'Tħallux gruppi żgħar “jaħtfu” il- Festa'

L-Isqof Grech jikkonsidra jibqax jieħu sehem f'festi li jħallu ħerba umana, spiritwali u soċjali

Fil-bidu tal-istaġun tal-festi parrokkjali f’Għawdex, dalgħodu, fi tmiem il-Pontifikal tal-Festa ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Parroċċa tal-Munxar, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għamel dan l-appell:

"Nappella lill-komunitajiet parrokkjali biex fl-organizzazzjoni tal-Festa jagħtu widen għal dak li jgħid il-Kappillan. Nuqqas ta’ rispett lejn il-Kappillan huwa nuqqas ta’ rispett lejn l- Isqof. Jekk tinħoloq din l-atmosfera, nikkunsidra nibqax nieħu sehem f’dawn il-festi. L- antiki jgħidu li l-festi huma tempesti; nevitaw li l-Festa issir tempesta li taf tħalli ħerba umana, spiritwali u soċjali. Nirrakkomandalkom biex ma tħallux gruppi żgħar “jaħtfu” il- Festa patrunali u minn ċelebrazzjoni ta’ ferħ u għaqda jirrenduha okkażjoni ta’ tagħjir, tinbix, offiżi u firda. Iħassibni ħafna l-fatt li l-kappillani qed ikollhom jaħlu ħafna enerġija fuq ħwejjeġ sekondarji u xi drabi bla sens, meta jħossu li għandhom japplikaw il-ministeru pastorali tagħhom f’ħidma aktar meħtieġa u urġenti. Jekk jirriżulta li fil-festa esterna jkun hemm elementi bħal dawn, il-Festa ssir ċelebrazzjoni anti-evanġelika u jkollna nirrevedu ħafna affarijiet. Dan jgħodd għall-komunitajiet parrokkjali kollha tad-Djoċesi."

 

More in G?awdex