'Għawdex jista' jibbenefika minn ekonomija diġitali b'saħħitha'
Alfred Sant f'laqgħa mal-Grupp Universitarju Għawdxi
L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant qal lill-Kunsill tal-‘Grupp Universitarju Għawdxi (GUG) li Għawdex jista’ jibbenefika minn ekonomija diġitali b’saħħitha.
Sant, li ltaqa’ mal-Kunsill tal-GUG fir-Rabat Għawdex, irrefera għall-importanza li l-UE ssaħħaħ l-ekonomija diġitali. Huwa enfasizza li jekk Għawdex jista’ jibbenefika minn dan, il-konnessjonijiet tat-telekomunikazzjoni tal-gżira mal-kumplament tad-dinja jkunu ‘state of the art’. Dan jgħin biex inaqqas l-insularità doppja u jservi ta’ ħolqa li tgħaqqad b’mod effettiv lil Għawdex ma’ Malta u mad-dinja kollha.
Intrapriżi ġodda, żgħar u kbar, fil-qasam tal-kontabilita`, servizzi finanzjarji, ‘gaming’, ‘data processing’ u oqsma relatati jkunu jistgħu jitwaqqfu b’mod aktar faċli. L-Ewroparlamentari Malti indika li l-uffiċċju tiegħu lest jgħin lil GUG permezz ta’ lobbying biex jitwaqqaf il-‘cable’, kif ukoll biex jipprovdi kuntatti u informazzjoni dwar l-istrateġija diġitali tal-UE u l-implikazzjonijiet tagħha għall-ekonomija Għawdxija.
Alfred Sant u l-GUG taw ħarsa lejn ir-riżultati li ħarġu minn survey mmexxi mill-GUG li tnieda fis-seminar organizzat f’Ta’ Ċenċ f’Novembru li għadda, mill-Uffiċċju tal-Ewroparlamentari Malti dwar il-futur ta’ Għawdex. Fil-laqgħa, fost suġġetti oħra, issemmew il-problemi taż-żgħażagħ Għawdxin li qed jistudjaw Malta u n-nuqqas ta’ impjiegi f’Għawdex meta jtemmu l-edukazzjoni tagħhom. Issemma’ ħafna l-bżonn li Għawdex jibbenefika minn installazzjoni ta’ ‘fibre optic cable’ malajr kemm jista’ jkun biex jitjieb l-aċċess tal-gżira għall-internet. GUG kienu
rrappreżentati minn Dennis Muscat, William Vella, Eman Borg, Loradini Pisani u Maria Dimech.