Għawdex ibiddel il-kuluri u l-kulturi tiegħu skont iż-żmien

Il-passjoni ta’ Kristu tingħata l-ħajja f’Għawdex: 

  • Via Sagra ħajja fiċ-Ċittadella b’200 attur
  • Bethlehem Għajnsielem tinbidel f’Ġerusalem u l-fortizza Chambray tinbidel fil-Golgota
  • 10 purċisssjonijiet tal-Irxoxt, 6 tal-Ġimgħa l-Kbira u 6 tad-Duluri

Betlehem f'Għajnsielem jinbidel f'Ġerusalem
Betlehem f'Għajnsielem jinbidel f'Ġerusalem

Issa drajna li Għawdex ibiddel il-kuluri u l-kulturi tiegħu skont iż-żmien. Hemm iż-żmien ta’ ferħ u paċi li hu żmien il-Milied, hemm żmien il-bluha tal-Karnival u issa żmien ir-riflessjoni meta Għawdex jagħti l-ħajja lill-passjoni ta’ Kristu.

 

Fil-fatt, kważi kull raħal Għawdxi jorganizza xi ħaġa partikolari għal dawn iż-żminijiet għalkemm l-aħħar waħda ġdida se tkun il-Via Sagra animata fiċ-Ċittadella li għadha kif ġiet restawrata. Din il-Via Sagra se tibda mit-Tokk minn fejn il-banca Giuratale. Minn hemm, tibqa’ tielgħa madwar iċ-Ċittadella bl-14-il stazzjon animat b’200 attur mill-Għaqda Dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ Għawdex fejn id-dawl u l-mużika jagħti aktar ħajja lil din il-Via Sagra. Din se ssir darbtejn fid-19 ta’ Marzu, l-ewwel waħda mis-7 pm sat-8 pm, u l-oħra tibda kwarta wara mit-8.15 sad-9.15.

 

Avveniment ieħor organizzat mill-Ministeru ta’ Għawdex se jkun Ħadd il-Għid, 27 ta’ Marzu. Hip Hop Hooray se tiġi organizzata f’Villa Rundle b’logħob għal familja kollha bejn l-10 ta’ filgħodu u l-4 ta’ wara nofsinhar. Se jkun hemm attivitá mal-Easter Bunny u wieħed ikun jista’ jagħti donazzjoni għal Puttinu Cares.

 

Sadanittant, tqassmu speċi ta’ bajd tal-Għid fl-iskejjel, biex kull skola qed tiddekora l-bajda tagħhom u tintagħżel l-isbaħ bajda.

 

Madwar Għawdex f’dawn iż-żminijiet jiġu organizzati sitt purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, sitt purċissjonijiet tad-Duluri u għaxar purċissjonijiet tal-Għid.

Żewġ purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira joħorġu l-Ħadd 20 ta’ Marzu, dik tal-Qala u tal-Katidral tar-Rabat. Filwaqt li fil-Ġimgħa l-Kbira jkun hemm dik taż-Żebbuġ (bil-vari mlibbsa bil-ħwejjeġ tan-newl magħmula bl-idejn), tan-Nadur, ta’ San Ġorġ tar-Rabat u tax-Xagħra.

 

Il-Ħadd tal-Għid ikun hemm 10 purċissjonijiet bl-istatwa tal-Irxoxt, San Ġorġ tar-Rabat, Nadur, Xewkija, Kerċem, il-Katidral, Rabat, Fontana, Qala, Żebbuġ, Xagħra u l-Għarb.

 

Ċenaklu Ħaj fin-Nadur

 

‘L-Għaqda Ħbieb tal-Presepju’ fin-Nadur, matul il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa ttella’ ‘Ċenaklu Ħaj’ flimkien ma’ Wirja marbuta ma’ dan iż-żmien ambjentata fil-kampanja li ddawwar ‘Dar Dun Franġisk Grima’ fi Triq it-Tiġrija, fin-Nadur.

Il-ħinijiet u dati tal-ftuħ huma dawn:

Jum id-Duluri – 18 ta’ Marzu 8.00 – 9.30 pm

Ħadd il-Palm – 20 ta’ Marzu 4.00 – 9.00 pm

Ħamis ix-Xirka 24 ta’ Marzu  8.30 – 11.00 pm

Jum il-Ġimgħa l-Kbira 25 ta’ Marzu 9.30 am – 1.00 pm

 

Id-dħul huwa b’xejn u kulħadd hu mistieden biex iżur din l-attivitá li se tkun ambjentata f’dar tipika Għawdxija u l-madwar tagħha li tmur lura għal aktar minn tliet mitt sena.

 

Betlem jinbidel f’Ġerusalemm f’Għajnsielem

B’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem u Fort Chambray Limited, l-Għaqda Drammatika Għajnsielem ser ittella' attivitá bl-isem ‘Ħadd il-Passjoni’. Din l-attivitá se tikkonsisti fid-daħla trijonfali ta' Ġesù fil-Belt ta' Ġerusalemm, il-ftuħ uffiċjali tal-aħħar ċena segwita mill-Via Sagra ħajja, ‘Kont Hemm’ li hija ibbażata fuq dik li nieda San Ġwanni Pawlu II nhar id-29 ta' f’Marzu tal-1991. Din tibda fil-Ġnien tal-Ġetsemani u tintemm ħdejn il-qabar. Kull stazzjon ilaqqgħana ma' diversi personaġġi mill-Iskrittura li jwasslu riflessjoni li tirrifletti s-sehem tagħna f’dik il-ġrajja fosthom Ġesu, Ġwanni, iċ-Ċenturjun, Marija ta' Magdala u oħrajn.

Il-Via Sagra se tibda mis-sit Ta' Passi f’Għajnsielem, fejn jittella' Bethlehem f’Għajnsielem, u tkompli lejn is-sit storiku ta' Forti Chambray flimkien mal-udjenza. L-ambjent ta' dawn il-postijiet huwa ideali sabiex ittella’ attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-Kitba u d-direzzjoni hi f’idejn JoAnne Debrincat, filwaqt li d-direzzjoni artistika hi f’idejn Franco Ciangura. Jieħdu sehem madwar 60 attur kif ukoll diversi nies wara l-kwinti.

 “Ħadd il-Passjoni” tittella' fit-19 ta' Marzu 2016 fil-4.30pm

L-għar li twieled fih jinbidel fil-kamra għall-aħħar ċena tiegħu

Għaqda Drammatika Għajnsielem tibdel l-għar li twieled fih Ġesu għall-aħħar ċena tiegħu fejn diversi atturi se jirrapreżentaw lil Ġesù u l-appostli fil-lejl tal-Ewkaristija. Fiċ-ċenaklu se jkun hemm ukoll kċina fejn se jiġi ppreparat ikel tradizzjonali tal-okkażjoni. L-atmosfera u l-ambjent naturali flimkien mal-annimali f’dan il-post, żgur se jgħinu biex kull min iżur dan iċ-ċenaklu jista’ jgħix l-esperenzja ta' dak iż-żmien. Din l-attivitá se ssir fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka, 24 ta' Marzu 2016 minn 8.30pm sa 11.30pm u fl-għodwa tal-Ġimgha l-Kbira, 25 ta' Marzu 2016, minn 9.00am sa 12.00pm.

 

 

More in G?awdex