Aktar ma tmur Għawdex, inqas tħallas

Franco Mercieca jipproponi sistema ta’ cards li tħallas skont kemm tivvjaġġa

Franco Mercieca, id-deputat laburista Għawdxi li kien il-pijunier li xpruna l-idea tal-link permanenti għal Għawdex, din il-ġimgħa fil-Parlament ħareġ b’diversi suġġerimenti biex mhux biss ikun hemm aċċessibbiltà aktar komda għal gżira ta’ Għawdex, iżda l-kumpanija Gozo Channel titmexxa b’mod aktar modern u timmassimizza l-potenzjal li għandha biex tagħmel aktar qligħ.

 

“Hu fatt magħruf li Għawdex qed jitlef il-karatteristika tiegħu minħabba li qed jintilfu l-imħuħ u n-nies ta’ ħila. Filwaqt li l-popolazzjoni qed tonqos minħabba r-rata dejjem tonqos ta’ twelid u qed jonqsu ż-żwiġijiet, ir-rata ta’ mewt qed tkun aktar mir-rata ta’ twelid,” qal Franco Mercieca. “Il-link permanenti hu soluzzjoni fit-tul, iżda x’se nagħmlu llum biex inwaqqfu din l-emorraġija ta’ mħuħ u talent?”

 

Ħafna jaraw li s-soluzzjoni immedjata tkun il-fast ferry, li hu speċi ta’ katamaran li jieħdok il-Belt Valletta f’temp qasir, iżda skont Mercieca dan kien jeżisti fil-passat u ma kienx sostenibbli għax jiswa wisq flus. Għalhekk, skont il-kelliem Laburista Għawdxi, is-soluzzjoni hi li l-Gozo Channel titjieb b’imaniġġjar aħjar. Mistoqsi jekk dan jfissirx li qed jikkritika t-tmexxija taċ-chairman Joe Cordina, Mercieca qalilna, “żgur li le. Anzi Cordina qed jaħdem ħafna u diġà għamel ħafna biex din il-kumpanija tieħu r-ruħ, iżda nemmen li mexjin bil-mod wisq u hemm bżonn aktar bidliet fil-pożittiv.

 

“Is-sistema ta’ biljetti hi waħda taż-żmien l-arka ta’ Noè u għadu jiddependi fuq biljetti mibjugħa min-nies, meta fid-dinja tal-lum imissu hemm magna li wieħed jista’ jixtri l-biljetti minnha jew ikun hemm sistema ta’ pakkett bi prezzijiet skont kemm tużahom, u mhux skont fejn toqgħod. Għax l-akbar problema tas-servizz hi l-istennija biex titla’ l-vapur, u mhux il-qasma bil-vapur li tieħu biss xi minuti inqas minn nofs siegħa,” qal Mercieca.

 

Din il-gazzetta talbitu jgħidilna eżatt xi tfisser li l-prezzijiet ikunu skont l-użu u mhux skont fejn hu l-indirizz. Għal dan, hu wieġeb li għandha ssir differenza bejn persuni li jitilgħu Għawdex regolarment, u dawk li jitilgħu darba kultant. “Għalhekk nemmen li għandu jkun hemm kards li fihom tista’ tixtri 20, 40, 60 vjaġġ u skont kemm tixtri vjaġġi, il-prezz jorħos. Għax il-Malti li jitla’ regolari Għawdex bix-xogħol, għandu jħallas inqas minn dawk li jitilgħu għad-divertiment.” Franco Mercieca qalilna li hu kontra li l-Għawdxi għandu jkun diskriminat pożittivament, u għalhekk hu favur link permanenti biex hemmhekk kulħadd iħallas l-istess, iżda safrattant kif inhi s-sitwazzjoni s’issa, bilfors li l-Għawdxi jkollu jiġi sussidjat, għalkemm jaqbel li anke l-Malti li jaħdem Għawdex għandu jkun sussidjat b’xi mod. “Ma jien ngħid xejn ta’ barra minn hawn. Din issibha kullimkien barra mill-pajjiż, u ma nafx għaliex m’għandhiex tiġi introdotta fil-Gozo Channel.”

 

Mercieca kompla jgħid li hemm bżonn sistema online li wieħed jibbukkja qabel b’servizz ta’ ‘first come first served’, “fejn din tkun ta’ benefiċċju sew għall-passiġġieri kif ukoll għall-kumpanija, għax b’hekk il-Gozo Channel tkun taf kemm għandha persuni bbukkjati u tkun tista’ taġixxi skont id-domanda, u timmassimizza l-użu tal-vapur.”

 

Mistoqsi jekk din tfissirx ‘priority boarding’, Mercieca nnega u fiehem eżatt xi tfisser pre-booking. “Dan ifisser li jkun hemm persentaġġ fuq il-vapur għal min irid jibbukkja u jħallas qabel biex jibbukkja l-karozza tiegħu f’ħin partikolari. Eżempju jekk ibbukkjajt fuq tas-7am, ma tistax titla b’dak il-biljett ma’ tas-7.30am. B’hekk, il-Gozo Channel tkun taf kemm għandha karozzi diġà bbukkjati, u tkun taf id-domanda. Dan is-servizz jingħata meta wieħed imur l-Isle of Wight minn Portsmouth jew l-Isle of Skye minn Malaig. Għax b’hekk, kull persuna wkoll ikollu moħħu mistrieħ li jekk irid jilħaq ajruplan jew appuntament għandu postu żgurat fuq il-vapur, u mhux isibu fully booked u joqgħod jistenna vapur ieħor u jissogra li jitlef l-appuntament li jkollu. U nerġa’ ntenni dan m’għandux iħallas iżjed, iżda l-ħlas ikun normali, u jekk l-20% (eżempju) jkunu mixtrija, allura ma tkunx tista’ tibbukkja post għax is-sistema tkun ta’ first come first served.

 

Id-deputat Laburista tenna li skont l-informazzjoni, jekk wieħed iqabbel kemm il-Gozo Channel iġġorr vetturi u passiġġiera ma’ kemm il-vjaġġ tagħmel jara li l-vapuri jimtlew b’50 fil-mija, u dan ifisser li l-kumpanija tkun qed titlef. “Il-Gozo Channel trid tistudja eżatt x’inhuma l-ħtiġiet tal-konsumaturi tagħha u toħloq il-vjaġġi skont il-ħtieġa li jkun hemm.”

 

L-oftalmoloġista Għawdxi kompla jgħid li l-Gozo Channel għandha tindirizza setturi speċifiċi biex iżżid il-profitt. “Il-Gozo Channel għandha bajda tad-deheb f’idejha u lanqas hi tirrealizza. Għax sempliċi sistema ta’ pre booking, żgur li tgħin biex jitnaqqas il-ħela ta’ ħin għall-passiġġieri u żżid il-qligħ tal-kumpanija,” temm jgħid Franco Mercieca.

 

More in G?awdex