Santa Luċija: Ir-raħal fejn iż-żmien jieqaf
Probabbli l-ewwel post abitat fil-gżejjer Maltin
Skont l-istoriku Joseph Bezzina, Malta u Għawdex tfaċċaw mill-baħar madwar 15-il miljun sena ilu. Dak iż-żmien din l-art kienet estensjoni fuq in-naħa t’isfel tal-massa kontinentali tal-Ewro-Ażja. Madwar 15-il elf sena ilu, l-art li kienet tgħaqqad lill-gżejjer Maltin man-naħa ta’ fuq tal-Afrika, imbela mill-baħar u l-gżejjer Maltin baqgħu waħedhom f’nofs il-Mediterran. Wara eluf ta’ snin li dawn il-gżejjer ma kinux abitati, grupp ta’ nies minn Sqallija waslu Malta madwar 7,000 sena ilu u kkolonjalizzaw il-gżejjer. F’Malta hu magħruf li l-ewwel abitanti kienu pre-neolitiċi fil-fażi ta’ Għar Dalam. F’Għawdex, fl-istess żminijiet kien hemm l-ewwel abitanti fl-għerien ta’ ‘Il-Mixta’ li jinsabu ħdejn Santa Luċija. Ix-xogħol tal-fuħħar li nstab fil-Mixta juri li kien aktar antik minn dak li nstab f’Għar Dalam, madwar 500 sena qabel, fejn dan iż-żmien hu magħruf bħala l-fażi ta’ Għajn Għabdun. Jekk dan hu minnu, allura Santa Luċija probabbilment kien l-ewwel post abitat fil-gżejjer Maltin.
Dan l-isfond tal-istorja tar-raħal ċkejken ta’ Santa Lucija wassalni biex nagħmel kuntatt ma’ Joseph Mizzi, persuna li dan ir-raħal hu l-mimmi t’għajnejh u hu ferm kburi li hu minn hemm. Iltqajt miegħu fil-pjazza ħelwa quddiem il-knisja medjevali tar-raħal u hemmhekk qattajna ftit ħin nitkellmu dwar ir-raħal, it-tradizzjonijiet, il-festa u l-folklor. Fil-fatt, Joseph u erba’ ħbieb oħra ħolqu bejniethom ‘Fondazzjoni ta’ Klula’ li tieħu ħsieb li l-istorja ta’ dan ir-raħal u t-tradizzjonijiet tiegħu ma jmutu qatt, filwaqt li l-istorja u l-ġmiel tal-madwar jitpoġġew fuq diversi kotba li nħarġu, miktuba mill-istoriku Joseph Bezzina.
Mizzi li għandu 67 sena u qabel irtira kien jaħdem bħala tekniku tat-telefon qalilna li fir-raħal jgħixu 450 persuna u anke jekk ir-raħal jagħmel parti minn Ta’ Kerċem bħala kunsill u parroċċa, huma jqisu lilhom infushom bħala residenti ta’ Santa Luċija u mhux Kerċemiżi. Urieni wkoll it-triq li twassal għal Ta’ Klula li minnu ħareġ l-isem tal-fondazzjoni.
Il-Festa ta’ Santa Luċija
Illum tiġi festeġġjata l-patruna tar-Raħal li jġib l-istess isem, Santa Luċija li hi l-patruna tad-dawl (jiġifieri ta’ dawk li jkollhom problemi fl-għajnejn). Santa Luċija fil-fatt hi qaddisa minn Sirakuża u hi festeġġjata wkoll fir-raħal ċkejken tal-Imtarfa f’Malta. Għalhekk lejlet il-festa jkun hemm il-festival tad-dawl fejn tfajliet lebsin l-abjad jitpoġġewlhom kappell bix-xemgħat fuq rashom. Festival li bħalu jsir biss fl-Iżvezja. Din il-festa li tiġi l-ewwel Ħadd wara l-festa tal-Kunċizzjoni hi magħrufa anke għal mod kif tiġi ċċelebrata fejn il-purċissjoni bl-istatwa tkun segwita mill-poplu kollu tar-raħal. Bil-banda Leone tar-Rabat iddoqq marċ, u bejn marċ u ieħor tingħad posta tar-rużarju. Din il-purċissjoni issa ilha ssir 25 sena. Sadanittant ikun hemm il-marċi popolari, il-Ġimgħa, s-Sibt u l-Ħadd u anke jkun hemm ħafna logħob tan-nar. Mistoqsi minn fejn jinġabru l-flus, Joseph Mizzi qalilna li huma ma joħorġux jiġbru iżda jorganizzaw ikliet tradizzjonali b’ikel u inbid Għawdxi li minnhom jinġabru flus li jmorru għall-festa. Stedinni wkoll għal festival kbir tal-inbid li jsir fis-sette Giugno. Bħal-lum, ħafna minn dawk li jbatu b’xi kundizzjoni jew mard f’għajnejhom jagħmlu pellegrinaġġi lejn din il-knisja quddiem il-vara ta’ Santa Luċija.
Il-kappella u l-istatwa ta’ Santa Luċija
Din il-kappella hi medjevali u mibnija fl-1575. Tant kienet mitluqa, li kienu ddesagrawha, iżda fl-1598 reġgħet bdiet tintuża bħala knisja u xi bdiewa li kienu jgħixu fil-viċin, raw kif għamlu biex reġgħu bnewha. Fl-1770 twaqqgħet u nbniet kollha mill-ġdid u tkabbret fis-seklu 20 u ġiet konsagrata fl-1952. Kampnar b’erba’ qniepen isebbaħ lil din il-kappella fejn fil-5 ta’ Diċembru 1948 erba’ qniepen mingħand id-dittà John Taylor tal-Ingilterra tpoġġew f’dan il-kampnar li swew €1,888.47. Il-koppla minn ġewwa hi interessanti ferm għax il-pittura hi waħda moderna impittra mill-artist Austin Camilleri li pittirha biex jiżżewweġ taħtha. Is-suġġett hu forma ta’ tromba (vortex) tar-riħ li qed tiġbed l-erwieħ tajba lejn is-sema fil-ġudizzju universali. Il-mudelli ta’ dawn l-erwieħ twajba huma meħuda minn residenti tal-villaġġ u wieħed jista’ jara ħwejjiġhom miġbuda mid-dinja biex juri li huma nqatgħu mill-materjaliżmu tad-dinja.
L-istatwa ta’ Santa Luċija mhix xi waħda antika wisq. Saret fl-1920 wara li emigranti minn Santa Luċija li jgħixu l-Awstralja, kienu wegħdu statwa talli waslu qawwijin u sħaħ, meta kienu ntbagħtu fuq vapur li kien mistenni jgħereq. L-istatwa saret minn Wistin Camilleri u ttieħdet minn Kerċem għal Santa Luċija akkumpanjata mill-Banda Leone fit-12 ta’ Diċembru 1920. Ta’ min ikun jaf li din il-festa swiet €9.57, imqassmin hekk; Banda €3.32, drinks għall-bandisti €0.29, trikki trakki €1.49 u dwal €4.47.
Ir-raħal ta’ bla ħwienet
Ir-raħal ċkejken ta’ Santa Luċija baqa’ mwaħħal fil-passat u meta wieħed iżuru, jħoss li jinsab f’dinja oħra, dinja trankwilla u dinja li waqfet tevolvi. Innutajt li f’dan ir-raħal ċkejken ma rajtx ħanut wieħed. Kien hemm miftuħ biss iċ-ċentru tar-raħal li fih hemm bar ċkejken. Tlabt lil Joseph Mizzi jgħidli minn fejn jagħmlu x-xiri tagħhom tal-ġurnata? “L-anzjani ta’ hawn u anke familji oħra ftit jew xejn imorru jixtru minn supermarkets, għax hawnhekk hawn drawwa li jiġu l-vannijiet tal-merċa, tal-laħam, ħobż, frott, ħaxix u tal-ħut u jbigħu bieb bieb. Kien hawn persuna li fetaħ mini market u kellu jagħlaq għax ma setax jikkompeti mal-vannijiet. Ħafna anzjani jħallu l-ordni fil-basktijiet barra l-bieb u bil-flus u kif jiġi tal-vann iħallilhom dak li jridu.
Ta’ min isemmi wkoll li dan ir-raħal fl-2007/2008 kien magħżul bħala l-European Destination of Excellence
Fatti kurjużi
- M’hemmx ħanut wieħed fir-raħal u kulħadd jixtri mingħand tal-vann...anke l-laħam
- Meta waslet l-istatwa titulari, il-festa swiet inqas minn €10, fl-1920
- Fir-raħal jgħixu 450 persuna u kważi kollha jakkumpanjaw lil Santa Luċija fil-purċissjoni
- Jingħad li l-ewwel abitanti fil-gżejjer Maltin kienu f’Santa Luċija, 500 sena qabel ġew Malta
- Fl-1948, 4 qniepen swew €1,888
- It-triq tal-pellegrini: mir-Rabat għal Santa Luċija fejn kien hemm seba’ kappelli, li mhux kollha salvaw mill-qilla tal-maltemp
- Austin Camilleri pinġa l-koppla minn ġewwa u żżewweġ taħtha
- Għalkemm jaqgħu taħt il-kunsill ta’ Kerċem u l-parroċċa ta’ Kerċem, il-Luċjani ma jaċċettawx li huma parti minn Kerċem
Leġġendi mdawrin mar-raħal ta’ Santa Luċija
- Għajn Għabdun: Għabdun kien korsar Għarbi li ddeċieda li jmur ifittex l-ilma qrib Santa Luċija. Sħabu fuq il-vapur ħarbu meta kienu se jiġu attakkati. Dan inqabad u ġie marbut u mitfugħ f’dan l-għar biex imut bil-ġuħ. Iżda beda jħaffer b’idejh u b’biċċa fuħħar sa ma ħarġet nixxiegħa tal-ilma li tant xorob minnha li miet. Il-post ġie msemmi għalih
- L-Għadira ta’ Sarraflu: Taħt ir-raħal hemm għadira naturali li ngħatat l-isem lil wieħed mis-seba’ serafini. Hemmhekk kienu jaħslu l-ħwejjeġ in-nies tal-lokal. Tliet tfajliet marru jaħslu l-ħwejjeġ u marru l-korsari, ħatfuhom u ħaduhom fuq il-vapuri tagħhom.
- Il-Kappella fuq ta’ Dbieġi: Fil-quċċata Ta’ Dbieġi hemm kappella li warajha hemm leġġenda li mijiet ta’ snin ilu kien hemm kaptan Franċiż li ntilef bil-vapur tiegħu u waqt li kienu qed jitolbu lill-Madonna raw għolja u mxew lejha u sabu port fil-gżira ta’ Għawdex. Hu ta somma flus biex tinbena kappella, u fis-seklu sbatax, din il-kappella ġġarrfet wara maltempata u għadha mġarrfa sal-lum.
- Il-miraklu ta’ Għar Ilma: Armel kien jgħix hawnhekk maż-żewġ uliedu, li marru jfittxu fortuna fi Sqallija, u hu spiċċa tħalla waħdu. Lejl minnhom sema’ taħbita mal-bieb b’vuċi titolbu biex tagħtih kenn. Raġel li ma kellux x’jiekol u mar jisraq xi dulliegħ qabduh iżda ħarbilhom. Dan l-armel ħbieħ f’daru u l-ieħor pattilu billi kien jgħinu fix-xogħol tar-raba’. Kien iddeċieda li jħaffer bir għall-ilma tax-xita iżda minflok, skopra Għar Ilma, għar b’nixxiegħa ilma ma tieqaf qatt u l-art tiegħu baqgħet dejjem ħadra u seta’ jgħix tajjeb għomru sħiħ.
- In-niċċa li ħelsithom mill-Kolera: Fl-1837 il-kolera laqtet 753 persuna f’Għawdex, minnhom mietu 346. Santa Luċija kellhom biss mewta waħda, dik ta’ Anġlu Pace minn Għar Ilma. In-nies ta’ Santa Luċija kienu għamlu speċi ta’ niċċa tal-Madonna li skont huma salvathom mill-qilla tal-kolera.
L-informazzjoni ġiet mgħoddija lilna minn Joseph Mizzi u t-tagħrif storiku hu meħud min kitba tal-istoriku ta’ Joseph Bezzina.