Sarah Clare Saliba: Iż-Żeffiena li ntroduċiet il-ġinnastika f’Għawdex

THE JOURNEY – Il-Ħolma ta’ Sarah Clare: Waslet biex twettaq l-akbar ħolma tagħha li ttella’ xow ta’ żfin b’100 żeffien

Sarah Clare Saliba hi tfajla ta’ 26 sena min-Nadur, u hi għalliema tal-PE fejn tispeċjalizza fiż-żfin u ġinnastika fl-iskejjel primarji tal-Gvern f’Għawdex. Sarah Clare minn meta kienet ċkejkna, kellha ħolma li ż-żfin tagħmlu bħala karriera, u barra li ssir żeffiena professjonali, issir ukoll għalliema. Ħolma, li anke jekk missierha stess qatt ma kien jemmen li tista’ ssir, irnexxielha tagħmilha.

“Missieri qatt ma kien jemmen li biż-żfin stajt nagħmel karriera. Iżda llum li jaf li wasalt fejn xtaqt, kuntent bija u jgħinni ħafna.” Minkejja dan, persuna li mbuttatha ferm, hi ommha Emily, li kull fejn tkun Sarah Clare, tara lil Emily li hi, “l-akbar kritika tiegħi iżda l-akbar supporter tiegħi,” qaltli Sarah Clare.

Iżda l-familja ta’ Sarah huma kollha involuti fi-żfin jew ġinnastika. Ommha spiċċat għamlet kors u saret kowċ tal-ġinnastika fejn illum tagħmel parti mill-Gozo Gymnastic Club, flimkien maż-żewġ uliedha, Sarah Clare u Deborah, b’Sarah Clare hi l-headcoach. Oħtha Deborah hi wkoll kowċ u tgħinnha ħafna wkoll fil-kumpanija taż-żfin tagħha, ‘The Turning Point Dance Theatre’.

Meta kellha 3 snin, Sarah Clare kellha xi kuġini jiżfnu l-ballet u meta kienet tarahom jiżfnu d-dar, kienet tipprova timitahom. Ommha hemmhekk indunat li t-tifla mħajra titgħallem il-ballet u ħaditha l-istudio tan-Nadur School of Drama. “Bdejt niżfen meta kelli 3 snin u għadni niżfen sal-ġurnata tal-lum, 23 sena sħaħ. Nemmen li l-ballet hu s-sugu ta’ kollox u bis-saħħa tiegħu, irnexxejt ukoll fil-ġinnastika. Il-ballet tani l-kunfidenza u bnieli l-karattru li għandi llum, u l-ġinnastika tatni l-flessibbilità, koordinazzjoni, aġilità u bilanċ li huma l-‘motor skills’ tiegħek. Permezz taż-żfin tgħallimt nikkomunika u neħħejt is-self esteem baxx.”

Ta’ 11-il sena bdiet titgħallem ukoll iż-żfin modern, u llum hi għalliema reġistrata tal-ballet mar-Royal Academy of Dance u anke kwalifikata fiż-żfin modern, jazz u l-acrobatics li jagħmilha l-unika waħda kwalifikata f’Għawdex u aktarx anke f’Malta.

Ommha jidher li kienet l-ixprun tal-karriera tagħha. Emily li kienet żeffiena tal-ballroom, kienet ħajritha biex jibdew jgħallmu l-ġinnastika fi Skola Sport, u maż-żmien qalbu professjonali fejn bdew jgħallmu dan l-Isport madwar Għawdex, u kienet hi flimkien ma’ ommha u oħtha li introduċew il-ġinnastika f’Għawdex. Illum, waslu żewġ ġinnasti tagħha biex jikkompetu b’mod internazzjonali, fosthom Joanne Vella li kienet waħda mill-finalisti tal-European Eurovision Young Dancers u Daphne Marie Cassar fil-ġinnastika.

Sarah Clare ukoll irrapreżentat lil pajjiżna fit-Teamgym mal-Gymstars fiż-żfin u ġinnastika, fl-2008 fi Newcastle, u fil-Kampjonati Ewropej f’Ghent il-Belġju. Din it-tfajla Għawdxija fejn jidħol żfin m’hemmx tregwa, fil-fatt tgħallem u titħarreġ madwar 6 sigħat kuljum, għalhekk staqsejtha jekk l-għarus tagħha jgergirx. Qaltli li Justin hu persuna solidali ħafna magħha, anke jekk fil-bidu dam ma dara l-istil ta’ ħajja tagħha, “ġieli niltaqgħu f’xil-11 ta’ bil-lejl u nibdew naraw film u norqod wara l-ewwel kwarta.” Tlabtha tgħidli jekk meta tmur xi club tintefax fuq id-dancefloor u turi x’taf fiż-żfin. Tbissmet u wieġbet, “Ġieli morna disco u rqadt bit-tazza f’idi għax inkun għajjiena. Iżda jien fuq id-dancefloor nistħi, u biex niżfen irrid nieħu xi drink. Imbagħad nitla fuq palk u insib lili nnifsi u nintilef. Għax il-ballet, barra li nqisu bħala karriera, hu passjoni. Ngħejja fiżikament iżda jgħini nikkonċentra mentalment.”

F’Għawdex, hemm mentalità li l-ballet jitgħallmuh biss il-bniet, “hi mentalità ħażina. Iżda hu minnu li f’ħames snin, kelli biss 3 subien fil-klassijiet tiegħi, fejn wieħed spiċċa l-Ingilterra u ħa scholarship fiż-żfin, ieħor waqaf, u ieħor kien ġie bullied għax kien jiżfen il-ballet. Anke fil-ġinnastika, l-istess. Hemm ġenituri li ma jħalluhomx jagħmlu l-ġinnastika, għax jgħidulhom li dak sports tal-bniet.” Fil-fatt, bħalissa għandha madwar 50 studenta tal-ballet u madwar 60 studenta fil-ġinnastika u kollha bniet.

Sarah Clare qalet ukoll li llum hawn ħafna iżjed opportunitajiet għal min irid jagħmel il-ballet bħala karriera u anke biex jikkompeti, għalkemm hi qalet ukoll li hemm żewġ persuni li ma tistax ma ssemihomx li wassluha safejn waslet, li huma Allison White u Mary Jane Bellia.

Sarah Clare qalet ukoll li f’Għawdex m’hemmx fejn jittrenjaw sew, “hemm nuqqas ta’ spazju u nuqqas ta’ apparat li jagħmluha impossibli għal diversi atleti b’potenzjal kbir, biex jaslu sa ċertu livell. Hi ħasra kbira għax hawn kowċis kwalifikati, u atleti li jixtiequ, iżda mhux attrezzati bħal Malta.”

 

THE JOURNEY – Il-Ħolma ta’ Sarah Clare

 

  • Waslet biex twettaq l-akbar ħolma tagħha li ttella’ xow ta’ żfin b’100 żeffien

 

Nhar is-Sibt 19 ta’ Diċembru, Sarah Clare se twettaq l-akbar ħolma li qatt kellha, li ttella xow kbir b’korijografija tagħha megħjuna minn żeffien Franċiż Donatien Ravet u 100 żeffiena li ġejjin miż-żewġ kumpaniji tagħha, sew taż-żfin kif ukoll tal-ġinnastika.

“Ilni noħlom b’dan mill-bidu tal-karriera taż-żfin fejn ħdimt biex noħloq koreografiji minn 15-il pajjiż differenti. Niftakar li l-ħolma tiegħi kienet bdiet meta kont rajt reklam tal-għaġin Taljan li fiha kien hemm il-mużika tat-tarantella Naplitana u kont għidt lil ommi li din xi darba ridt niżfinha. Fil-fatt irnexxieli niżfinha fil-festival tal-folklor fil-Qala, u issa magħha żidt korjografiji oħra minn diversi pajjiżi u se ntellgħu xow fit-Teatru Astra. Wirja ta’ żfin, xenarju u mużika minn 15-il pajjiż differenti f’serata waħda.”

Interessanti l-messaġġ li tixtieq twassal Sarah Clare f’dan l-ispettaklu, “Aħna nistgħu nkunu differenti minn xulxin, nitkellmu lingwi differenti, għandna użanzi u drawwiet differenti, forsi wkoll twemmin differenti, iżda għall-inqas għal darba, aħna se ninsew dawn id-differenzi u dak li jifridna u ningħaqdu flimkien bħala villaġġ globali tal-ispettaklu. Aħna se nfittxu li nitkellmu l-lingwa moħbija tar-ruħ, il-lingwa li tinftiehem minn kulħadd, biex nikkomunikaw l-imħabba u l-paċi. Il-vjaġġ se jieħdok miegħu permezz ta' parata bla waqfien ta' moviment, kuluri, mużika tradizzjonali u postijiet eżotiċi.”

Id-direttriċi u korijografa tal-ispettaklu, Sarah Clare għażlet dawn il-pajjiżi partikolari sabiex tenfasizza d-diversità tal-kulturi involuti permezz ta’ kostumi sbieħ, u l-mużika u movimenti eċitanti minn dawn il-pajjiżi differenti. Qaltilna wkoll li dan l-ispettaklu swielha ħafna u ħafna flus, “u żgur li mhux se nġib l-ispejjeż, forsi ndaħħal xi ħaġa li naqta mill-ispejjeż.” Filwaqt li qaltli li l-kostumi ġew maħduma minn ommha u xi ħajjata oħra.

Dan il-vjaġġ maġiku se jibda u jispiċċa fil-gżejjer għeżież tagħna ta' Malta u Għawdex, u huwa turija ta’ kif nistgħu nużaw it-talenti tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna biex nuru li ż-żfin huwa verament forma ta' arti, u espressjoni li tista’ titwassal fl-iktar postijiet ’il bogħod tad-dinja permezz tat-tradizzjonijiet tagħna stess.

L-ispettaklu se jospita liż-żeffien ewlieni tal-Ballet Donatien Ravet, u se jkun hemm kummentarju ħaj mill-eks attur tas-serje Dr Who, Valentine Palmer. L-ispettaklu se jsir fit-Teatru Astra, r-Rabat Għawdex, nhar is-Sibt 19 ta’ Diċembru, 2015 u jibda fis-7:30pm. Biljetti jinkisbu mill-Bar tal-Astra u mill-uffiċċju tal-lottu fir-Rabat, inkella wieħed jista’ jċempel 99874533.

Il-prezzijiet huma

€15.00 – Auditorium, €12.00 – Balcony, €20.00 – Boxes, studenti bil-card tal-istudenti €10

 

Qabel ħallejna lil xulxin qaltli li il-ħolm tagħha ma jispiċċax hawn u qaltli li l-ewwel ħolma hi li timla l-Astra, imbagħad li ttella l-ispettaklu f’Malta. Qaltli wkoll li tixtieq ukoll tagħmel ringrazzjament speċjali lil ħuha Max li ħadilha ħsieb il-disinji grafiċi kollha li kellha bżonn.

 

More in G?awdex