Three Generations Down: Nifs ġdid għall-filmografija lokali

(Araw Filmat) Irreklamaw lil Għawdex fil-ħarifa u mhux bix-xenarji tas-soltu erba’ rkejjen fis-sajf

Yelena Ruvinov, karattru mill-istess produzzjoni interpretata mill-attrici Julia Camilleri
Yelena Ruvinov, karattru mill-istess produzzjoni interpretata mill-attrici Julia Camilleri

Tiskanta kemm issib talent meta tibda tgħarrex fil-gżira ta’ Għawdex. Dan l-aħħar sirt naf li fil-gżira hemm dar tal-produzzjoni ċkejkna bl-isem ta’ Three Generations Down. Dar maħluqa minn artisti żgħażagħ li ħolmu u għadhom joħolmu xi ħaġa aktar mill-espressjoni personali tagħhom fuq din il-gżira mistika, li tħaddan fiha mhux biss diversi nies mill-qasam tal-midja lokali, però wkoll, nies fin-negozju, għalliema, studenti, xjenzati u avukati, kollha artisti fi ħdan il-professjoni tagħhom.

 

TGD hu isem li illum qed jinstema’ xi ftit iktar f’dik li hi filmografija lokali. Din id-dar bdiet b’inizjattivi bejn ċrieki żgħar, min-numri żgħar. Illum din id-dar żgħira tħaddan fiha numru żgħir ta’ artisti multinazzjonali ta’ ċertu statura li jgħixu Għawdex, li jmexxuha b’volontà artistika. Dawn imbagħad jikbru fin-numru waqt fażijiet ta’ produzzjoni, fejn jidher li l-prijorità għal eżpożizzjoni tingħata l-iktar lit-talent lokali, u bir-raġun. Tant hu hekk li sal-lum, din il-kumpanija ‘ċkejkna’ involviet direttament aktar minn 400 persuna fil-produzzjonijiet tagħha. U dan ifisser ħafna meta wieħed iħares lejn l-opportunitajiet ikkreati mill-lokal għal-lokali.

 

Amadeo u Michael il-kreaturi ta’ din id-‘Dar’

 

L-oriġini ta’ dan il-grupp tmur lura għal ħbiberija bejn tnejn li kienet tidher ferm improbabbli. Ħbiberija bejn filmmaker dilettant li f’kull xena jara storja, u tabib li kellu pinna tajba.

 

Amadeo ġie introdott għall-films fuq is-sett ta’ The Odyssey’ meta ta’ ħames snin kellu mument fuq l-iskrin ma’ Odysseus (Armand Assante). Trabba fil-qalba tar-Rabat, fi żmien meta l-produzzjonijiet f’Għawdex kienu bdew jieħdu l-ħajja. Beda jistudja ‘Design, Art u Creative Media Production’. Waqt l-istudji tiegħu beda jaħdem fl-industrija tal-films għal rasu fejn beda jidderieġi films żgħar u ‘music videos’.

 

Michael, ispirat mix-xogħol ta’ Bernard Cornwell u Jack London, fl-età ta’ 10 snin, ipprova jippublika novella qasira dwar tfajjel f’Malta fil-bidu tas-seklu għoxrin, iżda fallielu. Hu kompla jikteb, u tul l-adolexxenza, kiteb u pproduċa tliet drammi għal fuq il-palk. Iktar tard, niżel Malta biex isegwi studji xjentifiċi, iżda fl-istess waqt beda jieħu interess fil-letteratura moderna, wara li kien waqaf mill-kitba għal xi snin.

Is-set artistiku li nbena gewwa t-Teatru Astra f’Għawdex
Is-set artistiku li nbena gewwa t-Teatru Astra f’Għawdex

 

Fl-2012 reġa ngħaqad ma’ Amadeo biex jipprova jagħti l-ħajja lil script li kiteb u flimkien bdew jesperimentaw b’xi xeni, joperaw fil-lokal b’makkinarju bażiku, bi ‘crew’ miġbur mill-kittieb. Dan l-esperiment ħa xhur sħaħ u x-xogħol kollu li beda jinħema, ftit jew ħadd ma kien jaf bih sa ma lejn tmiem is-sena 2013, bi ftit jew xejn finanzi, imma b’ħafna enerġija mis-settur żagħżugħ lokali, iddeċidew li jidħlu fix-xena filmografika bi stil uniku.

 

Three Generations Down: Produzzjoni li fiha ħadu sehem ’il fuq minn 300 Għawdxi

 

Xena mill-produzzjoni bl-istess isem (TGD)
Xena mill-produzzjoni bl-istess isem (TGD)

Għall-ewwel produzzjoni, taħt isem l-istess Dar, it-Teatru Astra fiċ-ċentru tar-Rabat ġie mibdul f’Bank Ingliż u Triq ir-Repubblika inbidlet għal żmien l-imgħoddi fejn karrozzi ‘vintage’ imlew it-toroq Għawdxin u l-kwiet Għawdxi ġie mibdul f’ġiri sfrenat ta’ karrozzi, sparar u storbju allarmanti, għal dik li suppost kienet serqa minn bank.  Din ix-xena li kellha bżonn jumejn biex tinġibed involviet madwar 300 persuna b’Manwel Xuereb u Melvin Calleja jdumu jippreparaw il-produzzjoni tax-xena ’l fuq minn għaxar ġimgħat, taħt id-direzzjoni ta’ Michael Tabone. L-iskala tal-produzzjoni kibret immens u diversi żgħażagħ kreattivi Għawdxin ingħaqdu f’din il-produzzjoni.

 

Il-pubbliċità enormi li ħadet din il-produzzjoni fil-jiem ta’ wara, wassal għal ħafna antiċipazzjoni għat-tmiem ta’ dan il-proġett. Madankollu, silenzju ta’ xhur sħaħ segwa dak is-sajf vibranti min-naħa ta’ din il-produzzjoni. Iktar tard, is-sit elettroniku ħa l-ħajja b’materjal relatat mal-istess produzzjoni li kien jinkludi lill-attriċi Taljana Elena Nicastro li ħadmet f’‘Distretto di Polizia’, ‘Carabinieri’, ‘Agata’ u ‘la Tempesta’ fost l-oħrajn, l-attur veteran Rob Ricards li ħadem f’ ‘The Great Siege’, ‘Roman Mysteries’, ‘Blackbeard’, u l-attriċi lokali Julia Camilleri b’sehem f’‘The Dream’, ‘Alice’s Adventures Underground’, ‘The Death of Snow White’. Iżda dan kollu xorta ma kienx qed jagħti indikazzjoni lejn fejn trid tmur din id-dar tal-produzzjoni. Għalkemm din l-affari qatt ma ġiet diskussa u Għawdex hi gżira ċkejkna, l-opinjoni pubblika kienet li l-produzzjoni kien spiċċalha s-sapport privat f’dak li hu finanzi u t-tieni fażi tal-produzzjoni qatt ma ġiet realizzata.

 

Poster għal ‘Spectrum’, film psikologiku qasir
Poster għal ‘Spectrum’, film psikologiku qasir

Iżda apparti dan kollu, din il-qalb ċkejkna xorta kellha r-riżorsi li tkompli tipproduċi biċċiet ta’ kwalità minn żmien għal żmien. Fl-istess sena, inħadem film qasir psikoloġiku ta’ tifla ta’ 12-il sena. Iktar tard ipproduċew reklam għall-MTA. Dan il-grupp kellu momentarjament, jagħlaq il-bibien tiegħu f’nofs l-2014 fejn diversi membri tat-tim kienu nvoluti fil-produzzjoni ta’ Jolie-Pitt By The Sea.

Kmieni s-sena li għaddiet, il-klikka artistika nedew dak li jidher li hu bażi għal dokumentarju u mill-ftit li diġà ħareġ online, qed jidher li se jinvolvu ġenerazzjonijiet hafna akbar minn dak li s-soltu naraw fil-produzzjonijiet tagħhom, b’Galea, Calleja, u Xuereb minn ta’ quddiem f’dik li hi produzzjoni.

 

L-għada tal-Milied tnieda film qasir ta’ sitt minuti ‘Season’s Greetings from Gozo’. Film li jsegwi ġurnata f’ħajja ta’ student tal-iskola fil-gżira t’Għawdex, li jintemm b’laqta romantika. Produzzjoni li fiha rat għexieren ta’ adolexxenti li ġew esposti għall-midja għall-ewwel darba. Kienet produzzjoni li tat nifs ġdid għall-mod kif is-soltu jiġi reklamat Għawdex, fejn issa drajna li din il-gżira dejjem tiġi rreklamata fl-istagun sajfi b’kantaliena tal-istess erba’ rkejjen, u f’dan ir-reklam, Three Generations Down urew il-ġmiel ta’ Għawdex fil-ħarifa.

 

Minkejja li ġew rifjutati fondi fl-għejun tax-xogħol tagħhom, kemm mill-Ministeru għal Għawdex, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Films Maltija, xejn ma jidher li qed iżomm lil dawn milli jkomplu joperaw u mill-iżvilupp li rajna riċentament, jidher li hemm xi sorpriżi lesti għal din is-sena, li naturalment aħna se nkomplu nsegwu.


 

L-informazzjoni kollha ttieħdet mir-riċensjoni mibgħuta mill-korrispondent Ingliż Cedric Allaby.

 

 

 

More in G?awdex