‘Iddominajna r-Raħal u rawwimna liż-żgħażagħ’

  • Żgħażagħ Kerċemiżi jaħdmu sena sħiħa għal festa u jistrieħu biss għal xahar wieħed 
  • Il-festa tiswa €20,000 kull sena f’armar u briju

'Il-festa tiġi qabel il-mara u t-tifla fil-jiem tal-festa’ - Camilleri
'Il-festa tiġi qabel il-mara u t-tifla fil-jiem tal-festa’ - Camilleri

Bħalissa fis-sala tal-Ministeru ta’ Għawdex hemm wirja mhux tas-soltu, wirja tal-armar tal-Festa tal-Madonna tas-Sokkors Ta’ Kerċem li hi msejħa FestArmar. Hi wirja li qed tiġbed ħafna pubbliku għax hi wirja partikolari u qed issir għax l-għaqda tal-armar tal-festi ta’ Kerċem għalqet 25 sena mit-twaqqif tagħha f’Lulju 1991.

Għalhekk iddeċidejt li nżur lill-membri ta’ din l-għaqda li hi għaqda mmexxija minn żgħażagħ Kerċemiżi, immexxija minn president żagħżugħ li qatta’ żogħżitu kollha f’din l-għaqda minn meta bdiet, Frankie Camilleri li għad għandu 36 sena. Miegħu kien hemm preżenti l-persuna li kkuntattjatni dwar dan l-avveniment: il-PRO u Assistent segretarju Mario Spiteri li għandu 31 sena. Dawn ħaduni fiċ-ċentru Parrokkjali li wieħed jista’ jgħid li hu ċ-ċentru ta’ raħal li jgħodd madwar 2,000 persuna. Dan iċ-ċentru hu l-aktar bar popolari u modern tar-raħal, u fih hemm ukoll il-klassijiet tad-duttrina u post fejn jiltaqgħu diversi għaqdiet, barra li kull tmiem il-ġimgħa qed iservi bħala l-klabb tal-Inter ta’ Għawdex għax il-president Frankie, hu Interist u kera l-post lil din l-għaqda li għadha kif inħolqot f’Għawdex. Minkejja dan, fil-bar li hu amministrat b’mod volontarju mill-membri tal-għaqda tal-armar, tintwera kull partita tal-futbol.

“Aħna dejjem hawn,” qalli Frankie, “fi tmiem il-ġimgħa kollha niltaqgħu hawn flimkien mal-familji tagħna.”

Frankie Camilleri u Mario Pisani 11-il xahar fis-sena jaħdmu għal festa
Frankie Camilleri u Mario Pisani 11-il xahar fis-sena jaħdmu għal festa

Qabeż Mario u kompla, “Niftakarna tfal f’dan il-bar, imbagħad konna nġibu l-għarajjes tagħna u llum inġibu lil uliedna. Din l-għaqda ddominat lir-raħal tagħna u rawmet diversi żgħażagħ, tant li bħalissa għandna kumitat ta’ madwar 12 l-adolexxent u meta narmaw, nibdew b’20 persuna u fl-aħħar jiem ta’ qabel il-festa anke l-anzjani jiġu jgħinuna.”

Frankie Camilleri qalilna li minn din l-għaqda ħarġu sindku, żewġ qassisin, wieħed minnhom kien l-ewwel president li llum hu l-arċipriet taż-Żebbuġ (Dun Reuben Micallef), avukat, negozjanti, presidenti tal-banda u tal-futbol u anke tabib.

Fil-fatt, din l-għaqda li hi l-eqdem għaqda fir-raħal, tħaddan fiha r-rappreżentanti tal-banda, tan-nar u ż-żona msejħa Għajn Tuta. Barra li tieħu ħsieb l-armar tal-festa, tieħu ħsieb ukoll il-briju u l-marċ ta’ filgħodu u dan, skont il-president, jiswilhom €6,000. “Dawn il-flus jikkonsistu fil-banda li nġibu minn Malta, flokkijiet u bnadar u dawn il-flus kollha niġbruhom miż-żgħażagħ, fejn anke nagħmlu bar barra, li minnu jkollna ntrojtu tajjeb.”

Tkellimna fuq l-armar fejn qalilna, “25 sena ilu bdejna bix-xejn u l-ftit li kien hemm bdilniehom billi tajna libsa ġdida lir-raħal. Għandna pavaljuni mill-aqwa u tal-ogħla kwalità u anke l-armar tal-injam, hu ta’ kwalità. L-uniku problema li għandna huma l-imħażen għax m’għandniex fejn inpoġġu aktar, u ftit jew xejn nistgħu nżidu. Iżda qegħdin f’diskussjonijiet mal-kappillan biex nakkwistaw il-permessi meħtieġa mill-MEPA u nibnu maħżen kbir u modern.”

Mistoqsi kemm iżidu armar kull sena u kemm jiswa flus dan l-armar, Camilleri qalilna li f’dawn l-aħħar 12-il sena dejjem kien hemm xi proġett ġdid, “għamilna sett bandalori li swewna €3,000 ’l-waħda li minnhom, nagħmlu madwar 2 jew 3 kull sena. Għamilna sett statwi ġodda li jiswew madwar €2,000 kull waħda u €300 biex nindurawhom. U dejjem irnexxielna niġbruhom min-nies tar-raħal u mill-avvenimenti li norganizzaw. Kull sena nippjanaw li l-festa tiswielna €20,000 għall-armar u briju, u kull sena din is-somma tinqabeż. U nerġa’ ntennilek li kollha niġbruhom.”

‘Bdejna żgħażagħ, żidna l-mara u issa anke t-tfal’ – Mario Spiteri
‘Bdejna żgħażagħ, żidna l-mara u issa anke t-tfal’ – Mario Spiteri

Mario Spiteri qalilna li l-armar jieħdu ħsiebu ħafna, “Malli tintemm il-festa li ssir fit-tieni ġimgħa ta’ Lulju, f’nofsillejl eżatt, nibdew inżarmaw. L-ewwel xift jagħmel minn nofsillejl sat-8 am, u wara jidħol grupp ieħor li jdum sa xi l-erbgħa ta’ wara nofsinhar. Fi tlett ijiem ikollna kollox ġewwa.”

Il-president qalilna wkoll li tal-inqas ikunu jistgħu jgawdu ftit il-baħar, għax huma jieqfu jaħsbu u jaħdmu għal xahar sħiħ wara l-festa. “Wara xahar, niltaqgħu u naħtru kumitat ġdid, fejn għal dawn l-aħħar 6 snin baqa’ bl-istess membri. Hemmhekk nippjanaw ir-restawr ta’ dak li diġà għandna, u naħsbu għal dak li se nagħmlu ġdid.

“Il-festa hi passjoni għalija. Fil-ġimgħa tal-festa, lill-mara u lil binti qas narahom.” Qal Frankie, filwaqt li Mario qabeż u qal, “Il-festa tiġi qabel il-mara u t-tfal f’dawk il-jiem tagħha.” U qabel miegħu l-president.

Sadanittant, tkellimna ftit dwar din l-idea tal-wirja fejn qalulna li kienu għamlu waħda fl-2009 fis-sala taċ-Ċentru Parrokkjali, “u niftakar li meta rajt l-armar impoġġi f’kamra waħda kien laqatni mmens u kienet ġietni l-idea biex din il-wirja jkun jista’ jgawdiha mhux biss kull Għawdxi iżda anke t-turisti u l-Maltin,” qal Camilleri.

Talbu lill-Ministeru biex jagħtihom is-sala tal-wirjiet u tagħielhom, u ġie deċiż li għal Marzu kollu, din tkun miftuħa għal kulħadd,”u se tkun miftuħa għall-pubbliku anke fi żmien il-festi tal-Ġimgħa l-Kbira.”

Il-marċ u l-briju tal-festa jiswa €6,000
Il-marċ u l-briju tal-festa jiswa €6,000

Il-president ħabrieki li meta jitkellem fuq il-festa juri entużjażmu kbir, qalilna li dis-sena hemm żewġ avvenimenti oħra kbar. “Din is-sena l-istatwa titulari li aħna nsejħulha ‘Iż-Żewġ’ għax fiha żewġ personalitajiet, San Girgor u l-Madonan tas-Sokkors, tagħlaq 20 sena. Anke din l-istatwa titulari konna aħna l-għaqda tal-armar li għamilnieha, u hi l-ikona tagħna.

“L-avveniment l-ieħor li qed naħdmu fuqu biex forsi nieħdu fondi Ewropej, huwa r-restawr tal-istatwa titulari u oriġinali li hi tal-injam. Din kienet inbiegħet l-Italja, u wara spiċċat il-Belt. Aħna rnexxielna nintraċċawha u nixtruha lura għas-somma ta’ Lm10,000 u tajnieha rigal lill-Parroċċa. Kien fiha ħafna susa u waqqafnieha iżda issa rridu nirrestawrawha.”

 

 

More in G?awdex