġġoranza qalulu li jaqblu mal-mina.

L-Għawdxi lest li jiffinanzja l-mina li minnha tgawdi wkoll Malta

Gordon Cordina qal li din il-mina se tagħmel qligħ ta’ aktar minn 5% u hi sostenibbli biżżejjed li l-privat jaqbillu jidħol għaliha, kif fil-fatt se jsir. Meta ġie mistoqsi dwar in-nollijiet mill-ILLUM Cordina qal li, “M’hemmx bżonn ta’ bidla fin-nollijiet.” Iżda  l-ILLUM kompliet tistaqsi u sirna nafu li n-noll se jkun ta’ €10 kull vettura li titħallas meta wieħed ikun sejjer lejn Għawdex. U jitħallas darba waħda biex tidħol Għawdex. Sirna nafu li l-fatt li ekonomikament dan il-proġett hu sostenibbli, qed juru interess fih tliet konsorzji Għawdxin fost oħrajn. Jekk xi konsorzju Għawdxi jirbaħ l-offerta jkun ifisser li l-Għawdxi stess ikun qed jiffinanzja proġett kbir li mhux biss jagħti spinta lill-eknomija Għawdxija iżda wkoll dik Maltija.

 

 

More in G?awdex