Nifs ġdid għaċ-Ċittadella

artiklu dwar id-dehra ġdida li ngħatat liċ-ċittadella mill-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo

Għalkemm għadha mhix lesta għal kollox mix-xogħlijiet kbar li saru f’dawn l-aħħar sentejn, iċ-Ċittadella t’Għawdex bdiet tieħu n-nifs ġdid; nifs li issa ilna nistennew għal għexieren ta’ snin u li ċ-Cittadella qatt ma setgħet tieħu minħabba nuqqas ta’ riżorsi u finanzi meħtieġa biex setgħu isiru dawn ix-xogħlijiet.

 

Forsi min qed iħares biss lejn iċ-Ċittadella minn Pjazza t-Tokk jindubja bis-sħiħ u jistaqsi b’ironija x’nifs ġdid jista’ jkun dan. Dan għaliex wieħed għadu jilmaħ inġenji kbar tal-bini li għal tul ta’ ħin jostakolaw l-aċċess peress li x-xogħol bħalissa huwa kkonċentrat mis-swar ’il barra. Dawk il-ħafna turisti li x-xogħol mhuwiex jaqtagħlhom qalbhom, qegħdin japprezzaw u jirrimarkaw tant tajjeb dwar l-istat taċ-Ċittadella min-naħa ta’ ġewwa.

 

Dawk kollha li xi darba jew oħra telgħu fiċ-Ċittadella jafu f’liema stat kienu t-toroq, bil-ħitan dejjem ifarfru, art perikoluża, bini nieżel u veġetazzjoni bla kontroll ma’ kullimkien. Illum il-folja nqalbet. It-toroq ġew imwittija biex il-viżitatur, imqar jekk b’pushchair, ma jsibx tarġa ma’ kull żewġ passi. Issa li l-Gvern esproprja l-art u rranġa l-ħitan, it-toroq ħadu sura u ċ-Ċittadella reġa’ għandha l-karattru ta’ belt fortifikata, mhux ta’ fdalijiet mitluqa.

 

Meta ngħidu ‘nifs ġdid’ għaċ-Ċittadella nfissru li dan is-sit irridu nerġgħu niskopruh u niskoprulu l-valur veru tiegħu. Il-valur storiku kellna ħjiel tiegħu u issa bl-iskoperti arkeoloġiċi li sibna max-xogħol dan għad irid ikompli jogħla. Il-pass li jmiss huwa li nibdew nistudjawhom bir-reqqa. Iżda apparti l-valur storiku, moħmi fil-passat, in-nifs ġdid għaċ-Ċittadella jrid isaħħaħ il-valur soċjali u kulturali għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.

 

Irridu naraw li ċ-Ċittadella, illum u għada, tkun kapaċi tilqa’ fiha lit-turist barrani, lit-turist Malti, u liċ-ċittadin Għawdxi. L-ewwel sfida hija l-aċċessibilità. Għaliex? Għax iċ-Ċittadella hija proprju mibnija fil-għoli, bi tlajja’ u turġien kull fejn tħares biex ma tkunx aċċessibbli għall-għadu. B’daqshekk iżda ma jfissirx li m’għandniex nagħmlu l-almu kollu tagħna. Għalhekk bdejna minn barra nett: żewġ liftijiet biex minn nofs it-Telgħa tal-Belt, sal-bieb taċ-Ċittadella wieħed jista’ prattikament jevita kull tarġa. Ġewwa fil-pjazza prinċipali, apparti t-telgħa li nbniet mat-taraġ tal-Katidral għal vetturi ta’ emerġenza u ġenituri b’pushchairs, applikajna biex jitqiegħed lift pubbliku mill-pjazza sal-ewwel sular tal-Qorti. Dan jiftaħ fil-Qorti fil-ħinijiet tal-ftuħ, u jiftaħ ukoll bla limitu ta’ ħin fil-parapett tal-Qorti biex anki t-toroq ta’ fuq taċ-Ċittadella jkunu aċċessibbli. Twaħħlu wkoll żewġ stairlifts ħdejn il-mużew tal-Arkeoloġija u ħdejn l-Awla Kapitulari u vertical platform fuq id-demibastjun ta’ San Martin. Qatt daqs din id-darba ma nistgħu ngħidu li se jkollna Ċittadella aċċessibbli, anki jekk din tibqa’ mqaċċta ’l fuq kif dejjem kienet maħsuba bħala belt fortifikata tal-Għawdxin.

 

Żgur li ftit, jew kważi ħadd, ma kien għadu jaf b’aċċess ieħor għaċ-Ċittadella. It-tindif u r-riġenerazzjoni tal-foss fi ġnien għall-familja ta użu mill-ġdid lil taraġ mibni fil-ħitan tas-swar. Hekk, mill-inħawi ta’ wara s-sur, in-nies tista’ litteralment tasal fil-qalba taċ-Ċittadella minn ġol-foss, bla xkiel ta’ traffiku u b’mod ħafna aktar faċli. Ir-riġenerazzjoni tal-foss tat spazju ieħor pubbliku lill-Għawdxin kollha, speċjalment lir-residenti tar-Rabat, u permezz tiegħu, iċ-Ċittadella ċkejkna li konna nafu kibret notevolment. Mal-foss, wieħed għad irid jitkellem dwar iċ-Ċentru tal-Viżitaturi li qed jiġi ntegrat fil-ġibjun ta’ żmien l-Ingliżi. Dan iċ-ċentru għandu jkun id-daħla naturali għat-turist li jixtieq jitgħallem dwar dak li ġie misjub reċentament fiċ-Ċittadella, xi ħaġa li frankament kull Malti u Għawdxi stess għandu jagħmel, għaliex dak li sibna u dak li għad irridu nsiru nafu, se joħroġ mal-analiżi tas-sejbiet arkeoloġiċi.

 

Fuq ġewwa, fiċ-Ċittadella, ħafna xogħol jinsab fi stadju avvanzat. L-emfasi bħalissa hija fuq in-naħa ta’ barra, sew għaliex dan qed jaffettwa l-aċċess għal dan is-sit storiku u sew għax fuq barra jistħoqlu attenzjoni partikolari. Iċ-Ċittadella mhix biss mis-swar ’il ġewwa. S’issa dejjem tajnieha valur għal dak li hemm ġewwa u għall-veduta li nistgħu ngawdu minn fuqha, imma bis-swar restawrati u bit-triq ġdida maqlugħa minn mas-swar fuq barra għandna storja differenti. Fuq barra għandna post fejn wieħed jista’ jieqaf japprezza din l-arkitettura militari mill-isbaħ. M’għandniex aktar sempliċi triq tat-traffiku, imma spazju pubbliku mnejn tibda l-esperjenza ta’ kull min iżur iċ-Ċittadella. Għalhekk jixraq ukoll li dan il-post ikollu l-valur estetiku tiegħu, li la jikkompeti u anqas jagħmel nuqqas ta’ ġustizzja mal-fortifikazzjoni. Id-daħla, jew it-telgħa taċ-Ċittadella, issa se tkompli timmarka l-importanza tas-sit bil-mafkar f’ġieħ il-vittmi tal-Assedju t’Għawdex.

 

Ma’ din il-parti jintrabat ukoll l-aċċess għat-traffiku. Ħafna attivitajiet fiċ-Ċittadella, sew reliġjużi, u sew kulturali jiġbru u jerħu volum ta’ traffiku qawwi f’daqqa waħda li ħafna drabi kien qed jikkawża konġestjoni kbira fi Pjazza Indipendenza (it-Tokk). Din il-problema għandha tiġi mmitigata bil-permess li hemm għall-approvazzjoni tal-MEPA għall-bini ta’ parkeġġ fi proprjetà tal-Katidral fi Triq il-Kastell, magħrufa bħala l-Ħaġġarija. Dan il-parkeġġ joħloq triq fuq wara li tiżbokka fi Triq Sant’Ursola u hekk it-traffiku għaċ-Ċittadella jkollu fetħa oħra mnejn joħroġ. Fl-istess waqt, il-vetturi jipparkjaw fil-magħluq u l-pubbliku jasal b’lift ieħor u pont sa taħt id-Demibastjun ta’ San Martin. Hekk jiġi evitat il-periklu għall-viżitaturi u l-post ma jiġix imtappan bi traffiku qawwi.

 

Nifs ġdid għal post antik bħaċ-Ċittadella qatt mhu faċli. Il-pjanti nbidlu ħafna drabi skont is-sejbiet, li ma kinux ftit. Mill-2013 ’l hawn inħareġ 21 tender meta qabel l-2013 kien inħareġ wieħed biss li ma ġiex aċċettat għax teknikament ma kienx validu. Affarijiet oħra bħat-tim tekniku għall-konservazzjoni u restawr taċ-Ċittadella huma ppjanati għall-futur qarib.

 

Huwa b’dan il-mod li nipproteġu l-patrimonju li writna mill-passat u nimmaniġjaw is-sit għall-pubbliku preżenti u l-ġenerazzjoni tal-futur. Ninsab fiduċjuż li hemm affarijiet oħra eċitanti x’għad irridu niskopru. Dan għandu jħeġġiġna biex nibdew il-proċess tan-nominazzjoni taċ-Ċittadella għal-lista ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO, wara li din ilha fuq il-lista tentattiva mill-1998. Dan il-proċess jibda b’analiżi komparattiva, u huwa b’hekk biss li waqt li nsalvaw xi ħaġa li qed nirtu mill-passat, nagħtuha nifs ġdid li bih tiġi apprezzata min-nies lokali, barranin u aġenziji internazzjonali.

More in G?awdex