‘Irrid li kull Għajnselmiż iħossu kburi li jgħix f’Għajnsielem’ – Franco Ciangura
Is-sindku li ma jieqaf qatt joħlom għal Għajnsielem
Ir-raħal ta’ Għajnsielem li hu l-ewwel u l-aħħar impatt Għawdxi għal kull min iżur din il-gżira 4 kilometri baħar bogħod minn Malta, kellu xahar maħnuq bl-attività. Wara r-rebħ tal-Kampjonat Għawdxi u l-ftuħ tal-grawnd b’pitch artfiċjali tal-futbol, infetħet uffiċjalment il-pjazza hekk imsejħa tad-Dehra. Pjazzetta b’monument mill-isbaħ li ngħatat dehra spettakolari mill-Kunsill Lokali mmexxi mis-sindku ħabrieki Franco Ciangura. Sindku li kapaċi jaħdem biex jgħaqqad lokalità flimkien, bla kuluri u timbri biex Għajnsielem mhux biss jitpoġġa fuq il-mappa internazzjonali bis-saħħa ta’ ‘Betlem f’Għajnsielem’ li hu ħolqien tal-istess sindku, iżda kull min iżur Għawdex, dan ir-raħal jibqa’ f’moħħu.
Barra minn hekk, l-istess sindku, meta tkellem ma’ din il-gazzetta, qal li hu jrid li kull Għajnselmiż u kull min jgħix fir-raħal iħossu kburi u jiftaħar li jgħix hemmhekk. Il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-sindku Franco Ciangura u staqsietu x’inhu l-ħolm tiegħu għal din il-lokalità wara sena ta’ ħidma. “Bħalma għamilt bil-proġett ta’ Betlem li s-suċċess tiegħu kien għax ħdimna flimkien u b’viżjoni, se naħdem bl-istess motto: Flimkien nirnexxu bi djalogu u konsultazzjoni.” Ciangura qal li fil-fatt, il-kunsill qed jaħdem mhux biss fi proġetti infrastrutturali imma anke soċjalment fejn jidħlu żgħażagħ, tfal u anzjani.
Ciangura u l-Kunsill tiegħu għalaq sena jmexxi l-lokalita, u f’din is-sena diġà sar ħafna xogħol u ħafna attivitajiet li ammontaw għal madwar 90, fejn is-sindku semma’ l-laqgħat mal-għaqdiet kollha tal-parroċċa, korsijiet tat-tisjir, ħarġiet għall-anzjani, Nutella Fest, Fish Fair, Sports Day, Festa Kemmuna u Għajnsielem Fest. “U dan minbarra li tellajna grupp ta’ artisti f’Tolfa l-Italja għal Tolfa Arte, tellajna n-nursery Ruma għal Tournament, attivitajiet tal-Għid, attivitajiet tal-Karnival għall-ewwel darba, u bla dubju Betlehem f’Għajnsielem.”
Din is-sena Betlehem f’Għajnsielem ingħata l-unut tal-aħjar proġett fil-premju nazzjonali għall-appoġġ tal-intrapriża fejn delegazzjoni marret il-Lussemburgu jikkompetu mal-aqwa lokalitajiet Ewropej, u Għajnsielem spiċċa mal-aqwa 11 fl-Ewropa.
Tlabna lis-sindku jgħidilna x’qed jinħema għal futur qarib, u semmielna proġett partikolari li għandu jara t-taraġ biswit il-Grand Hotel jinkesa bil-mużajk filwaqt li qed jaħdem fuq proġetti ta’ nisġa bejn diversi bliet żgħar Ewropej li se jieħdu sehem fihom sitt pajjiżi barra Għajnsielem u r-Rabat minn Għawdex li huma s-Slovenja, il-Portugall, l-Italja, Spanja u l-Kroazja u se jissejjaħ ‘Vjaġġ għad-demokrazija, koperazzjoni, prosperità u paċi.’ Dan minbarra li hemm inizjattivi għal proġett interessanti mmens li se jieħdu ħsiebu ż-żgħażagħ Għajnselmiżi stess.
Forsi ftit jafu li Għajnsielem hu maqsum f’żewġ partijiet, dik ċentrali bil-parroċċa ta’ Loretu bħala ċ-ċentru u l-parti hekk imsejħa tal-‘Patri’ fejn hemm knisja mmexxija mill-Franġiskani ta’ Sant’Antnin ta’ Padova li tiġi fuq in-naħa tal-Imġarr, viċin il-port jew aħjar ħdejn il-Grand Hotel. Tlabnieh jekk jaħsibx li dawn iż-żewġ żoni humiex mifrudin u x’inhu jagħmel bħala sindku biex in-naħa ‘Tal-Patri’ jħossuhom parti minn Għajnsielem?
“Ma naqbilx li r-raħal hu maqsum. Is-sitwazzjoni hi li billi għandek il-kunvent u l-knisja ta’ Sant’Antnin hemm komunità mdawra magħhom li jħossuhom komdi f’dawn l-akwati u ma jitilgħux fil-parroċċa. Bħala sindku, nagħti l-attenzjoni lil kull parti ta’ Għajnsielem. Eżempju ta’ dan, il-komunità Franġiskana tmexxi tajjeb is-suq ta’ Betlem. Jista’ jkun li fil-passat ’il bogħod kien hemm xi differenzi bejn iż-żewġ komunitajiet, iżda ma naħsibx li s-sitwazzjoni għadha l-istess. Bħala kunsill, aħna għandna wkoll taħt il-ġurisdizzjoni tagħna l-gżira ta’ Kemmuna u l-port tal-Imġarr, u bħala daqs taż-żona, dan jagħmilna wieħed mill-akbar kunsilli f’Malta.”
Franco Ciangura qalilna wkoll li xejn ma jista’ jsir li kieku m’għandux l-għajnuna ta’ sħabu l-kunsilliera, tas-segretarja tal-Kunsill u l-istaff tal-Kunsill li tarahom dejjem iduru mar-raħal inaddfu fejn iħammġu n-nies li mhux kollha jkunu mir-raħal, iżda li jagħżlu li jitfgħu ż-żibel tagħhom fir-raħal.
Min jaf lil Ciangura, jafu bħala persuna ħabrieka, iżda forsi l-poplu Għajnselmiż jaħseb ukoll li dan il-bniedem b’familja ta’ żewġ ulied u li jaħdem Malta, jagħmel ix-xogħol ta’ sindku wara l-ħin tax-xogħol u fi tmiem il-ġimgħa għax ix-xogħol tal-ebda sindku mhu ‘full time’. “Nixtieq li l-Gvern jagħti appoġġ u inċentivi biex is-sindki kollha jkunu f’sitwazzjoni aħjar, bħal meta sindku jmur għal xi laqgħa jew jattendi xi attività, inkella jsiefer biex jirreklama lil pajjiżu jew għal xi proġett li minnu jista’ jġib xi fondi. Hemm ikollu jieħu kollox mil-leave personali tiegħu, u jekk jispiċċa, jkollu jaqleb fuq leave bla ħlas. Dan il-messaġġ qed inwasslu għas-sindki kollha għax ikollna ħafna laqgħat mal-MEPA, stediniet għal prize days eċċ li biex nattendu, jkollna nieħdu l-leave minn tagħna.”
Hawn issemma l-fatt li l-Gvern ħadem u għamel sew meta l-isportivi ngħataw iċ-ċans li meta jippreżentaw lil pajjiżna jingħataw ‘special leave’, u fuq dan il-kunċett tista’ taħdem biex meta sindku jew kunsilliera jirrapreżentaw lil pajjiżhom jew lil-lokalità jingħataw special leave ukoll.
Dwar kif iħares lejn din is-sena bħala sindku, Franco Ciangura qalilna, “kien proprju fl-1 ta’ Mejju tas-sena li għaddiet meta dħalt fl-uffiċċju tal-kunsill biex nibda l-ħidma tiegħi bħala sindku tar-raħal tagħna. Niftakar sew dak il-mument qabel poġġejt fuq is-siġġu, quddiemi rajt mappa kbira ta’ Għajnsielem u f’moħħi bdew ġejjin ħafna ħsibijiet. Ħassejt ukoll bħal piż nieżel fuqi u responsabbiltà li qatt ma ħassejt qabel. Ħassejt li minn issa ’l quddiem għandi nagħmel dak kollu possibbli għall-ġid ta’ Għajnsielem tagħna. Sintendi, mhux waħdi, imma ma’ sħabi l-kunsilliera u mal-poplu Għajnselmiż.
“Issa li għaddiet sena f’dan ir-rwol ġdid tiegħi, nistqarr li mhux faċli, għalkemm ilni impenjat u naħdem għar-raħal tagħna sa minn età żgħira f’diversi għaqdiet u kumitati. Id-differenza hi li fejn qabel kont nistinka u nagħmel minn kollox għall-għaqda li tkun, issa ridt naħseb f’kulħadd u nistinka għal kulħadd: kull persuna, kull għaqda u r-raħal kollu. Il-kunsill jemmen ħafna fl-għaqda, fid-djalogu u l-konsultazzjoni ma’ kulħadd. Irridu lil kulħadd iwassal mhux biss l-ilmenti iżda anke s-suġġerimenti.”
Is-sindku Għajnselmiż temm din l-intervista bi kliem speċjali għall-okkażżjoni tal-ftuħ tal-Pjazza tad-Dehra, “Il-viżjoni li ra Anġlu Grech saret realtà. Bħalma ħadmu flimkien l-Għajnselmiżi ma’ Anġlu u għamlu minn kollox biex ir-raħal li kien fil-bidu tiegħu baqa jikber u jimxi ’l quddiem, aħna għandna nagħmlu bħalhom biex inħallu raħal aħjar milli sibnieh.”
L-Istorja tad-Dehra u l-pjazza
Il-Pjazza tad-Dehra fit-tarf ta’ Wied Simirat hija l-qalba tar-raħal ta’ Għajnsielem, kemm ġeografikament u kemm storikament. Kien f’din il-pjazza li kient tnixxi Għajn Salem – li lilha jaf ismu r-raħal. It-tradizzjoni tgħid li ħdejn din in-nixxiegħa, wieħed mill-ewwel Għansilmiżi rċieva messaġġ divin. U kien ħdejn din in-nixxiegħa li fl-1700, il-Granmastru Raimondo Perellos bena arkata u sitt ħwat tal-ġebel għall-popolazzjoni ta’ Għajnsielem li kienet qiegħda tiżdied ġmielha.
L-istorja tgħid li Anġlu Grech, raħħal imlaqqam tax-Xini u li kien jgħix qrib in-nixxiegħa, kien jieħu n-nagħaġ u l-mogħoż tiegħu kuljum ħdejn Għajn Salem. Waqt li l-merħla kienet tkun tixrob, hu kien jistkenn taħt ħarruba u jdur għat-talb. Jum minnhom, f’dehra lil hinn min-nixxiegħa, jara mara sabiħa liebsa l-abjad li stednitu jwaqqaf statwa tagħha fuq roqgħa art fl-inħawi. Hu fehem li ħaġa bħal dik kienet se tħeġġu fit-talb u tħajjar bdiewa oħra jerfgħu ħsibijiethom lejn Alla.
Anġlu ma tilifx żmien. Qasam ħsiebu ma’ raħħala oħra u fi ftit ġimgħat tellgħu bażi tal-ġebel, naqqxu statwa kbira tal-Imqaddsa Verġni ta’ Loretu u waqqfuha fuq il-pedestall. Sa dak iż-żmien kien għad m’hemmx kappella fl-inħawi u għalhekk, ir-raħħala u l-familji tagħhom kienu jinġabru madwar l-istatwa jgħidu r-rużarju. Iktar tard, l-istatwa tqiegħdet f’niċċa.
Is-sena li fiha seħħew dawn il-ġrajjiet mhix magħrufa. Imma t-tradizzjoni bil-fomm kienet b’saħħitha u waslet għand l-ewwel kappillan ta’ Għajnsielem li niżżilha f’intervisti li għamel lil nies min-Nadur. In-niċċa li nbniet wara, ħajret lill-kappillan tan-Nadur biex kull sena jorganizza purċissjoni f’jum id-dehra. Dakinhar, il-kappillan flimkien mal-kleru tan-Nadur kienu jkantaw l-għasar u jagħmel prietka. Kien fl-1810 li bdiet tinbena kappella.
Il-Monument tad-Dehra
Biex ifakkar il-ġrajja u jagħti dehra ġdida lill-Pjazza, il-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem bena monument li ġie inawgurat fit-18 ta’ Jannar 1998. Il-kunsill ta’ dak iż-żmien immexxi mill-eks sindku Frans Cauchi u kunsilliera, Joseph Camilleri, Charles Spiteri, Stephen Mercieca u Imperio Portelli, ħadu l-inizjattiva biex sar monument u pjazza kif jixraq għal din l-istorja tad-dehra.
Il-monument, imnaqqax mill-iskultur Michael Camilleri Cauchi jikkonsisti fi statwa li tfakkar id-dehra lil Anġlu Grech – raħħal minn Għajnsielem li kuljum kien jieħu n-ngħaġ tiegħu jixorbu mill-għajn li kien hemm fil-post. Jingħad li fid-dehra ġie mitlub jagħmel statwa tal-Madonna ta’ Loretu. Il-parroċċa taf il-bidu tagħha lill-istorja ta’ din id-dehra. Il-perit David Mallia ddisinja l-monument u s- Emanuel Saliba minn Għajnsielem ħadem ix-xogħol tal-ġebel.
Tisbiħ tal-Pjazza tad-Dehra
18-il sena wara nħass il-bżonn li din il-pjazza u anke l-monument jingħataw dehra ġdida, aċċessibbiltà aħjar għal kulħadd u li tikkumplimenta sew ukoll il-proġett tal-Għajn tal-Ħasselin. Riċentement, il-Kunsill Lokali sebbaħ il-Pjazza tad-Dehra bil-bażi tal-irħam tal-funtana, ċangatura, tapit tal-ħaxix, dawl ġdid u pontijiet tal-injam. Il-proġett sar bl-għajnuna tal-fondi tal-Unjoni Ewropea u ġie inawgurat fid-29 ta’ Mejju, 2016.