Żieda ta' 769 ħaddiem full time f'Għawdex
Mis-sena 2013 sa Ottubru 2015 in-numru ta’ ħaddiema Għawdxin full-timeżdied b’769 u ħaddiema part-time żdied 399
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo żar lil Meric Interiors u lil Pauliana Said Accountancy and Tax Consultants. Waqt din iz-żjara lil dawn iż-żewġ kumpaniji Għawdxin, il-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo qal li skont l-aħħar statistika tal-NSO dwar ix-xogħol, mis-sena 2013 sa Ottubru 2015 in-numru ta’ ħaddiema Għawdxin full-time żdied b’769 u l-ħaddiema part-timeżdiedu b’ 399.
Huwa tenna wkoll li n-numru ta’ Għawdxin jirreġistraw għax-xogħol naqas għal 560 f’Marzu 2016 minn 742 fi tmiem l-amministrazzjoni li għaddiet. Dan ifisser titjib ta’ madwar 25 %. Il-Ministru rrimarka li din l-istatistika turi li f’dawn l-aħħar snin wieħed minn kull erba’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol sabu impjieg. Dan huwa ta’ inkorraġġament għax juri li l-ħidma tal-Gvern favur xogħol f’Għawdex għal Għawdxin qed isseħħ.
Anton Refalo ħeġġeġ għal aktar inizjattivi intraprenditorjali innovattivi utenna l-ħtieġa li anki f’Għawdex ikun hemm aktar spażju biex aktar kumpaniji bħal dawn ikunu mħajra biex jinvestu u anke jkabbru l-operat tagħhom.
Meric Interiors tispeċjalizza fl-interior design. Eric Mercieca, interior designer, tenna li minn disinjatur fi żmien meta s-servizz ftit kien jintalab f’Għawdex, irnexxilu jikber b’tali mod li llum sar imprenditur u aġent ta’ kumpanija kbira Taljana, Orsolini. Pauliana Said Accountancy and Tax Consultants ilha topera f’Għawdex mill-2011. Preżentament timpjega żewġ ħaddiema professjonali li jispeċjaliżżaw fis-servizzi relatati ma’ accounting. Sew Mercieca kif ukoll Said spjegaw li huma impenjati li jkomplu joffru s-servizzi tagħhom lill-klijenti tagħhom bl-aħjar mod possibbli.
Il-Ministru Refalo kkummenta li dawn it-tip ta’ kumpaniji huwa l-ideal għalGħawdex. Huwa tenna kif dawn iż-żewġ kumpaniji huma konformi mal-missjoni tal-Gvern li jattira investimenti ekonomiċi ġodda lejn Għawdex. Huwa inkoraġġixxa lil dawn il-kumpaniji biex ikomplu jespandu u enfazizza li l-Gvern huwa impenjat li joffri sostenn lill-investimenti ta’ dawn it-tip.