Rekord assolut ta' passiġġiera u karozzi lejn Għawdex
10,500 passiġġier u 2,500 karozza f'ġurnata waħda biss
Il-perjodu tal-festi tal-Milied kien wieħed tajjeb għas-settur turistiku Għawdxi. Ħafna mir-ristoranti Għawdxin fid-diversi lokalitajiet madwar Għawdex irrappurtaw xogħol tajjeb, fil-ġranet ta’ qabel il-Milied, f’nhar il-Milied u, aktar minn hekk, fi tmiem il-ġimgħa li nzerta eżatt wara l-ġurnata tal-Milied.
Dan il-fatt pożittiv kien korraborat minn statistika tal-Gozo Channel. Jirriżulta li fi tmiem il-ġimgħa li għadda—fis-26 u fis-27 ta’ Diċembru—qasmu eluf ta’ Maltin lejn Għawdex. Miċ-ċifri tal-Gozo Channel, jirriżulta li s-Sibt biss qasmu lejn Għawdex aktar minn 10,500 passiġġier u 2,500 karozza. Din ix-xejra kompliet il-Ħadd fejn b’kollox vjaġġaw 10,700 passiġier u 2,300 karozza; dan ifisser li meta mqabbel mas-sena l-oħra, f’dan l-istess perjodu, din is-sena kien hemm żieda ta’ aktar minn 81% fuq il-passiġġieri li telgħu Għawdex, u aktar minn 65% aktar fl-ammont ta’ karozzi li qasmu bejn iż-żewġ gżejjer. Dan l-influss ta’ turisti Maltin għen ħafna sabiex id-diversi stabbilimenti turistiċi Għawdxin kellhom xogħol tajjeb.
L-Assoċjazzjoni Maltija tat-Turiżmu, l-MTA, tikkonferma li s-settur tal-akkommodazzjoni, speċjalment fil-lukandi Għawdxin, irreġistra riżultati tajbin ħafna għal dan il-perjodu tas-sena, li normalment ikun relattivament żmien kwiet ħafna.
Dan iċ-ċaqliq qawwi ta’ Maltin lejn Għawdex kien dovut għal diversi fatturi, fosthom id-diversi attivitajiet marbuta mal-Milied miġbura taħt il-programm “Milied f’Għawdex”. Fost id-diversi attivitajiet li ġibdu dan it-turiżmu intern lejn Għawdex kien hemm Betlehem f’Għajnsielem, il-presepju oriġinali Suq u Mexxi, diversi presepji ħajjin oħra fin-Nadur u fix-Xagħra, kunċerti mużikali, korali tal-Milied, u numru impressjonanti ta’ presepji għall-wiri madwar Għawdex kollu.
Dan l-andament pożittiv juri kemm il-ħidma tal-Minsiteru għal Għawdex qed tħalli l-frott mixtieq. Il-mira tal-Ministeru għal Għawdex hi li Għawdex ikun il-mutur li jixpruna l-ekonomija, kif ukoll li Għawdex ikun ħaj matul is-sena kollha. Fi kliem l-istabbilimenti Għawdxin, dan l-andament pożittiv mistenni li jżid matul din il-ġimgħa, u b’mod speċjali għall-aħħar tas-sena u l-weekend ta’ wara. Kollox jindika li kemm l-akkommodazzjoni kif ukoll stabbilimenti tal-ikel se jkollhom negozju tajjeb.
Kollox ma’ kollox, dan huwa perjodu tant mistenni mis-settur turistiku għaliex jiġi fix-xitwa, staġun li normalment ikun l-iktar wieħed diffiċli għas-suq turistiku.