‘Inħossni mannekin, imlibbes ħafna imbarazz bħala parti mit-tiżjin tal-festa’ - l-Isqof Grech
“Dawk l-uħud li jinkwetawna u jaqbżu l-linja, ftit jew xejn jimpurtahom mill-komunità Kristjana. Jinkwetawna gruppi ta’ żgħażagħ li qed jiktbu kant u marċijiet biex jinsulentaw komunità oħra'
Fil-festa ta’ San Pawl fil-Munxar, l-Isqof Mario Grech tela’ fuq il-pulptu tal-Knisja mneżża’ minn kull ilbies taċ-ċerimonji u wassal messaġġ li ħalla ħafna fidili kemxejn inkwetati meta dan qal b’mod determinat li l-komunitajiet m’għandhomx iħallu xi gruppi jaħtfu l-festa taħt idejhom. Għamel ukoll theddida meta qal li jekk jibqa’ jsir dan, hu bħala Isqof ma kienx lest li jattendi għall-ebda festa.
Interessanti l-fatt li kontra dak li jsir f’Malta, il-festi esterni f’Għawdex isiru mill-Kappillan, jiġifieri mill-Knisja u mhux mis-soċjetajiet tal-banda jew tal-armar bħalma jsir f’Malta u fiż-żewġ festi tar-Rabat Għawdex. Għalhekk, ir-responsabilitajiet finanzjarji u tal-organizazzjoni kollha tal-festa jaqgħu taħt il-Kappillani rispettivi tal-parroċċi.
L-ILLUM għalhekk iddeċidiet li tagħmel kuntatt mal-Isqof t’Għawdex u tkun taf aktar fid-dettal għaliex hu ħass li jibgħat dan il-messaġġ iebes eżatt mal-ewwel festa Għawdxija, dik ta’ San Pawl tal-Munxar.
“Dak il-messaġġ għamiltu għaliex huma diversi kappillani li jiġu għandi bħalma l-ulied imorru għand il-missier li huma mtaqqlin mill-festa minħabba inkwiet li m’għandniex bżonnu. Wieħed minn dawn hu minħabba li hemm gruppi ta’ żgħażagħ li qed jiktbu kant u marċijiet biex jinsulentaw komunità oħra. Il-komunità l-oħra ssir taf bihom u tagħmel l-istess u l-borma tibda tagħli. Mela l-festa qiegħda hemm biex nissuttaw lil xulxin u nifirdu l-kommunitajiet flimkien? Dawn huma l-ftit, iżda għandhom ħafna ħoss.
“Il-festi huma xi ħaġa sabiħa ħafna b’aspetti pożittivi. U mhux ix-xewqa tagħna li dawn l-elementi pożittivi nwaqqfuhom jew infixkluhom,” beda jgħid l-Isqof Grech. “Iżda essenzjalment, il-festi huma ċelebrazzjoni reliġjuża u allura dawk l-elementi li jistgħu jikkontradixxu l-aspett Kristjan fil-festi jinkwetana ħafna. Mhux lili biss bħala isqof, iżda wkoll lill-kappillani u lil-lajċi. Sakemm il-festi jibqgħu espressjoni tat-twemmin tagħna, aħna m’aħniex se nfarfru spallejna minnhom, anke jekk huma piż mhux żgħir.”
Hawnhekk l-Isqof Grech qalilna li hu jiltaqa’ mal-Kappillani mill-inqas darba fix-xahar, “u f’dawn l-aħħar snin qishom dejjem isemmuli din l-antifona, li l-festi tant saru toqol għall-komunità parrokkjali u qed joħdulhom ħafna mill-enerġija tagħhom. Għax il-missjoni tal-kappillan, mhux biss il-festa. U dawn jgħiduli li l-festi qed jixorbulhom ħafna mill-enerġija tagħhom u ftit jibqgħalhom biex jagħmlu dak li għandu jagħmel il-kappillan.”
L-Isqof Grech kompla jgħid ukoll x’inhu eżatt il-kompitu ta’ kappillan fil-komunità. “L-irwol tal-kappillan hu li jipprietka l-vanġelu mhux minn fuq l-artal, iżda jorganizza laqgħat, isegwi l-individwi, iżur l-familji u jpoġġi jdejh regolarment fuq il-pjagi tal-komunità parrokkjali. Dan ma jfissirx li l-festa ma tidħolx fl-ekwazzjoni tal-pastorali tagħna, iżda qed inħallsu prezz għoli.”
Dun Mario kif iħobb li wieħed isejjaħlu meta jkun qed jitkellem miegħu, qalilna wkoll li l-festa mhix organizazzjoni żgħira u trid ħafna nies u ħafna xogħol biex tiġi organizzata festa. “Il-volontarjat sar jiswa mitqlu deheb u n-nies mhux qed jiżdiedu, iżda n-numru tagħhom qed jiċkien. Hemm ukoll il-piż finanzjarju għax festa tiswa eluf kbar. Aħna anke hawn qed nitolbu l-moderazzjoni, iżda hemm min qed jagħmel ċertu infieq li ma jkunx jiddependi mill-kappillan iżda xorta taħt il-kappa tal-festa. Ċertu eżaġerazzjonijiet u ħela, qed jeħlu biha l-kappillan jew il-knisja u l-verità hi li ma jkunx hekk.
“Per eżempju fin-nar, hemm min qed jeżaġera ħafna u aħna ma naqblux miegħu u ma nixtiquhx. Il-kappillan għandu baġit limitat, iżda hemm min jiġbor il-flus minn grupp ta’ nies u jagħmillek ħarqa żejda u jitfagħha man-nar tal-festa tal-kappillan u l-poplu jaħseb li l-flus kollha tan-nar ikunu ħarġu mill-Knisja u dik ma nistgħux nikkontrollawha.”
Tkellimna wkoll dwar l-armar li f’Għawdex dejjem qed jiżdied, fejn kull raħal qed jikkompeti mal-ieħor, “l-armar fih innifsu hu xi ħaġa sabiħa u li tara tant żgħażagħ miġburin fl-imħażen tal-armar fejn mill-għada tal-festa jibdew jaħsbu għall-festa ta’ wara fejn japplikaw it-talenti tagħhom biex iżejnu u kultant jagħmlu anke opri artistiċi hi xi ħaġa tajba. Iżda anke hawnhekk, ħabib tiegħi irid ikun hemm moderazzjoni.” Dun Mario qalilna li dawn normalment mhumiex piż finanzjarju fuq il-knisja, “iżda xorta f’isem il-festa. Minkejja kollox, il-festa tibqa’ piż fuq dahar il-kappillan.”
L-Isqof t’Għawdex qal ukoll li l-festi għandhom aspett ekonomiku u kummerċjali fuq il-lokalità, “fejn jekk niddeċiedu li l-festa nnaqsuha għal tlett ijiem flok ħamsa, jew inkella ma nagħmluhiex, l-ewwel li joqomsu huma tan-negozju, għax tifhimha. Hu fatt rikonoxxut li hi l-qafas tal-ħajja soċjali tagħna fejn in-nies jiltaqgħu ma’ xulxin fil-ġranet tal-festa. Anke l-aspett turistiku. Dan kollu jfisser li l-festa hi magna tajba għall-komunità. Iżda dan m’għandux jitgħabba bihom il-kappillan biss jew il-parroċċa biss, għax hemm ċerta spejjeż li jkollu jħallashom il-kappillan, bħad-dwal tat-toroq, il-meters tad-dawl, il-fire engine u l-pulizija. Mhux qed ngħid li mhux bżonnjużi, iżda fi tmiem il-festa, il-kontijiet jaslu kollha fuq il-mejda tal-kappillan u jrid ikun hu li jara kif se jibbilanċja l-kontijiet.”
L-Isqof Grech qal li l-festa qed tiswa eluf kbar lill-Knisja, għalhekk il-mistoqsija tagħna kienet jekk hu bħala Isqof u l-kappillani tiegħu jħossux li hemm nies fil-konfini tal-faqar li għandhom bżonn għajnuna finanzjarja u jekk il-faqar għandux ikun prijorità fuq l-infiq sfrenat fil-festi. “Kif diġà għidt, il-kappillan jrid ipoġġi jdejh fuq il-feriti tal-komunità, u l-faqar hu waħda minn dawn il-feriti. F’dawn l-aħħar xhur, ġew xi erba’ kappillani li talbuni biex jagħtu xi għajnuna lil xi parruċċani. Kien hemm wieħed qalli li hemm raġel tal-familja daħal f’dejn kbir u jekk ma ngħinuhx kien se jfarrak familja sħiħa. Għandna każ li jrid imur l-Ingilterra fuq mard. Ieħor ta’ xi ħadd li għandu bżonn jitgħallem u l-familja m’għandhiex biex issostnih. Kien hemm mara li kienet għaddejja minn każ ta’ annullament u ma kellhiex biex tħallas psikjatra li tant kellha bżonnu. Jien ngħidilhom jagħlqu għajnejhom, ikunu responsabbli u jgħinuhom. Il-kappillani jagħmlu xogħol tad-deheb, u dakinhar fil-Munxar, il-kliem tiegħi kien kliem ta’ sapport għall-kappillani. Għalhekk għidt li min ma jirrispettax lill-kappillan mhux jirrispetta lill-Isqof, u b’hekk ninkwieta ħafna meta l-festa titlef id-dimensjoni Kristjana.”
‘Iżda l-festi jressqu aktar nies lejn il-Knisja?’ staqsietu din il-gazzetta. “Ma nistax nagħmillek stqarrija ġenerika. Żgur li l-festi huma opportunità biex il-komunità tinġabar aktar fil-knisja jew madwarha. Jekk il-festa tkun li tlaqqa’ flimkien il-familji li huma mxerrdin, hu evanġeliku. Iżda fil-qafas tal-festa għandna persuni li la huma qrib u lanqas joqorbu lejn il-knisja fl-okkażżjoni tal-festa u wħud minnhom jippretendu li jkollhom parti prinċipali fil-festa. Il-kappillani jgħidulna li dawk li jinkwetawna u li jaqbżu l-linja, ftit li xejn jimpurtahom mill-ħajja vera tal-komunità nisranija.”
Dun Mario wera diżżappunt ukoll għall-amministrazzjonijiet governattivi li jiftaħru u jirreklamaw lill-gżira b’turiżmu reliġjuż u qatt ma jgħinu lill-Knisja li jkollha wkoll tħallas il-pulizija, id-dawl tat-toroq, il-meters tal-elettriku u anke l-fire engines. “Jekk issir festa tal-ġobon ngħinu, jekk issir festa tal-fjuri ngħinu, iżda meta ssir festa patronali dik inħallu lill-komunità tħallas. Bil-VAT b’kollox. Dan barra l-assigurazzjoni li trid tħallas. Dan pakkett li qed terfgħu l-komunità parrokkjali biex toħloq attività u tiġġenera l-ekonomija. Għaliex ma jiġix rikonoxxut?”
Stasejnieh jekk dan il-messaġġ iqisux bħala theddida li anke lest li jwaqqaf xi festi jekk l-messaġġ ma jingħatax kasu, “Naħseb li kien hemm fosthom min qal li l-Isqof jista’ ma jiġix, iżda tal-inqas irrid li l-komunità tal-Knisja ma tħallix lill-kappillan waħdu. Dawk in-nies serji li jixtiequ li l-festa tibqa’ mument fejn tinġabar flimkien madwar ir-ragħaj, allura tħallux lill-kappillan waħdu. Għinuh li jkun jista’ jnaqqar dan il-ħaxix ħażin li qed jikber. Jien s’issa m’għandix f’moħħi li ma mmurx f’xi festa, anzi irrid immurhom kollha.”
Sentejn ilu, l-Isqof Grech waqaf jagħmel il-paniġierki ta’ kull festa u staqsejnih jekk kinitx din l-istess raġuni li hu waqaf jagħmel il-paniġierki. “Le, waqaft għax jien ippruvajt nagħti l-ħobż u wħud mill-komunitajiet qaluli li l-ħobż tiegħi ma jriduhx. Kemm se ddum tisma’ li ma jridux minn dan it-tip ta’ ħobż? Kien jiswieli sajf ta’ sagrifiċċju u kien hemm min għadu jippreferi ħafna għajjat u kliem vojt milli ħaġa aktar sostanzjali u waqaft wara tmien snin. Iżda jien lil qassisin kont bgħattilhom nota biex il-predikazzjoni jadattawha għaż-żminijiet tal-lum.
“Jien kultant inħossni qisni mannekin. Ilibbsuni ħafna imbarazz (ilbies liturġiku li fis-sajf joqtlok) u jkunu jriduni bħala parti mit-tiżjin tal-festa u jien għidtilhom li m’iniex lest inkun parti mit-tiżjin tal-festa.”
L-Isqof Grech temm billi qal li hu japprezza l-enerġiji ta’ dawk li jaħdmu għall-festa u m’għandu l-ebda ħsieb li jwaqqaf xi festa. Semma wkoll il-fatt tas-sokor sfrenat waqt xi marċijiet fejn talab li jkun hemm sorveljanza minn min suppost jara li tfal taħt l-età, ma jixorbux xorb alkoħoliku.