L-Isqof t'Għawdex jitlob għax-xita

Ċirkulari li ħa tinqara fil-knejjes tad-Djoċesi ta’ Għawdex għada u pitgħada.

Għeżież

In-nuqqas ta’ xita qed jinħass sew u qed ikollu konsegwenzi fuq l-uċuħ tar-raba’ u l-frott tagħha. Waslet f’qalbi t-tnehida ta’ ħafna bdiewa li qed jaraw il-wiċċ tal-art jinkedd minħabba n-nixfa mhux tas-soltu.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-twemmin tagħna f’Alla l-Ħallieq li jista’ kollox imexxina biex nerfgħu qlubna lejH f’talba ħerqana sabiex jagħtina x-xita f’waqtha. L-għarfien li llum għandna biex naqraw “it-temp” m’għandu bl-ebda mod inaqqas il-fidi tagħna fl-id tal-providenza ta’ Alla li tmexxi kollox u li jħares lejn il-ħtiġijiet ta’ wliedu l-bnedmin.

Għaldaqstant, kif fl-imgħoddi għamlu missirijietna, hekk aħna msejħin nistqarru l-fidi tagħna fil-Ħallieq u nduru lejh bl-umiltà u l-fiduċja bħala wlied Missier Ħanin li hu fis-smewwiet, li “jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex” (Mt 5:45).

Għalhekk, nagħmel sejħa lill-bdiewa kollha tagħna u lill-poplu kollu ta’ Alla fi gżiritna biex nieħdu sehem f’Pellegrinaġġ Penitenzjali bl-istatwa ta’ Ġesù Redentur, b’talb għax-xita, li ser immexxi nhar il-Ħadd li ġej, 28 ta’ Frar 2016, mill-knisja parrokkjali tal-Qala lejn is-Santwarju Ġubilari tal-Immakulata Kunċizzjoni. Il-pellegrinaġġ jibda fl-4.00pm, u xħin jasal fis-Santwarju tiġi ċċelebrata l-quddiesa.  

Nagħtikom il-barka tiegħi.

Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

 

 

Kollna tama fl-għajnuna ta’ Ommna Marija, insejħu wkoll il-patroċinju ta’ San Isidoru, Patrun tal-bdiewa.

More in G?awdex