Ir-Redcoats: Minn Għajnsielem għall-Olanda

Għall-ewwel darba, il-klabb tas-softball Għawdxi, Għajnsielem Red Coats se jmorru kamp ta’ taħriġ fl-Olanda

 

Għall-ewwel darba, il-klabb tas-softball Għawdxi, Għajnsielem Red Coats li dejjem qed jikber fl-istatura tiegħu se jmorru kamp ta’ taħriġ fi Heerhugowaard, l-Olanda. Dan hu l-ewwel kamp ta’ taħriġ tagħhom barra l-pajjiż u se jirbħu esperjenza kbira meta se jagħmlu t-taħriġ tagħhom mat-tim ta’ Heerhuowaard Herons tal-lokal. Dan il-kamp se jsir bejn l-10 u l-15 ta’ Lulju.

Dan se jgħin biex itejjeb il-fundamentali tas-softball fil-plejers u fl-istess ħin jgħin biex tinbena ‘team spirit’ bejn il-plejers.  Fl-istess ħin, dawn iż-żgħażagħ Għawdxin se jkollhom ċans igawdu l-ambjent Olandiż, jagħmlu ħbieb ġodda u jitgħallmu fuq kulturi differenti u forsi wkoll aktar liberali, waqt li jaraw pajjiż ġdid bl-eskursjonijiet li se jkollhom matul dan il-kamp fejn barra Kaarlem u Alkmaar se jagħmlu żjara wkoll fil-belt Kapitali, Amsterdam.

Tkellimna mal-fundatur u l-għalliem ta’ dan il-club, Josef Scicluna li qed iħabatha ma’ klabbs Maltin fil-kampjonat anke jekk it-tim Għawdxi hu magħmul minn tfal u żgħażagħ filwaqt li dawk Maltin huma magħmula minn adulti. “Għalhekk dan il-kamp għandu jgħinhom jiżviluppaw attitudni professjonali u jifhmu kif trid tgħolli l-livell tiegħek li tilgħab fuq livell tal-kbar.” Joseph Scicluna fil-fatt se jkun wieħed mill-coaching staff li flimkien ma’ żewġ Olandiżi, Sandra Gouverneur, u l-pitching coach Annette Van Opzeelandand se jmexxu dan il-kamp.

Din l-opportunità ġiet meta l-kowċ nazzjonali Taljan tas-Softball, Kate Gentile żaret Għawdex f’Marzu li għadda biex tmexxi kamp ta’ taħriġ ta’ tlett ijiem li sar f’Għawdex u għenet biex jsiru l-kuntatti mal-club Olandiż. Waqt dan il-kamp se ssir partita ta’ ħbiberija bejn il-Herons u Għajnsielem u anke partita ta’ esibizzjoni fejn il-plejers jitħalltu ma’ xulxin u joħorġu żewġ teams imħalltin bejn iż-żewġ klabbs.

Biex dan il-klabb ta’ suċċess minn Għajnsielem irnexxielu jiġbor il-finanzi għal dan il-kamp kellu bżonn għajnuna finanzjarja biex il-prezz jitnaqqas għall-minimu biex dawn iż-żgħażagħ imorru għal din l-esperjenza kbira. Barra li ġew organizzati attivitajiet li minnhom inġabru xi fondi, kien hemm benefatturi u sponsors li għenu lil dan il-klabb bħal, Jesmond Mizzi Financial Advisors, Eurochange Financial Services Limited, Ta' Dirjanu Supermarkets, The ClubHouse - Burger 804, The Grand Hotel, Left Field University, u anke l-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem.

 

More in G?awdex