Passi ta’ ġgant fl-isport Għawdxi

Sentejn mit-twaqqif tal-Gozo Sports Board

F’Marzu tal-2014 f’Għawdex inħoloq il-Gozo Sports Board li xogħlu kien li jorganizza d-diversi dixxiplini u assoċjazzjonijiet ta’ diversi sport taħt kappa waħda, filwaqt li jara kif jgħin bi kwalunkwe mod biex dawn jingħataw għajnuna fi kwalunkwe mod biex ikunu jistgħu jkabbru l-avvenimenti tagħhom.

Dan il-bord, immexxi mill-ekspresident tal-futbol Għawdxi, Alvin Grech beda jaħdem mill-uffiċini tal-Gozo Sports Complex fejn id f’id mal-kap tal-Gozo Sports Complex, Albert Scerri bdew ħidma ta’ koperazzjoni biex l-isport jieħu l-podju li ħaqqu. Bdiet ħidma biex ikunu organizzati mhux biss avvenimenti ta’ kull sena, iżda wkoll kull assoċjazzjoni tingħata għajnuna mhux biss finanzjarja iżda wkoll konsulenza amministrattiva.

Barra minn hekk, f’dawn is-sentejn għall-ewwel darba l-Gozo Sports Board ingħaqad bħala parti minn SportMalta ħalli b’hekk l-isport Għawdxi jkun jista’ jgawdi wkoll minn fondi biex tgħin lill-infrastruttura Għawdxija. Bħalma ġara fil-każ tal-bini ta’ tinda għax-shooting range f’Taż-Żebbuġ b’fondi tal-isport Malta b’koperazzjoni mal-Gozo Sports Board.

Skolasport

Anke Skolasport, minn din is-sena ġiet organizzata mill-Gozo Sports Board b’kollaborazzjoni ma’ Skolasport ta’ Malta, iżda xorta hi parti minn Skolasport ta’ SportMalta. Barra minn hekk, il-Gozo Sports Board mar oltrè, meta fi Skolasport introduċa t-tagħlim tal-logħba taċ-ċess fejn ħatar tfajla Slovakka esperta taċ-ċess biex tgħallem, u anke l-ibburdjar fejn it-tfal Għawdxin qed jiġu mgħallma kif imexxu dgħajsa tal-qlugħ u kif jużaw ir-riħ favur tagħhom, mertu tal-Gozo Yacht Club. Hemm 250 tifel u tifla li qed jieħdu sehem fi SkolaSport fejn diversi għalliema kwalifikati qed jieħdu lit-tfal anke trekking u passiġġati f’postijiet storiċi, fejn barra li jħaddmu ġisimhom, qed jitgħallmu mill-istorja rikka tal-gżira.

Diversi dixxiplini li qed jiġbdu Maltin lejn Għawdex

F’dawn is-sentejn ġew organizzati l-model airplanes fejn ingħataw il-Heliport biex jużawh għat-titjir tal-ajruplani b’diversi dilettanti Maltin jingħaqdu ma’ dawk Għawdxin, u kważi ta’ kull ġimgħa wieħed jista’ jara diversi ajruplani jtiru bejn Għajnsielem u x-Xewkija.

Qed jiġu organizzati wkoll il-model cars ħdejn il-korsa taż-żwiemel f’Ta’ Xħajma fejn anke dawn ġew mogħtija għajnuna mill-Gozo Sports Board biex tranġat it-trakka, u llum qed tiġbed għexieren ta’ dilettanti jtellqu l-mudelli tagħhom f’din it-trakka.

Il-Gozo Horseracing Association ukoll ġiet mogħtija ħafna għajnuna mill-Gozo Sports Board biex tirranġa momentarjament it-trakka taż-żwiemel u anke minn żmien għal żmien tingħata għajnuna finanzjarja biex tkun tista tgħolli r-rigali li jingħataw lir-rebbieħa tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Dan mertu wkoll tal-president Mary Mifsud li flimkien mal-kumitat tagħha ddeċidew li t-tiġrijiet isiru l-Ħdud filgħodu u dan il-fatt reġa’ ġibed mhux biss iż-żwiemel Għawdxin li jieħdu sehem fit-tiġrijiet qabel imorru lejn Malta għat-tiġrijiet ta’ wara nofsinhar, iżda diversi ġerrejja Maltin li qed jieħdu sehem fit-tiġrijiet f’Għawdex.

Il-Motokross ukoll reġa’ ħa l-ħajja f’Għawdex fejn qed jilħaq livell ogħla minn dak ta’ Malta b’diversi sewwieqa Maltin qed jitilgħu Għawdex isuqu fit-trakka wkoll irranġata mill-Gozo Sports Board biex kull nhar ta’ ħadd, qed tiġbed mijiet ta’ żgħażagħ jaraw u jieħdu sehem f’dawn it-tiġrijiet f’korsa mimlija ostakli li tagħmel kull tiġrija ferm interessanti u diffiċli fl-istess ħin.

Il-Gozo Sports Complex ukoll qed jattira diversi sport ieħor ta’ ġewwa bħal Badminton, Ġinnastika, Squash, Arti Marzjali fejn huma l-ħafna żgħażagħ u tfal li qed jirrikorru għal dan l-isport li jagħtihom kunfidenza fihom infushom. Il-Gozo Sports Board qed jassisti lil dawn l-assoċjazzjonijiet billi jgħinhom biex ikollhom apparat aktar modern biex jistgħu jaħdmu bihom.

Qed tingħata għajnuna wkoll lil Ghajnsielem Redcoats li barra l-logħba tas-SoftBall u l-Baseball qed jħarreġ diversi tfal u żgħażagħ fi sport ieħor bħal Basketball li qed jiġu mħarrġa minn Bruno Pietrantonio li kien il-kowċ Taljan tat-tim nazzjonali Malti tal-Basketball.

Ingħatat ukoll għajnuna lin-Nofs Maratona tax-Xagħra li se ssir fl-24 ta’ April li fiha jieħdu sehem madwar 500 persuna, bejn Għawdxin, Maltin u barranin.

Parquet ġdid fil-Kumpless Sportiv

Il-parquet tal-Kumpless Sportiv ġie mibdul kollu, mertu tat-tmexxija tal-Kumpless tal-Isports Għawdxi b’koperazzjoni mal-Gozo Sports Board u l-Ministeru għal Għawdex.

Programm televiżiv dwar l-isport Għawdxi

Il-Gozo Sports Board irnexxilu wkoll itella’ programm televiżiv fuq l-istazzjon Nazzjonali, Sport Għawdex fuq TVM2 kull nhar ta’ Tlieta b’ripetizzjoni s-Sibt, dwar l-isport Għawdxi. Produzzjoni professjonali  tas-CVC ppreżentat mill-ġurnalist sportiv, John Busuttil. Programm ta’ nofs siegħa li jlaqqgħek mal-isportivi u ma dixxiplini sportivi diversi li ntlaqa’ ferm tajjeb sew mill-Għawdxin kif ukoll mill-Maltin. Dan qed jgħin ukoll biex l-atleti Għawdxin qed jingħataw leħen u wiċċ filwaqt li assoċjazzjonijiet u klabbs qed jkollhom ċans jagħmlu pubbliċità għal dak li jkunu qed jorganizzaw. Filwaqt li l-isport Għawdxi qed jasal fis-salott tal-Malti, u b’hekk anke jista’ jgħinu biex isib aktar sponsors għax permezz tal-programm, l-isponsors qed jieħdu l-pubbliċità wkoll.

Weekend Sportiv f’Mejju: L-akbar avveniment tal-Gozo Sports Board

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Gozo Sports Board se jorganizza weekend sportiv f’Għawdex fi tmiem il-ġimgħa ta’ bejn is-6 u t-8 ta’ Mejju, fejn id-dixxiplini kollha Għawdxin jingħaqdu ma’ dawk Maltin biex Għawdex jinbidel fi stadium wieħed ta’ sport. Dan hu l-akbar avveniment li jorganizza l-Gozo Sports Board fejn eluf ta’ sportivi Maltin flimkien ma’ ħbieb u l-familji tagħhom iqattgħu weekend jipprattikaw l-isport tagħhom, f’kull dixxiplina li teżisti. Anke n-nurseries tal-futbol jorganizzaw tournaments fejn madwar 20 nursery minn Malta jitilgħu jipparteċipaw. Il-Gozo Sports Board jieħu ħsieb li barra għajnuna finanzjarja lill-assoċjazzjonijiet Għawdxin, jieħu ħsieb li l-atleti Maltin ma jħallsux biex jaqsmu lejn u minn Għawdex u jkun l-isports Board li jħallsilhom il-passaġġi tal-Gozo Channel.

Bdew l-ewwel passi għall-bini tal-pixxina

Il-Gozo Sports Board ħa ħsieb mill-bidu tal-ħolqien tiegħu biex tinbena pixxina biswit il-kumpless sportiv. U fil-fatt, wara ħafna xogħol u diskussjonijiet bħalissa qed jiġu evalwati l-offerti mitfugħa fejn jidher li din il-ħolma ta’ tant Għawdxin u forsi l-akbar proġett tal-Gozo Sports Board, dalwaqt tibda tieħu l-ħajja. Dan il-proġett se jinbena mill-privat fis-sistema ta’ PPP (Private Public Partnership) u kif tingħata l-offerta, jinbeda x-xogħol fuqha immedjatament fejn skont il-kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board għandha tkun lesta fis-sena 2017.

Delegazzjoni titla’ Brussell

Żewġ MEPs, minn żewġ partiti differenti, Therese Comodini Cachia mill-PN (PPE) u Marlene Mizzi mill-PL (S&D) meta raw ix-xogħol li qed isir f’Għawdex mill-Gozo Sports Board aċċettaw li jiffinanzjaw delegazzjoni ta’ 10 persuni flimkien mal-crew televiżiv tas-CVC biex jitilgħu fil-Parlament Ewropew fi Brussell fejn hemmhekk ġew organizzati diversi laqgħat sew fil-Parlament Ewropew, kif ukoll fil-kummissjoni Ewropea ma’ parlamentari u uffiċjali involuti fl-isport. F’dawn il-laqgħat saru kuntatti tajbin biex il-Gozo Sports Board ikun jista’ japplika għal fondi Ewropej f’dak li hu Erasmus+ u bdiet ħidma biex fil-bidu tas-sena 2017, amministraturi, atleti u kowċis ikunu jistgħu jitħarrġu barra l-pajjiż u jkun hemm bdil ta’ ideat billi barranin jiġu wkoll Għawdex fuq diversi dixxiplini sportivi.

Proġetti li qed jinħmew

Sadanittant, il-Gozo Sports Board qed jaħdem qatigħ fuq proġetti ġodda finanzjati minn fondi Ewropej. Qed issir applikazzjoni biex isiru multi purpose pitches madwar Għawdex, kumpless sportiv speċjalizzat għall-anzjani u persuni b’diżabbiltà, pjan ta’ ħidma għall-għaxar snin li ġejjin, fejn qegħdin u fejn iridu jaslu. Qed jitħejja wkoll proġett ta’ programm ta’ healthy living fuq erba’ snin.

L-Awards

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Gozo Sports Board se jtella’ s-serata fejn fiha l-atleti u uffiċċjali jiġu apprezzati għal dak li jkunu ħadmu għalih matul is-sena. Is-serata għall-awards tas-sena 2015, se ssir nhar it-30 ta’ April f’Villa ta’ Fiorita f’Għawdex fejn kull assoċjazzjoni tinnomina l-aqwa atleti u uffiċjali tagħhom, u bord selettiv jagħżel il-finalisti, li minnhom jitħabbar ir-rebbieħ f’din is-serata, li għaliha jattendu l-ogħla awtoritajiet tal-Isport sew f’Malta kif ukoll ta’ Għawdex u tkun taħt il-patroċinju tal-Ministru Għal Għawdex Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Chris Agius.

 

 

 

 

More in G?awdex