L-Għawdxin illum qed jgħixu u mhux għada
Kif jaħsibha John Busuttil fuq il-mina
Jekk jgħoġobkom sinjuri politiċi. Tibqgħux titrattaw lill-Għawdxin qishom xi nies tat-tielet dinja. Ieqfu wegħduhom dinja utopika u agħtuhom dak li għandhom bżonn illum. Għax l-Għawdxin qed jgħixu illum u mhux għada jew 20 sena oħra.
Tibqgħux, qabel kull elezzjoni inkella waqt xi kriżi min-naħa jew oħra tiġu torganizzaw konferenza biex twegħdu liż-żgħażagħ, ħaddiema u nies tal-kummerċ Għawdxin li jridu jaqsmu xi pont jew issa, mina.
Jekk ridtu tagħmlu l-mina jmisskom ilkom snin li bdejtu, tal-inqas tagħmlu l-istudji ġeoloġiċi. Il-PN jattakkaw lil Laburisti li tilfu tliet snin paroli u għadhom ma bdewx l-istudji tant importanti. Il-Laburisti jwieġbu li n-Nazzjonalisti tilfu 25 sena u kien biss lejn tmiem il-leġiżlatura li ħolmu bil-mina. Anzjani Għawdxin qaluli li dan id-diskors ilu jsir minn żmien Mintoff.
Mela ħbieb tiegħi, aqtgħu l-paroli, ieqfu sibu l-iskużi u ibdew l-istudji ġeoloġiċi u l-istudji vera ta kemm se tiġi tiswa, ta min verament se jibniha u kemm se tiswa biex tgħaddi minnha, illum qabel għada. Imbagħad wara li jsir dan ibdew iddiskutu mal-vera stakeholders għax donnkom qed tinsew li Għawdex mhux magħmul biss minn studenti universitarji, lanqas minn ħaddiema li jaħdmu Malta biss, u lanqas minn dawk li għandhom in-negozji, ristoranti u lukandi. Iżda hemm poplu sħiħ li jgħix Għawdex li normalment ma tantx isemma leħnu jew jingħata ċans isemma leħnu. U huma dawn ukoll li jeħtieġ jiddeċiedu x’għandu jsir għal Għawdex.
Il-ġenituri Għawdxin jinsabu imdejqin għax malli jkollhom wild jafu li se jgawduh biss sa 16-il sena għax wara jitlaq lejn Malta u jmur lejn Għawdex darba kultant. L-istudji għandhom ikunu anke fuq lat soċjali. Irridu nanalizzaw jekk hux veru li dawn iż-żgħażagħ, li qed jitilqu lill-Għawdex u jħalluh biss għal tmiem il-ġimgħa humiex lesti jagħmlu t-triq għal gżira oħt kull filgħaxija u jħallsu biex jgħaddu minnha kuljum. U jekk iż-żgħażagħ Għawdxin jagħżlu li jgħixu Għawdex, dawn se jsibu fejn imorru filgħaxijiet bħalma jsibu f’Malta? Jiġifieri dawn li qed jaħsbu li l-mina se ssolvi l-‘brain drain’, fuq liema bażi qed jgħiduha din? Mina għandha tkun parti minn strateġija u mhux is-soluzzjoni, għax fil-verita’ mhu se toffri l-ebda soluzzjoni mirakoluża.
Għalissa nistgħu naqblu jew le mal-mina, biss fuq il-kunċett. Lilhinn minn hekk ħadd ma jista jitkellem qabel isir l-istudju ambjentali, ġeoloġiku u ieħor dwar l-impatt soċjali u kummerċjali li din il-mina jista jkollha. U dan allura jfisser li jridu jgħaddu snin twal. U meta wieħed jiftakar li fl-aħħar baġit kienu vvutati €6 miljuni għal proġetti kapitali, allura nistaqsi, minn fejn ġejjin il-miljuni għal dawn l-istudji? Jew, nerġa ntenni, din hi biss wegħda utopika?
L-Għawdxi qed jgħix illum u mhux meta dawk it-tliet żgħażagħ tal-‘Front Favur il-Mina’ jkunu ġenituri ta’ żgħażagħ tamparhom. L-Għawdxin iridu soluzzjoni illum. L-uniku soluzzjoni li tidher li tista tkun vijabbli hi dik ta’ katamaran u anke ajruplan fixed wing li jwassal mhux biss għal Malta iżda dirett għal Sqallija wkoll. B’hekk l-Għawdxi jista jmur Sqallija u l-Isqallin jistgħu jiġu Għawdex u jinħoloq iżjed xogħol u kooperazzjoni bejn iż-żewġ gżejjer.
Il-ħaddiem u ż-żagħżugħ Għawdxi jkun jista jivjaġġa f’inqas ħin lejn Malta u lura mingħajr ma jkollu bżonn jikri, jew il-ġenituri tiegħu jixtrulu xi appartament f’Malta. Ieqfu ġibu l-iskuża tal-Gozo Channel għax meta inġieb l-low cost airline f’Malta ma nġabitx l-iskuża tal-AirMalta. M’hemm xejn x’qed iżomm lil Gozo Channel li jħaddem hu l-Katamaran, jekk il-kumpanija trid.
Importanti li jinżamm bilanċ bejn il-futur u l-preżent. Tajjeb li wieħed iħares lejn il-futur għal ġenerazzjonijiet ta’ warajna iżda l-preżent ma jistax jingħata l-ġenb. “Sa mn’Alla Għawdex imdawwar bl-ilma mhux bl-iskalora għax kieku ilu li għereq u ma salvah ħadd”.