Bidu qawwi għall-ekonomija Għawdxija: Passiġġieri jirduppjaw u l-karozzi jitripplaw
“Is-suċċess fil-kummerċ ħajjarna biex ninvestu f’boutique hotel fuq il-kumpless” – Maria Farrugia (The Duke’s)
“Il-Maltin meta tagħtihom noll irħas, jiġu iżjed u jonfqu aktar” – Antoine Portelli (Arkadia)
Għawdex donnu li sar storja ta’ suċċess. Wara sena li għalqet fuq nota formidabbli f’kull aspett ekonomiku, jidher li s-sena li għadha kif bdiet se tkompli bl-istess xejra jekk mhux anke aktar qawwija. Il-formula rebbieħa tidher li hi dik li fi tmiem il-ġimgħa, jitraħħsu n-nollijiet tal-vapur għalL-Maltin fejn iħallsu l-istess noll daqs l-Għawdxin.
Il-fatti juru li fl-aħħar weekend ta’ Jannar (mhux tal-Karnival), dak bejn it-30/31 ta’ Jannar il-Gozo Channel ġarret 4,563 passiġġier li huma aktar mid-doppju li ġarret sena qabel fl-istess perjodu (2,252), filwaqt li bħala karozzi, ġarret it-tripplu ta’ dak li ġarret is-sena ta’ qabel fl-istess perjodu. Ġarrew 1,752 vettura mqabbla mas-625 fis-sena ta’ qabel.
Passiġġieri
30-31 ta’ Jannar 2016 4,563
31 Jannar u 1 Frar 2015 2,252
Vetturi
30-31 ta’ Jannar 2016 1,752
31 Jannar u 1 Frar 2015 625
Dawn il-figuri ssarfu f’ekonomija qawwija fil-gżira Għawdxija. Fejn jidħlu lukandi Silvio Rapa is-sid tal-Grand Hotel u Tony Ellis, is-sid tal-Baron Holdings li hi kumpanija li tmexxi diversi farmhouses jgħidulna li esperjenzaw żieda qawwija ta’ negozju u ljieli fil-lukandi.
Għalhekk il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-akbar żewġ stabbilimenti li hemm f’Għawdex, The Duke’s u l-Arkadia dwar din iż-żieda ta’ Maltin f’Għawdex.
“Il-Maltin meta tagħtihom noll irħas, jiġu iżjed u jonfqu aktar” – Antoine Portelli (Arkadia)
Antoine qalilna li kien hu li ssuġerixxa lill-Ministru fil-bidu tal-amministrazzjoni tiegħu biex iraħħas in-nollijiet fit-tmiem il-ġimgħa xitwin. “Il-Ministru Refalo sema’ bis-suġġeriment tiegħi u dan tana l-frott. U fil-fatt kollox juri li dan l-ewwel xahar tas-sena kien suċċess kbir. Mhux talli żdiedu n-nies li daħlu fl-istabbiliment tagħna, iżda l-bejgħ żdied b’aktar minn 10 fil-mija. Għax il-Malti hu turist li jonfoq ħafna. Kull meta wieħed joħroġ jew imur vaganza, jonfoq u għalhekk ir-roħs iħajjar lill-Malti jiġi Għawdex u jonfoq aktar. Dan hu prova li b’aktar aċċessibilità għal Għawdex ifisser aktar ekonomija b’saħħitha għal gżira Għawdxija. Irridu nammettu wkoll li dis-sena it-temp kompla jgħin u anke l-kalendarju kif ġew il-festi għenu mhux ftit. Anke l-attivitajiet organizzati f’Għawdex kienu bonus għal aktar Maltin li jiġu Għawdex.”
“Is-suċċess fil-kummerċ ħajjarna biex ninvestu f’boutique hotel fuq il-kumpless” – Maria Farrugia (The Duke’s)
“Hu fatt li l-ekonomija t’Għawdex hi mxekkla bl-insularità doppja tal-gżira. Iżda l-Għawdxin irnexxilhom li l-iżvantaggi tal-aċċessibilità, jittrasformawhom f’oppurtanijiet. Dan narawh fl-attivitajiet li qed jiġu organizzati matul is-sena kollha. L-iskop aħħari tagħhom hu li jkabbru t-turiżmu intern u barrani lejn Għawdex. Fil-fatt, dawn l-avvenimenti kattru bil-kbir il-viżitaturi lejn Għawdex fi żmien meta n-negozju f’Għawdex ikun kwiet. Dan qed iħalli impatt pożittiv qawwi fuq il-kummerċ ġenerali f’Għawdex. Dan it-tkabbir ġie anke rifless fil-Kumpless tad-Duke’s t’Għawdex fejn kien hemm żieda sostanzjali ta’ nies li daħlu fil-kumpless, kif ukoll tkabbir fil-bejgħ mill-ħwienet. L-istess tkabbir fl-attivitajiet kummerċjali ġie anke rifless fil-bejgħ tal-propjetà li l-istess attivisti tal-Kumpless tad-Duke’s għandhom f’Għawdex. Dan it-tkattir kummerċjali u l-wasla ta’ kotra nies matul is-sena kollha inkoraġġew lill-attivisti tal-kumpless tad-Duke’s biex jinvestu fil-futur qarib f’Boutique Hotel ta’ 30 kamra fl-ogħla sular ta’ dan il-kumpless. Dan l-investiment ġdid se joffri alloġġ b’differenza f’Għawdex.
“Dan it-tkattir ekonomiku hu riżultat tal-ħidma tal-imprendituri Għawdxin. Iżda, kien attwat ukoll sforz it-tħabrik, l-inizjattivi, ir-reklamar u l-iskemi ta’ vjaġġar bi prezz vantaġġjuż mnedija mill-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo.”