Il-Knisja Għawdxija timxi mal-passi tal-Papa Franġisku: Għawdex jilqa’ 24 żagħżugħ Iraqqin

Proġett Merħba: Proġett li se jiswa lid-djoċesi Għawdxija €35,000

 

Id-Djoċesi ta’ Għawdex u l-Komunità Anglikana qed iniedu l-proġett Merħba: proġett ta’ akkoljenza ta’ grupp ta’ 19-il student u studenta Nisranija, ta’ bejn it-12 u 16-il sena, minn Erbil, fl-Iraq, akkumpanjati minn 5 għalliema Iraqqini li għandhom inqas minn 30 sena.

Dan il-grupp li se jkun ospitat f’appartament tal-Kurja f’Marsalforn bejn il-25 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju, u se jiswa lid-djoċesi Għawdxija madwar €35,000 minħabba l-fatt li biex dawn jinġiebu mill-Iraq, il-passaġġi jiswew wisq.

Skont l-Isqof Mario Grech permezz ta’ dan il-proġett, id-Djoċesi ta’ Għawdex se tkun qed timxi mal-passi ta’ Papa Franġisku fejn irid li f’dan l-iskambju, iż-żgħażagħ Iraqqini jitħalltu ma’ dawk Għawdxin u bejniethom iħalltu l-kulturi, il-lingwa u l-għeruq tagħhom, u fl-istess waqt ikollhom ġimgħa rikreattiva u spiritwali.

 

Mistoqsi x’inhi r-reliġjon ta’ dawn iż-żgħażagħ, l-Isqof qalilna li dawn huma Nsara, iżda mhux Kattoliċi kollha. Tant hu hekk, li flimkien mad-djoċesi Għawdxija hemm involuti f’dan il-proġett il-Knisja Anglikana f’Għawdex.

 

“Il-viżjoni ta’ dan il-proġett hi li jservi ta’ programm ta’ skambju edukattiv li jqiegħed fil-prattika l-prinċipji fundamentali umani ta’ ħbiberija u mħabba, u jseddaq it-tama għal futur aħjar.” L-isqof Grech kompla jgħid li dawn l-adolexxenti Iraqqini li ser jiġu fostna għandhom ħajjithom mhedda minħabba l-ġlied u l-persekuzzjoni li hemm f’dawk iż-żoni. “Għalhekk hija xewqa tagħna li fil-jiem li se jkunu fostna, dawn jerġgħu jimtlew bit-tama ta’ ħajja aħjar u jissaħħu fil-motivazzjoni biex ikomplu fl-impenn tagħhom biex jegħlbu l-isfidi li għandhom.

“Barra minn hekk, permezz ta’ dan il-proġett qegħdin inpoġġu fil-prattika dak li talabna l-Papa Franġisku: li niftħu l-bieb għal dawn ħutna li qed ikollhom jaħarbu minn pajjiżhom. Għalkemm dawn l-adolexxenti mhumiex ‘immigranti’ fis-sens dejjaq tal-kelma, huma ġejjin minn klima ta’ qtigħ il-qalb u biża’ fejn kuljum tiżvolġi d-drama tal-immigrazzjoni.”

Interessanti wkoll il-kliem tal-Isqof ta’ Għawdex fejn qabbel it-theddida ta’ dawn iż-żgħażagħ Iraqqini mat-theddida tal-ħajja tagħna wkoll, “għax meta l-bniedem jingħalaq fih innifsu, jogħdos fl-egoiżmu u jsir jinteressah biss biex isalva ħajtu, huwa jitlef ħajtu! Għalhekk il-preżenza ta’ dawn l-adolexxenti għandha tkun opportunità għalina biex ngħixu l-karità tal-Vanġelu. Min jitlef ħajtu għall-imħabba tal-proxxmu, dan isibha. Għalhekk permezz ta’ dan il-proġett nixtiequ li ngħinu lis-soċjetà tqum minn raqda fonda, tiftaħ għajnejha quddiem dan is-sitwazzjoni tal-imigrazzjoni u ssir aktar sensibbli quddiem din il-karba tal-bniedem. Flok ma niżirgħu l-biża’ u s-suspett, inneħħu l-għamad tar-razziżmu u nkunu solidali ma’ min hu midrub.

“Aħna l-Għawdxin u l-Maltin nafu kemm hemm żvantaġġi għax aħna ‘gżejjer’. Ma nkunux aħna l-bnedmin ‘gżejjer’ maqtugħin mill-bqija, imma minflok infittxu li nibnu l-pontijiet li jagħmluna poplu wieħed. Il-fatt li dan il-proġett qed naħdmuh fi spirtu ekumeniku, huwa xhieda li nħoloq pont bejn il-komunità Kattolika u dik Anglikana. Fadal ħitan oħra x’jaqgħu u pontijiet oħra biex jinbnew.”

Minn fejn ġiet l-idea tal-Proġett Merħba?

L-idea oriġinali li jiġi ospitat grupp ta’ żgħażagħ Insara mill-Iraq f’Għawdex, bdiet bi żjara f’Malta f’Ġunju li għadda ta’ saċerdot mill-Iraq Fr Douglas al-Bazi. Dan is-saċerdot Iraqqin kien ġie mistieden mill-arċipriet tan-Nadur għall-festa, u wara sar dan il-ftehim biex żgħażagħ mill-parroċċa tiegħu minn Erbil, fl-Iraq jinġiebu Malta. Fr Douglas fil-fatt kien persegwitat u ttorturat mill-Istat Iżlamiku u meta kien liberat, iddeċieda li jieħu ħsieb parroċċa f’Erbil, li qed tospita, fost l-oħrajn f’kampijiet, bosta refuġjati minn Mosul u nħawi oħra tal-qrib, li sfaw vittmi tal-persekuzzjoni mill-fundamentalisti Islamiċi.

L-arċipriet tan-Nadur sentejn ilu qara b’din l-istorja fuq l-internet, għamel kuntatt ma’ Fr Douglas u wara li twaqqaf ukoll kumitat apposta li ilu jiltaqa’ għal diversi xhur biex jaħdem fuq il-proġett, ħejja inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi u jipprogramma ż-żjara.

Fil-fatt, biex dawn iż-żgħażagħ jiġu Malta, kien hemm ftehim mal-ambaxxata Taljana biex tingħatalhom viża, iżda kien hemm bżonn li dawn iż-żgħażagħ imorru Baghdad. Il-ġenituri ta’ dawn it-tfal ma ridux ipoġġu lil uliedhom f’periklu li jinħatfu f’Baghdad meta dawn kienu diġà ħarbu minn hemm, u marru Erbil fejn huma siguri. Għalhekk id-djoċesi Għawdxija irranġat mal-gvern Taljan u se joħorġilhom viża mill-konsulat Taljan ħalli ma jivjaġġawx lejn il-belt Kapitali Iraqqina.

Biex jinġabru l-fondi kollha meħtieġa għal dan il-proġett, li jiddependi totalment mill-għajnuna tal-isponsors u l-ġenerożità tal-poplu, ġa bdew jittieħdu diversi inizjattivi, fosthom kampanja ta’ karità bi ġbir ta’ oġġetti użati u anki mkissrin tar-ram, tal-bronż u n-nickel. Hemm kumpaniji Għawdxin li diġà offrew għajnuniet b’oġġetti ta’ ikel u servizzi oħra għal waqt iż-żjara ta’ dawn iż-żgħażagħ.

Il-pubbliku jista’ wkoll jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu lill-Proġett Merħba, Il-Kurja tal-Isqof, Triq ir-Repubblika, il-Belt Victoria, Għawdex.

Il-Knisja f’Għawdex qed tospita żewġ familji ta’ refuġjati

Interessanti ħafna li wieħed ikun jaf li fl-aħħar snin, il-Knisja Kattolika f’Għawdex qajmet diversi drabi d-diskussjoni dwar ir-refuġjati li jaslu f’pajjiżna u l-modi kif bħala Knisja lokali tista’ tikkontribwixxi b’mod konkret, skont il-mezzi tagħha, biex tgħin lil dawn il-persuni. Iktar minn darba, Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, issuġġerixxa l-possibbiltà li tiġi ospitata familja ta’ refuġjati fil-parroċċi Għawdxin. Twaqqfet ukoll kummissjoni ad hoc, immexxija minn Dun Manwel Cordina, biex tagħmel studju u tressaq proposti għal linji gwida ta’ azzjoni pastorali f’dan il-qasam. L-għajnuna lir-refuġjati hija parti mill-viżjoni pastorali mniżżla fil-Pjan Pastorali Djoċesan 2013-2016 u l-Papa Franġisku qajjem dan is-suġġett mill-ġdid fil-kuntest tal-Ġublew tal-Ħniena, fejn issuġġerixxa li kull parroċċa tospita familja ta’ refuġjati.

Id-djoċesi Għawdxija, f’kollaborazzjoni mal-kummissjoni emigranti tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, offriet id-disponibbiltà li tospita żewġ familji ta’ refuġjati, u dan fil-fatt diġà qed iseħħ fl-appartamenti tal-Moviment Azzjoni Soċjali f’Għajnsielem, li huma amministrati mill-Kurja ta’ Għawdex, fejn tinsab ospitata familja ta’ fidi Ortodossa ta’ rit Kopt, mill-Eġittu. Id-Djoċesi ta’ Għawdex marbuta li ssostniha għal massimu ta’ sena.

Biex jiġu megħjuna dawn iż-żewġ familji ta’ refuġjati li qed tospita l-Knisja f’Għawdex, twaqqaf kumitat apposta li flimkien mal-Caritas, isegwi lil dawn il-familji. Barra minn hekk, twaqqaf ukoll fond speċjali, biex imbagħad l-ispejjeż meħtieġa jinqasmu bejn il-parroċċi.

Riċentement, l-Isqof ta’ Għawdex kien issuġġerixxa wkoll li matul il-Ġublew tal-Ħniena, il-parroċċi jiddedikaw ġabra fix-xahar biex jitwaqqaf fond tal-karità.

Min hu Fr. Douglas al-Bazi?

Father Douglas al-Bazi hu saċerdot Kattoliku Iraqqin ta’ 43 sena. Kien imexxi Knisja f’Baghdad ta’ San Elija u fiha kienu jitolbu sew Kattoliċi kif ukoll Musulmani. Il-Knisja tiegħu ġiet bumbardjata u attakkata darbtejn qabel inħataf mill-ISIS fejn anke kienu sparawlu u spiċċa ferut fl-2006, anke jekk dak iż-żmien il-kelma ISIS jew ISIL ma kinitx magħrufa, u kien biss grupp ta’ estremisti Iżlamiċi li llum inbidlu fl-ISIS. Hu nżamm priġunier u kien torturat għal disat ijiem sħaħ fejn kissrulu żewġ ‘vertebrae’ mill-ispina ta’ dahru u farrkulu wiċċu u rkopptu b’martell fejn kissrulu snienu ta’ quddiem u mnieħru. Kien liberat wara li l-knisja Kattolika ħallset is-somma ta’ $170,000 għall-ħelsien tiegħu u ta’ saċerdot ieħor Samy Al Rays. Al-Bazi fl-2013 telaq lejn Erbil, il-kapitali tal-Kurdistan Iraqqin, fejn hemmhekk bena kamp tar-refuġjati li jmexxih hu stess. Kamp għal dawk il-Kristjani li ħarbu mill-persekuzzjoni tar-reġjuni dominati mill-ISIS. Hemmhekk bena skola, librerija u anke djar fejn l-akbar għajnuna finanzjarja tiġih mill-Kanada. F’Erbil illum hemm madwar 3,500 familja Kristjana.

 

More in G?awdex