'Divorzjati u miżżewġa mill-ġdid jistgħu jgħixu fil-grazzja t'Alla'

Iħeġġeġ lil kleru Għawdxi li dawn għandhom jingħataw is-sagramenti għax il-Papa qal 'IVA'

Fis-Seminarju ta’ Għawdex l-Isqof Mario Grech ippreżenta l-Eżortazzjoni appostolika post-sinodali Amoris laetitia lill-kleru tad-Djoċesi, fejn fost diskors mill-aktar interessanti ġibdet l-attenzjopni parti mid-diskors fejn l-Isqof Grech ħeġġeġ lil kleru tad-djoċesi Għawdxija biex bħala Knisja jimxu max-xewqat tal-Papa, li l-Knsija tilqa fiha lil dawk li jridu jkomplu jħobbu lill-Alla u jagħtu s-sagramenti lil min jilqagħhom b'imħabba.

"Bħala regola, dawk li huma divorzjati u miżżewġa mill-ġdid ma jistgħux jirċievu s-sagramenti; imma l-Papa jgħid li “minħabba l-kundizzjonamenti u l-fatturi attenwanti, hu possibbli li, f’sitwazzjoni oġġettiva ta’ dnub – li mhijiex suġġettivament ħatja jew mhijiex ħatja b’mod sħiħ – wieħed jista’ jgħix fil-grazzja ta’ Alla, jista’ jħobb, u jista’ anki jikber fil-ħajja tal-grazzja u tal-imħabba, huwa u jirċievi l-għajnuna tal-Knisja għal dan il-għan” (305). F’ċeri każi, din l-għajnuna “tista’ tkun anki l-għajnuna tas-sagramenti. Għaldaqstant infakkar lis-saċerdoti li l-konfessjonarju m’għandux ikun sala tat-tortura imma l-post tal-miżerikordja tal-Mulej. Bl-istess mod, nirrimarka li l-Ewkaristija mhijiex il-premju tal-perfetti, imma hi d-duwa b’saħħitha u ikel għad-dgħajfin” (305, nota 351). Għal dawk li għandhom dubju jekk din l-Eżortazzjoni bidlitx id-dixxiplina li tirregola ċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti u l-persuni divorzjati u miżżewġa mill-ġdid, infakkar li għal mistoqsija li saritlu dwar dan is-suġġett fil-konferenza stampa waqt li kien qed jirritorna minn Lesvos għal Ruma, il-Papa Franġisku wiegeb: “Iva”.

 

L-Eżortazzjoni tistabbilixxi li d-dixxerniment għandu jsir skont it-tagħlim tal-Knisja u l-orjentamenti tal-Isqof. Dan jiżgura li l-Maġisteru tal-Knisja ser jibqa’ l-gwida. Ħadd ma jista’ jgħid li qegħdin naċċettaw is-suġġettiviżmu morali jew li warrabna l-kmandamenti! Fl-istess dokument hemm lista ta’ sitt kriterji (300):

  1. eżami ta’ kuxjenza b’waqtiet ta’ riflessjoni biex wieħed jagħraf ir-responsabbiltajiet tiegħu/tagħha u jekk ikollu ħtija, jindem minnha;
  2. jeżamina r-responsabbiltà tiegħu ta’ ġenitur billi jara kif huwa jkun ġab ruħu ma’ wliedu meta tkisser iż-żwieġ;
  3. jara kienx hemm tentattivi ta’ rikonċiljazzjoni u jekk is-sitwazzjoni hijiex waħda irreversibbli;
  4. jistħarreġ saritx karità u ġustizzja mal-partner u mal-ulied;
  5. jiżen x’effett ser ikollha r-relazzjoni ġdida fuq il-bqija tal-familja u l-komunità;
  6. ikejjel x’effett ser ikollha din ir-relazzjoni ġdida fuq dawk li qegħdin jippreparaw għaż-żwieġ.

 

Kollox juri li din il-pastorali mhix waħda ħafifa u ta’ malajr, imma waħda impenjattiva sew li tgħabbina b’ħafna responsabbiltà quddiem il-persuni, quddiem il-Knisja u quddiem Alla. Nafu li ma għandniex “riċetti ħfief” (298). Nirrakkomanda li ħadd ma jaħrab minn din ir-responsabbiltà u li ħadd ma jittratta dawn il-persuni b’mod leġġer. La huwa l-każ li nkeċċu dawn il-persuni mill-konfessjonarju u lanqas huwa każ li naħarqu t-tappi tal-proċess tad-dixxerniment u nibagħtu l-messaġġ li xejn ma hu xejn. Ma rridux inkunu riġidi imma lanqas noħolqu morali doppja."

 

 

More in G?awdex