‘L-ISIS għandhom is-saħħa tal-armi, imma aħna għandna s-saħħa tal-fidi’

'Ma niċħad qatt ir-reliġjon Kattolika anke quddiem il-mewt' żagħżugħ Iraqqin ta' 26 sena

Iż-żgħażagħ Iraqqini ma' dawk tan-Nadur
Iż-żgħażagħ Iraqqini ma' dawk tan-Nadur

Ikolli nammetti li meta ftit tal-ġimgħat ilu ħabbart fuq din il-paġna li żgħażagħ Iraqqini se jkunu mistiedna f’Għawdex mid-djoċesi Għawdxija, kelli impressjoni differenti ta’ dawn l-Iraqqini. Stennejt żgħażagħ li joħolmu li jitilqu mill-Iraq, żgħażagħ imkissra mentalment bil-gwerra u bit-theddida tal-ISIS wara darhom speċjalment minħabba li huma Nsara. Iżda dawn iż-żgħażagħ ta’ 14 u 15-il sena flimkien mal-għalliema tagħhom, mhux biss jemmnu fil-futur ta’ pajjiżhom anzi qed jitgħallmu biex ikunu l-mexxejja tal-futur tal-Iraq. Huma stess stqarru li ma jridux iħallu l-pajjiż li tant iħobbu għax pajjiżhom hu sabiħ ħafna u hemm ħajja u poplu li jgħix b’mod normali.  Anzi huma qed jistiednu lill-Maltin iżuru ż-żona fejn jgħixu huma li hi żona bla gwerra u mimlija żgħażagħ ferħana u kuntenti. Jgħidulna wkoll li l-Iraq mhux biss dak li l-media ġġib fuqu, għax skont il-proverbju tagħhom, ‘l-aħbar il-ħażina tiekol dik it-tajba.” Dawn l-istudenti ma ġewx Għawdex għall-karità u lanqas biex jaħarbu mill-gwerra. Ġew biss jiltaqgħu ma’ kulturi oħrajn u jieħdu esperjenza għax jemmnu li huma l-futur ta’ pajjiżhom.

L-ewwel kuntatt tiegħi ma’ dawn iż-żgħażagħ kien fil-kumpless tax-xiri, Arkadia fejn bħal kull żagħżugħ u żagħżugħa Maltija bdew jiġru minn dittà għall-oħra u fi spazju ta’ siegħa imtlew kollha basktijiet tal-aqwa ditti li ħallsuhom minn bwiethom u mhux mogħtija minn xi karità. L-għada ltqajt magħhom fiċ-ċentru parrokkjali taż-żgħażagħ f’Għajnsielem fejn ġew mistiedna miż-żgħażagħ Għajnselmiżi għal ikla u serata flimkien. L-ILLUM kienet mistiedna fejn tkellmet ma’ wħud minnhom, u waqt l-ikla ddiskutejna ftit il-ħajja fl-Iraq, u l-mod kif tkellmu dawn iż-żgħażagħ kien ferm differenti minn dak li stennejt.  

“Aħna rridu nkunu l-mexxejja tal-Iraq tal-futur,” qaltilna Hilda Shangula ta’ 14-il sena. “Irridu nuru lill-Ewropa li aħna żgħażagħ li ngħixu ferħanin. Għandna ħajja u futur għax l-Iraq mhux biss gwerra hemm u l-media tkabbar ħafna iżjed milli hemm. Il-media ġġib biss in-negattiv u fl-Iraq hemm iżjed pożittiv,” qaltilna Avesta Elias ta’ 15-il sena li bħall-oħrajn tgħix fin-naħa ta’ fuq tal-Iraq, meqjus bħala l-Kurdistan. Dan minkejja li ftit kilometri ’l bogħod hemm it-theddida Iżlamika.

“Aħna ma naħsbux dwar l-ISIS u l-gwerra, aħna ngħixu ħajjitna. Fejn ingawdu bħaż-żgħażagħ l-oħra ta’ madwar id-dinja, bid-discos u ċinema u bil-ferħ kollu li ġġib iż-żgħożija,” qaltilna Angel Sabbagh ta’ 15-il sena.

Meta staqsejthom jekk qattx raw l-armata tal-estremisti Iżlamiċi qalulna li huma qatt ma ltaqgħu ma’ dawn it-terroristi, iżda ma jibżgħux minnhom, “Id-daesh (kelma oħra li tirreferi għall-Istat Iżlamiku li l-ISIS ma jiħdux gost biha) għandhom is-saħħa tal-armi, iżda aħna għandna s-saħħa tal-fidi li hi aktar qawwija,” qalet Avesta.

“L-armi tagħna li qed nużaw biex aktar nies jaraw li l-Kristjaneżmu hi r-reliġjon it-tajba hi bl-azzjonijiet tajba u kif naġixxu, għax l-azzjoni hi aktar qawwija mill-kliem,” qalet Angel li b’dan id-diskors komplew juru l-qawwa tagħhom tal-fidi Kristjana f’pajjiż Musulman. Fil-fatt, sa ftit snin ilu fl-Iraq kien hemm 1.6 miljun Kristjan, imma llum hemm biss 200,000 persuna li kważi kollha jgħixu fit-tramuntana tal-pajjiż għalkemm hemm komunitajiet żgħar f’Baghdad u anke fin-naħa t’isfel tal-Iraq.

Dawn iż-żgħażagħ skantawni bil-pożittività tagħhom fejn taw stampa ferm differenti minn dak li naraw fuq il-media internazzjonali tal-Iraq. “Erbil u Ankawa hu aktar sikur minn Washington. Nixtiqukom li tiġu pajjiżna u taraw xi ġmiel għandna u tkunu tafu aktar dwar l-Iraq u l-Iraqqini li mhux żona ta’ gwerra biss,” qaltilna waħda mill-għalliema, Carolen Kossa ta’ 26 sena. “Aħna ma ġejnix Għawdex biex nibqgħu hawn jew biex naħarbu minn pajjiżna iżda biex nieħdu esperjenza ġdida. Aħna nħobbuh pajjiżna u rridu nibqgħu hemm u qed nistudjaw biex inkunu l-mexxejja tal-futur biex nibdlu l-mentalità tal-poplu li meta jaraw kif naħsbuha aħna, il-poplu stess jagħżel ħajja aħjar għal pajjiżna,” kompliet iċ-ċkejkna Avesta li bil-beritta fuq rasha kienet l-aktar waħda vivaċi u lesta biex twassal messaġġ pożittiv mill-Iraq.

Dawn l-istudenti ġejjin mill-iskola Internazzjonali Mar-Qardakh, li hi skola Kattolika li l-istudenti tagħha jħallsu biex jattendu għaliha u tibbaża l-istudji tagħha fuq il-pożittività u t-taħriġ bħala mexxejja futuri. “Kull student u studenta qed jaħdem u jitgħallem biex joħloq proġett personali biex ngħinu lill-poplu tagħna jkun aktar ferħan. Li nkunu kapaċi nwasslu diskorsi li jgħinu lill-poplu tagħna jaħdem għal futur sabiħ. Inwasslu l-messaġġ li l-mara fl-Iraq trid taħdem għal karriera wkoll u mhux biss biex trabbi l-familja. Il-mara għandha post għoli fis-soċjetà,” kompliet Avesta li qaltli wkoll li l-ħolma tagħha hi li xi darba tkun uffiċjal tal-pulizija.

Mistoqsijin x’inhuma l-ħolm tagħhom għall-futur, qalulna li hemm minnhom li jixtiequ jsiru spiżjara u anke interior designers, b’Angel tgħid li għadha żgħira u għadha qed tfittex fejn se tpoġġi rasha eżatt għall-futur tagħha.

Sana Kurda li hi għalliema oħra ta’ 27 sena qaltilna li f’Erbil hemm 80% tan-nisa li jaħdmu, u dan il-fatt, il-punent għadu ma jafux, “għax dawn l-aħbarijiet ma jaslu qatt. L-iskola li fiha jattendu madwar 500 student qed taħdem biex ikollha soċjetà b’moħħ miftuħ li jatribwixxi dan l-istat ta’ moħħ anke barra l-iskola.”

“Għalkemm hemm problemi tad-daesh sagħtejn bogħod minna, ma nitkellmux dwar gwerer iżda dwar il-ħajja normali ta’ kuljum. Ma rridux li l-biżgħat jiddominawlna moħħna,” qalilna Martin Niqola għalliem ta’ 26 sena.

“Irridu nfiehmu lill-Punent li pajjiżna hu kbir immens u hemm poplu li għandu l-għixien tiegħu u jgħix ħajja normali. Aħna ngħixu Erbil u Ankawa fin-naħa ta’ fuq tal-Iraq fejn iż-żona tagħna hi meqjusa bħala l-Kurdistan. Iżda anke Baghdad hu aħjar minn Erbil, vera li kultant isir xi attakk suwiċida, u l-media turi li qisu Baghdad kollu twaqqa’, imma din tkun żona ċkejkna u jumejn wara jkun kollox imnaddaf, iżda dan ma jġibu ħadd.

“Aħna għandna proverbju fl-Iraq li l-aħbar il-ħażina tiekol l-aħbar it-tajba. Aħna qed naħdmu biex nuru li hemm ħajja fl-Iraq. Il-Kristjani li huma 0.001% tal-popolazzjoni Iraqqina, illum kollha salvati.”

Martin jgħallem ir-reliġjon f’din l-iskola u għalhekk staqsejnih x’jagħmel li kieku jiġu terroristi Iżlamiċi u jagħtuh għażla li jew jibdel ir-reliġjon tiegħu inkella jeħdulu ħajtu. “Aħna nemmnu f’Ġesù u kif iffaċċja l-mewt. Ma nibdilx ir-reliġjon tiegħi. Jista’ jirnexxili naħrab il-mewt f’din id-dinja, iżda wara rrid niffaċċja lil Alla fil-ġudizzju.”

Sadanittant, fost il-grupp ta’ 27 student Iraqqin hemm tlieta fosthom li mhumiex studenti iżda li ġejjin minn kamp tar-refuġjati. Dawn qalulna li effettivament, lis-suldati tal-ISIS qatt ma rawhom iżda fejn kienu, ġieli jaraw il-missili neżlin u wieħed minnhom ra lil ommu u ħuh imut b’missila u għalhekk ħarab u spiċċa Erbil fejn Fr Douglas laqagħhom fiċ-ċentru tiegħu. Dawn it-tlieta ma jitkellmux bl-Ingliż iżda bl-Għarbi u għalhekk ma kienx faċli li jirrakuntaw minn xiex għaddew, iżda dawn dehru li huma differenti mill-oħrajn.

L-Iraqqini għand il-president
L-Iraqqini għand il-president
Quddiem Ta Pinu
Quddiem Ta Pinu
Laqgħa bejn l-Għawdxin u l-Iraqqini
Laqgħa bejn l-Għawdxin u l-Iraqqini
Il-Qala
Il-Qala
Il-Ġgantija
Il-Ġgantija
Il-Qbajjar Marsalforn
Il-Qbajjar Marsalforn
Ic-Cittadella
Ic-Cittadella
Mal-Isqof t'Għawdex
Mal-Isqof t'Għawdex
Ikla Pizza fiż-Żebbuġ
Ikla Pizza fiż-Żebbuġ
Quddiem il-kattidral
Quddiem il-kattidral

Martin u l-istudenti qalulna li impressjonaw ruħhom bil-ġmiel u bil-laqgħa kbira li kellhom f’Għawdex, “ħsibt li se nsib umdità u sħana kbira, iżda konna impressjonati anke bil-kultura u tradizzjonijiet Għawdxin fejn tħallatna ma’ ħafna żgħażagħ Għawdxin u qsamna l-ħsibijiet tagħna magħhom.” Martin qalilna li hu ma jixtieqx jitlaq mill-Iraq iżda jekk kellu jagħżel li jgħix ġo pajjiż ieħor barra l-Iraq kien jagħżel Għawdex żgur.

“L-isbaħ mumenti li kellna kien meta ltqajna mal-president ta’ Malta u mal-Isqof t’Għawdex. Mumenti li ma ninsihom qatt.”

Sadanittat, Angel Sabbagh qabel tlaqna lil xulxin irringrazzjatni talli kont qed inwassal messaġġ pożittiv minn żgħażagħ Iraqqini li kulħadd iħares lejhom mhux bħala poplu normali, iżda bħala refuġjati tal-gwerra li jridu jaħarbu minn pajjiżhom. “Il-gwerra ma ġibniehiex aħna fuqna, iżda aħna nsofru bħal kulħadd. L-għażla ta’ gwerra hi tal-politiċi u mhux taċ-ċittadini. Aħna rridu pajjiż bla gwerra. Aħna rridu nitolbu għall-paċi u naħdmu għall-paċi għax nixtiequ li d-dinja kollha tkun tgħix fil-paċi. Iżda aħna żgħażagħ kuntenti u nixtiequ nwasslu messaġġ ta’ pożittività u paċi liż-żgħażagħ kollha fid-dinja.”

 

 

 

More in G?awdex