Għawdex ippakkjat: Jaqsmu madwar 30,000
“Fix-Xitwa l-Karnival bżonnjuż għal Għawdex” – Silvio Rapa - Grand Hotel
Fi tmiem din il-ġimgħa l-popolazzjoni fil-gżira ta’ Għawdex tinqasam bejn l-Għawdxin u l-Maltin bin-numru tal-Maltin, jiżboq il-popolazzjoni ta’ Għawdex. Fil-fatt meta tkellimna maċ-chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina qalilna li qed jistennew li jaqsmu minn Malta għal Għawdex madwar 30,000 persuna, fil-maġġoranza tagħhom żgħażagħ, tant li l-vapuri bdew jaħdmu t-tlieta mill-Ħamis li għadda u mill-Ġimgħa bdew jaħdmu ‘shuttle’ jiġifieri jimtlew u jitilqu. Cordina qal li din is-sena qed jistennew li t-turisti Maltin se jqattgħu aktar ġranet f’Għawdex għax l-Erbgħa hija festa pubblika, u hemm min se jagħmel brejk twil f’Għawdex.
Dan l-influss qawwi f’Għawdex jagħmel il-Karnival l-akbar avveniment li jressaq kummerċ lejn Għawdex fix-xhur tax-xitwa, tant li wara li kkuntattjajna diversi lukandi, appartamenti u farmhouses dawn qalu li kienu kollha bbukkjati f’dawn il-jiem. Silvio Rapa, sid lukanda ewlenija fl-Imġarr qalilna li, “l-Karnival hu bżonnjuż ferm għax-xhur tax-xitwa, daqs kemm kien Betlem f’Għajnsielem. Il-lukanda hi mimlija kollha b’60% tal-kmamar meħuda minn żgħażagħ Maltin. Inħallu biss xi żewġ kmamar għal dak li jista’ jinqala’, imma mill-bqija kollox ibbukkjat.” Rapa qalilna wkoll li Jannar kien wieħed qawwi u hu l-aħjar Jannar li ra f’dawn l-aħħar snin. “Kull sena qed inżidu fin-numru avolja l-prezzijiet tal-lukanda dejjem jgħolew. Fil-Karnival il-maġġoranza li jiġu joqogħdu lejl aktar għax jitilqu t-Tnejn fejn is-soltu, il-Maltin jitilqu l-Ħadd filgħodu. Dan ifisser li għall-Karnival inżidu anke fl-iljieli għax normalment jiġu mill-Ġimgħa sat-Tnejn, għalkemm hemm min jiġi mill-Ħamis.”
Tkellimna wkoll ma’ Tony Ellis, sid ta’ grupp ta’ farmhouses, minn medium sa high end. “Kollox mimli, ħlief għal żewġt idjar li nżommuhom għalli jista’ jinqala’ jekk jiġi xi klijent fl-aħħar. Imma għax irridu aħna ma krejnihomx għax telefonati ma waqfu xejn.” Staqsejnih jekk hux normali daż-żminijiet li jkollhom il-farmhouses mimlijin u qalilna li 25% huma barranin tas-soltu, 25% oħra huma mimlija b'nies li Karnival jew le dejjem imorru, u l-50% l-oħra krewhom għax il-Karnival.
Ellis qalilna wkoll li l-ewwel xahar ta’ din is-sena, “konna tajjeb, u konna aħjar mis-sena l-oħra. Fil-fatt kellna 20% aktar mis-sena li għaddiet. Fix-xitwa, il-farmhouses f’Għawdex ibatu, l-aktar dawk li ma jkollhomx heating. Iżda fil-Karnival, kollox jinkera.”