Saviour Grech: Joħloq arti billi jaħraq fuq l-injam

Fuq kull biċċa xogħol irid idaħħal naqra kulur

Ingħata l-isem ta’ Saviour 54 sena ilu, iżda magħruf bħala Salvu mal-kollegi tiegħu tal-Gozo Sports Board. Salvu li hu minn Ta’ Sannat iżda jgħix ma’ martu Anna fil-Fontana hu missier ta’ Laura, Jeanette u Josianne u nannu ta’ Julia li għadha kif għalqet sena.

Kif wieħed jista’ jara, hu mdawwar bin-nisa u forsi dan il-fatt ħajru biex kuljum jinqata’ madwar tliet sigħat waħdu joħloq arti mill-isbaħ, dik imsejħa il-pirografija, l-arti li tinħaraq fuq l-injam, affarijiet tal-ġilda u anke karta partikolari. Iżda Salvu jaħraq fuq l-injam biss.

Din il-ħajra ġietu 8 snin ilu meta ħabib tiegħu, għalliem tal-arti kien ħajru u Salvu mill-ewwel iddeċieda li xi darba joħloq arloġġ tipiku bil-‘pyrography’.

“Qatt ma qist lili nnifsi bħala artist iżda din it-tip ta’ arti laqtitni bl-ewwel xogħol tiegħi tkun figura billi pinġejtha bil-lapes u wara ħraqtha bi speċi ta’ saldatur professjonali.”

Salvu qal li jrid ikollok paċenzja kbira biex tagħmel dan, tant li biċċa xogħol ta’ madwar 50x50 ċentimetru teħodlu madwar xahar sħiħ u jaħdem fuqha sagħtejn jew aktar kuljum. Iżda l-ħolma tiegħu tal-arloġġ, dam sentejn biex iwettaqha u jirnexxilu jagħmel l-ewwel wieħed. “Ħadli 6 ġimgħat biex lestejtu. Użajt il-wiċċ tal-arloġġ fuq l-istil tal-arloġġ Malti, iżda taħt pinġejt dejjem xi ħaġa partikolari u oriġinali.”

Wara li rajt ix-xogħol tiegħu staqsejtu jekk hux pittur minħabba li dak li ħoloq kien hemm sens ta’ pittura. Salvu qalli li s-sistema tiegħu hi jagħmel ‘tracing’, u jibda jaħraq. “Però, xorta nħoss li rrid nagħmel xi ħaġa oriġinali, fil-fatt f’ħafna mix-xogħol tiegħi ndaħħal kulur wieħed, bħal pereżempju nagħmel tieqa ħamra f’pittura sħiħa. Mhux suppost li fit-pirografija tuża kulur iżda jien inħobb nagħmilha.”

U sal-lum, Salvu mhux arloġġ wieħed għamel iżda 8 arloġġi u madwar 40 biċċa ta’ arti oħra fi tmien snin. Staqsejtu jekk jirnexxilux ibigħhom, u qalli li hu ma jiħux gost ibigħhom, “għax toħroġ qalbi magħhom.” Iżda biegħ waħda lis-sindku t’Għajnsielem bl-għajn tal-ħasselin, u oħra lil persuna privata li riedha biex jagħtiha rigal lil missieru għax kien hemm impinġi l-ħanut antik li kellu missieru.

“Il-ħolma tiegħi hi li nagħmel wirja tax-xogħol kollu tiegħi. U wara forsi nibda nbigħ minnhom,” qalli Salvu li fil-fatt iqassam ħafna mix-xogħol tiegħu bħala parti mir-rigali meta jkun mistieden xi tieġ tal-familja. “Meta nagħtihom biċċa xogħol tiegħi nħoss li nkun qed nagħtihom tifkira tiegħi li tibqa’ għandhom.” Salvu għamel arloġġ u nkwatru kbir li għaddieh biex jinġabru flus lil Puttinu Cares, fejn l-arloġġ ġabar ’il fuq minn €1,200.

Xi ħaġa partikolari li jagħti Salvu għal żmien il-Milied hi l-omm u t-tarbija mnaqqxa fuq biċċa zokk taż-żebbuġa li jagħtiha lill-ħbieb tal-qalb tiegħu u kull sena jagħmilha differenti u jkabbarha wkoll. Jibda jaħseb għaliha minn tliet xhur qabel il-Milied.

Mistoqsi jekk iqisx ruħu bħala artist, Salvu temm, “ejja ngħidu artist li għadni qed nitgħallem.”

 

 

More in G?awdex