It-tiġrijiet taż-żwiemel fit-toroq t’Għawdex: Tradizzjoni jew Sport
- It-Tarmak ma jagħmilx ħsara liż-żiemel iżda jbati ħafna fis-sħana
F’Għawdex għad hemm it-tradizzjoni li fil-festi tal-irħula, ħafna minnhom jorganizzaw tiġrijiet taż-żwiemel fit-toroq prinċipali. Normalment jiġu organizzati f’għaxar irħula, iżda din is-sena se jkunu organizzati fi tmien irħula wara li l-Għarb u n-Nadur m’organizzawhomx.
Dawn it-tiġrijiet joħolqu diversi kontroversji speċjalment minn dawk l-attivisti favur l-annimali fejn iqisu li dawn it-tiġrijiet huma moħqrija għall-istess bhejjem. Iżda l-Għawdxin iwieġbu li din hi tradizzjoni Maltija li ma tistax tinqata’.
L-ILLUM tkellmet ma’ diversi esponenti li jorganizzaw dawn it-tiġrijiet biex inkunu nafu eżatt xi jsir fejn qalulna li mhux minnu li ż-żwiemel ibatu meta jiġru fuq it-tarmak, għax dawn jiġu mniegħla (jitpoġġielhom nagħal) b’suletti shock proof. Kien hemm min qalilna li ż-żiemel ibati bis-sħana u għalhekk li għal dawn l-aħħar għaxar snin, it-tiġrijiet ta’ San Ġorġ saru filgħaxijiet. “Iżda biex tagħmilhom filgħaxija, irid ikollok triq imdawla sew fejn jiġru,” sostna wieħed mill-organizzaturi tat-tiġrijiet ta’ San Ġorġ.
Hu fatt reali li għal dawn it-tiġrijiet jieħdu sehem ħafna dilettanti u sewwieqa Maltin fejn kultant ikunu aktar minn dawk Għawdxin u dan jiġbed turiżmu intern enormi għal Għawdex. Fil-fatt, għat-tiġrijiet ta’ San Ġorġ li jsiru nhar ta’ Tnejn tal-ġimgħa tal-festa jaħdmu ħames vapuri żejda għal dawn it-tiġrijiet. Anke l-fatt li f’Malta għadhom isiru xi żewġ tiġrijiet fit-toroq, bħal dik tal-Imnarja fir-Rabat, qed iressaq lil ħafna dilettanti Maltin li jmorru lejn Għawdex.
Organizzatur ieħor qalilna li fil-ġurnata tal-lum hemm ħafna kuxjenza fuq l-annimali anke mill-istess dilettanti u għalhekk hemm bżonn li f’kull tiġrija jkun hemm ‘rails’ mal-korsa kollha u nies responsabbli mis-sigurtà kull tant metri għax ħafna mid-dilettanti tant jentużjażmaw ruħhom li meta jkunu deħlin iż-żwiemel, joħorġu fin-nofs b’konsegwenza li jista’ jkun hemm xi inċident, anke fatali. Għalhekk minn din is-sena, l-organizzaturi qed jintalbu jagħmlu assigurazzjoni ta’ €1 miljun, li tiġi tiswa lil kull organizzatur €315.
Dawn it-tiġrijiet jiswew lil min jorganizzahom madwar €10,000 għal kull avveniment, fejn il-flus jinġabru minn dawk li jieħdu sehem u jkun hemm madwar 25 jew 30 tiġrija f’kull avveniment li joħloq kummerċ kbir fl-irħula rispettivi. Minkejja dan, it-tiġrijiet ta’ Sannat u ta’ Santa Marija huma mħallsin mill-Gvern għax dawn jagħmlu parti mit-tradizzjoni u kienu l-ewwel.
Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu ġie f'idejja programm tat-tiġrijiet tal-bhejjem li saru f'ġieħ San Ġorġ li jmur lura għas-16 ta' Lulju 1967. Il-kategoriji kienu varji b'parteċipazzjoni inkoraġġanti. Jista’ jiġi nnutat li anke jekk il-mezzi kienu limitati, it-tiġrija ta' San Ġorġ kienet diġà kisbet popolarità mal-Maltin, mhux bħala spettaturi biss imma anke fil-parteċipazzjoni, b'aktar minn nofs il-bhejjem parteċipanti jiġu minn diversi rħula Maltin.
It-tradizzjoni u l-għan baqa' wieħed, però ż-żmien u l-progress biddel mhux ftit mill-format tal-organizazzjoni. Il-ġurnata tal-Ħadd li wara anke kienet għas-Sibt llum tressqet għat-Tnejn biex tiftaħ il-festi esterni il-premijiet li minn palju ghadda ghat-trofew u riċentament għall-aċċessorji tal-bhejjem jew vouchers u saħansitra l-kategoriji fejn ħmir u bgħula nqatgħu mit-triqat u b'konkorrenza massiċċa żdiedu ż-żwiemel impurtati tat-trott.
It-triq biss ma nbidlitx, it-triq li sawret isimha minn dawn l-avvenimenti prinċiparjament f'Lulju u Awwissu, li jseħħu fil-belt Vittorja. Anke jekk Triq it-Tiġrija mhix Piazza del Popolo ta’ Siena, tagħmilha differenti u aktar intima bl-abitazzjoni li żżejjinha.
Għad fadal fejn isir titjib, fejn hemm bżonn regolamenti uniformi għal kull tiġrija biex ikun hemm kontinwità, dixxiplina u serjetà. L-ispettaturi għandhom jiġu akkomodati aħjar u f’aktar sigurtà. Ħafna drabi bl-emozzjoni, ansjetà jew kurżità, l-ispettaturi qed jazzardaw wisq, u għalhekk l-organizzaturi jridu joffru alternattiva viżwali u aktar moderna, forsi anke fuq big screens u kummentarju ħalli jitnaqqas dan ir-riskju. Dan kollu jista’ jwassal għal marketing tajjeb li mhux biss iġib lejn Għawdex turiżmu intern, iżda wkoll dawn it-tiġrijiet jiġu publiċizzati għat-turisti li żgur li jgħoxew ikunu preżenti għal dawn l-avvenimenti tradizzjonali. Għandu jkun hemm aktar insistenza mill-animal welfare li jkun hemm assistenza ta’ veterinarju f’kull avveniment. Forsi wkoll anke li jinqata’ l-frustin li jdejjaq ħafna lil organizazzjonijiet favur id-drittijiet tal-annimali u ma naħsibx li jagħmlu daqshekk sabiħ mat-tfal li jkunu preżenti, għalkemm f’ħafna tiġrijiet dan qed jinqata’.
Forsi huma tiġrijiet li joħolqu l-kontroversja, iżda joħolqu wkoll interess qawwi mhux biss mid-dilettanti taż-żwiemel iżda wkoll mill-pubbliku li jattendi bi ħġaru jara kull tip ta’ tiġrija, speċjalment dawk l-aktar spettakolari fuq id-dahar ta’ diversi bhejjem. Tiġrijiet li jdumu sigħat sħaħ u jimlew ir-raħal kollu b’attività kummerċjali mill-aqwa. Huma tradizzjoni li ġejja minn żmien il-Kavallieri, tradizzjoni li kważi impossibbli taqtagħha mill-gżira Għawdxija li għalihom dan l-avveniment hu parti mill-festa tagħhom.